Language of document : ECLI:EU:C:2024:549

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ġunju 2024 (*)

Werrej


I. Ilkuntest ġuridiku

II. Ilfatti li wasslu għallkawża

A. Il-perindopril ta’ Servier

B. Il-perindopril ta’ Krka

C. It-tilwimiet relatati mal-perindopril

1. Ilproċedimenti quddiem l-UEP

2. Ilproċeduri quddiem ilqrati nazzjonali

D. Ilftehimiet Krka

III. Id-deċiżjoni kontenzjuża

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

VI. Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

VII. Fuq l-appell

A. Fuq l-ewwel sas-sitt aggravju, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

1. Ilpunti rilevanti taddeċiżjoni kontenzjuża u tassentenza appellata

a) Iddeċiżjoni kontenzjuża

b) Issentenza appellata

2. Fuq lammissibbiltà talewwel sas-sitt aggravju

3. Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-eżami tal-mertu tal-ewwel sas-sitt aggravju

4. Fuq lewwel aggravju

a) Fuq irrilevanza tal-ewwel motiv

1) Largumenti tal-partijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq lewwel sattielet parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

c) Fuq irraba’ u s-sitt parti

1) Largumenti tal-partijiet

2) Il-kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

i) Fuq iddeċiżjoni talHigh Court tat3 ta’ Ottubru 2006

ii) Fuq id-deċiżjoni tal-UEP tas27 ta’ Lulju 2006

d) Fuq ilħames parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

e) Konklużjoni fuq lewwel aggravju

5. Fuq ittieni aggravju

a) Fuq ittieni parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

c) Fuq il-ħames sat-tmien parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

6. Fuq ittielet aggravju

a) Fuq lewwel parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq ittieni parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Il-kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

c) Fuq ittielet parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

d) Fuq irraba’ parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

e) Fuq ilħames parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

f) Fuq issitt parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

7. Fuq ir-raba’ aggravju

a) Fuq lewwel parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq ittieni parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

c) Fuq ittielet parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

d) Fuq irraba’ parti

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

8. Fuq ilħames aggravju

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

9. Konklużjoni intermedja dwar lewwel salħames aggravji

10. Fuq issitt aggravju

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

B. Fuq is-seba’ aggravju, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba leffett fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

1. Ilpunti rilevanti taddeċiżjoni kontenzjuża u tassentenza appellata

a) Iddeċiżjoni kontenzjuża

b) Issentenza appellata

2. Largumenti tal-partijiet

3. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

C. Fuq it-tmien sal-ħdax-il aggravju, dwar il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE

1. Ilpunti rilevanti taddeċiżjoni kontenzjuża u tassentenza appellata

a) Iddeċiżjoni kontenzjuża

b) Issentenza appellata

2. Fuq ittmien aggravju

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

3. Fuq id-disa’ u l-għaxar aggravju

4. Fuq il-ħdax-il aggravju

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

D. Konklużjoni fuq l-appell

VIII. Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

IX. Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

A. Fuq lewwel parti tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

a) Fuq ilkompetizzjoni potenzjali eżerċitata fuq Servier minn Krka

b) Fuq leżistenza ta’ ftehim ta’ qsim tassuq

B. Fuq lgħaxar motiv tarrikors flewwel istanza

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq l-ispejjeż




“Appell – Kompetizzjoni – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-perindopril – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Qsim tas-suq – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Strateġija intiża li ddewwem id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi – Ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja– Ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja ta’ teknoloġija – Artikolu 102 TFUE – Suq rilevanti – Abbuż minn pożizzjoni dominanti”

Fil-Kawża C‑176/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑22 ta’ Frar 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castilla Contreras, B. Mongin, J. Norris u C. Vollrath, sussegwentement minn F. Castilla Contreras, F. Castillo de la Torre, B. Mongin, J. Norris kif ukoll C. Vollrath, u fl-aħħar minn F. Castilla Contreras, F. Castillo de la Torre, J. Norris u C. Vollrath, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn D. Guðmundsdóttir, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, KC, sussegwentement minn L. Baxter, D. Guðmundsdóttir, F. Shibli u J Simpson, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, KC, u P. Woolfe, barrister, u fl-aħħar minn S. Fuller, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, KC, u P. Woolfe, barrister,

intervenjent fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Servier SAS, stabbilita fi Suresnes (Franza),

Servier Laboratories Ltd, stabbilita fi Stoke Poges (Ir-Renju Unit),

Les Laboratoires Servier SAS, stabbilita fi Suresnes,

irrappreżentati minn O. de Juvigny, J. Jourdan, avocats, J. Killick, advocaat, u M. I. F. Utges Manley, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn F. Carlin, avocate, u N. Niejahr, Rechtsanwältin,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: M. Longar u R. Şereş, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 u tal‑21 ta’ Ottubru 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:922), li permezz tagħha din annullat l-Artikolu 4, sa fejn din tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Servier SAS u ta’ Laboratoires Servier SAS fil-ftehimiet imsemmija f’dan l-artikolu, fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 7(4) (b) u fl-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 final tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 102 [TFUE] [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

I.      Ilkuntest ġuridiku

2        Il-punti 13 sa 15, 17 u 24 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155) huma fformulati kif ġej.

“Ġegħil kompetittittiv [Restrizzjonijiet kompetittivi]

13.      Id-ditti huma soġġetti għall-tlett ejgħun jew ġegħil kompettittiv: it-tibdil fid-domanda, it-tibdil fil-provvista u kompetizzjoni potenzali. Minn lenti ekonomika, għal tifsira ta' suq rilevanti, sostituzzjoni ta’ domanda tfisser il-forza dixxiplinarja l-aktar immedjata u effettiva fuq il-fornituri ta’ prodott speċifiku vis-à-vis id-deċiżjonijiet dwar il-prezz tagħhom. Ditta jew grupp ta’ ditti ma jistax ikollhom impatt sinjifikanti fuq il-kondizzjonijiet aqwa ta’ bejgħ, bħal prezzijiet, jekk il-klijenti tagħhom huma f’pożizzjoni illi jistgħu jaqilbu faċilment għall-prodotti oħra disponibbli jew għal fornituri oħra li jkunu lokati x’imkien ieħor. Bażikament, l-eżerċizzju tat-tifsira ta’ suq tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ ejgħun alternattivi effettivi għall-fornitura lill-klijenti tal-impriża involuta, ai termini ta’ prodotti/servizzi kif ukoll il-lokalità ġeografika tal-fornituri.

14.      Il-rases [restrizzjonijiet] tal-kompetizzjoni li joħorġu minn naħa ta’ sostituzzjoni ta’ fornitura minbarra dawk deskritti fil-paragrafi 20 sa 23 u minn kompetizzjoni potenzali huma ġeneralment inqas immedjati u f’kull każ jenħtieġu analiżi ta’ fatturi addizzjonali. Bħala riżultat dawn il-ġegħil huma meħuda in konsiderazzjoni għall-istadju ta’ assessjar f’analiżi ta’ kompetizzjoni.

Sostituzzjoni ta’ domanda

15.      L-istima ta’ sostituzzjoni ta’ domanda tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkonsidrati bħala li sostituti mill-komsumatur. Mod wieħed kif tista' ssir din id-determinazzjoni tista’ tidher bħala esperiment spekulattiv, billi jintalab kambjament ipotekali żgħir u illi jdum fil-prezzijiet relattivi u fl-evalwar tar-reazzjoni li x’aktarx ikun hemm mill-klijenti għall-dik il-żieda. L-eżerċizzju tad-definizzjoni ta’ suq tiffoka fuq il-prezzijiet għal għanijiet ta’ pjan operazzjonali u prattiċi, u aktar preċiżament fuq is-sostituzzjoni tad-domanda li toħroġ minn sostituzzjoni tad-domanda minn kambjamenti permanenti żgħar fil-prezzijiet relattivv. Dan il-kunċett jipprovdi indikazzjonijiet ċari għall-evidenza illi hija rilevanti fit-tifsira ta. swieq.

[...]

17.      Il-mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment jew għall-fornituri li qegħdin fl-lokalità oħra bħala risposta għal żieda ipotekalment żgħira (bejn il‑5 % sal‑10 %) iżda permanenti fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkonsidrati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed illi tagħmel iż-żieda fil-prezz mhux profittabbli minħabba nuqqas fil-bejgħ, sostituzzjonijiet addizzjonali u żoni sostituzzjonali huma inklużi fis-suq rilevanti. Dan ikun magħmul sakemm il-grupp ta’ prodotti and żoni ġeografiċi huma b’jtali mod illi żidiet permanenti żgħar fil-prezzijiet relattivi jkunu kappaċi jagħmlu profitt. [...]

[...]

Kompetizzjoni potenzjali

24.      It-tielet egħjun ta’ ġegħil kompetittiv [restrizzjoni kompetittiva], kompetizzjoni potenzali, mhuwiex meħud in konsiderazzjoni meta jkun se tingħata tifsira għas-suq, billi l-kondizzjonijiet taħt liema l-kompetizzjoni potenzali tkun fil-fatt tirrapreżenta ġegħil ta’ kompetizzjoni effettiv jiddependi mill-analiżi tal-fattur speċifiku u ċ-ċirkostanti relatati mal-kondizzjonijiet tad-dħul. Jekk meħtieġ, din l-analiżi hija magħmula fi stadju aktar sussegwenti, ġeneralment ġaladarba l-pożizzjoni tal-kumpaniji involuti fis-suq rilevanti kien diġa żgurat, u meta din il-pożizzjoni tagħti lok għal interess mill-lenti tal-kompetizzjoni.”

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

3        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-punti 1 sa 73 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

4        Servier SAS hija l-kumpannija omm tal-grupp farmaċewtiku Servier li jinkludi lil Les Laboratoires Servier SAS u lil Servier Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem, individwalment jew flimkien, “Servier”). Il-kumpannija Les Laboratoires Servier hija speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, u s-sussidjarja tagħha Biogaran SAS fi prodotti mediċinali ġeneriċi.

A.      Il-perindopril ta’ Servier

5        Servier żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali prinċipalment intiż għall-ġlieda kontra l-pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka. Dan il-prodott mediċinali jagħmel parti mill-inibituri tal-enżima ta’ konverżjoni tal-anġjotensina (iktar ’il quddiem il-“prodotti mediċinali IEK”). Is-sittax-il prodott mediċinali IEK li kienu jeżistu fiż-żmien tal-fatti kienu kklassifikati kemm fit-tielet livell tal-klassifikazzjoni anatomika, terapewtika u kimika (ATC) tal-prodotti mediċinali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li jikkorrispondi għall-indikazzjonijiet terapewtiċi, kif ukoll fir-raba’ livell ta’ din il-klassifikazzjoni, li jikkorrispondi għall-mod ta’ azzjoni, fl-istess grupp, intitolat “inibituri tal-[enżima ta’ konverżjoni tal-anġjotensina] biss”. L-ingredjent attiv tal-perindopril huwa fil-forma ta’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina.

6        Il-privattiva EP0049658, relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril, ġiet ippreżentata minn kumpannija tal-grupp Servier quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fid‑29 ta’ Settembru 1981. Din il-privattiva kellha tiskadi fid‑29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit, sat‑22 ta’ Ġunju 2003. Fi Franza, il-protezzjoni tal-imsemmija privattiva ġiet estiża sat‑22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat‑13 ta’ Frar 2009.

7        F’Settembru 1988, Servier ippreżenta diversi privattivi quddiem l-UEP relatati mal-proċessi ta’ manifattura tal-ingredjent attiv tal-perindopril li skadew fis‑16 ta’ Settembru 2008, jiġifieri l-privattivi EP0308339, EP0308340 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 340”), EP0308341 u EP0309324.

8        Fis‑6 ta’ Lulju 2001, Servier ippreżenta quddiem l-UEP il-privattiva EP1296947 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 947”), relatata mal-forma kristallina alpha tal-perindopril erbumina u mal-proċess ta’ manifattura tagħha, li nħarġet mill-UEP fl‑4 ta’ Frar 2004.

9        Fis‑6 ta’ Lulju 2001, Servier ippreżenta wkoll applikazzjonijiet għal privattivi nazzjonali f’diversi Stati Membri qabel ma dawn saru membri tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil‑5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis‑7 ta’ Ottubru 1977. Servier, pereżempju, ippreżenta applikazzjonijiet għal privattivi li jikkorrispondu għall-privattiva 947 fil-Bulgarija (BG 107 532), fir-Repubblika Ċeka (PV2003‑357), fl-Estonja (P200300001), fl-Ungerija (HU225340), fil-Polonja (P348492) u fis-Slovakkja (PP0149-2003). Il-privattivi ngħataw fis‑16 ta’ Mejju 2006 fil-Bulgarija, fis‑17 ta’ Awwissu 2006 fl-Ungerija, fit‑23 ta’ Jannar 2007 fir-Repubblika Ċeka, fit‑23 ta’ April 2007 fis-Slovakkja u fl‑24 ta’ Marzu 2010 fil-Polonja.

B.      Il-perindopril ta’ Krka

10      B’effett mis-sena 2003, KRKA, tovarna zdravil, d.d. (iktar ’il quddiem “Krka”), kumpannija stabbilita fis-Slovenja li timmanifattura prodotti mediċinali ġeneriċi, bdiet tiżviluppa prodotti mediċinali abbażi tal-prinċipju attiv perindopril kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina, imsemmija fil-privattiva 947 (iktar ’il quddiem il-“perindopril ta’ Krka”). Matul is-snin 2005 u 2006, hija kisbet diversi awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq u bdiet tikkummerċjalizza dan il-prodott mediċinali f’diversi Stati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b’mod partikolari fl-Ungerija u fil-Polonja. Matul dan il-perijodu, hija ppreparat ukoll it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit.

C.      It-tilwimiet relatati mal-perindopril

11      Bejn is-sena 2003 u s-sena 2009, kien hemm diversi tilwimiet bejn Servier u manifatturi li kienu ser jikkummerċjalizzaw verżjoni ġenerika tal-perindopril.

1.      Iddeċiżjonijiet tal-UEP

12      Matul is-sena 2004, għaxar manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, fosthom Niche Generics Ltd (iktar ’il quddiem “Niche”), Krka, Lupin Ltd u Norton Healthcare Ltd, sussidjarja ta’ Ivax Europe, li sussegwentement amalgamat ma’ Teva Pharmaceuticals Industries Ltd, kumpannija omm aħħarija tal-grupp Teva, speċjalizzata fil-manifattura ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, ressqu oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP, bl-għan li jiksbu r-revoka tagħha, billi invokaw motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva kif ukoll fuq in-natura insuffiċjenti tal-iżvelar tal-invenzjoni.

13      Fis‑27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal-privattiva 947 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006”). Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata quddiem il-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP. Wara li kkonkludiet ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma’ Servier, Niche rtirat mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fid‑9 ta’ Frar 2005. Krka u Lupin irtiraw mill-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP, rispettivament , fil‑11 ta’ Jannar 2007 u fil‑5 ta’ Frar 2007.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP annulla d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947. Ir-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Tekniku ġie miċħud fid‑19 ta’ Marzu 2010.

2.      Iddeċiżjonijiet talqrati nazzjonali

15      Il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata quddiem ċerti qrati nazzjonali minn manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u Servier ressaq azzjonijiet għal kontrafazzjoni kif ukoll talbiet għal ordnijiet provviżorji kontra dawn il-manifatturi. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-proċeduri ngħalqu qabel ma l-qrati aditi setgħu jiddeċiedu definittivament dwar il-validità tal-privattiva minħabba ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja konklużi, bejn is-sena 2005 u s-sena 2007, minn Servier ma’ Niche, Matrix Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Matrix”), Teva, Krka u Lupin.

16      Fir-Renju Unit, hija biss il-kawża bejn Servier u Apotex Inc. li tat lok għall-konstatazzjoni, b’mod ġudizzjarju, tal-invalidità tal-privattiva 947. Fil-fatt, fl‑1 ta’ Awwissu 2006, Servier ressaq azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit), kontra Apotex, li kienet bdiet tikkummerċjalizza verżjoni ġenerika tal-perindopril fis-suq tar-Renju Unit. Fit‑8 ta’ Awwissu 2006, Servier kiseb ordni provviżorja kontra Apotex. Fis‑6 ta’ Lulju 2007, wara kontrotalba ta’ Apotex, din l-ordni provviżorja tneħħiet u l-privattiva 947 ġiet invalidata, u din l-impriża b’hekk setgħet tqiegħed fis-suq tar-Renju Unit verżjoni ġenerika tal-perindopril. Fid‑9 ta’ Mejju 2008, id-deċiżjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 ġiet ikkonfermata fl-appell.

17      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit‑13 ta’ Novembru 2007, Katwijk Farma BV, sussidjarja ta’ Apotex, ressqet talba quddiem il-qorti ta’ dan l-Istat Membru għall-annullament tal-privattiva 947, kif ivvalidata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Servier ressaq talba għal ordni provviżorja quddiem din il-qorti, li ġiet miċħuda fit‑30 ta’ Jannar 2008. L-imsemmija qorti, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2008 fi proċedura mibdija minn Pharmachemie BV, kumpannija tal-grupp Teva, annullat il-privattiva 947 għall-Pajjiżi l-Baxxi. Wara din id-deċiżjoni, Servier u Katwijk Farma rtiraw it-talbiet tagħhom.

18      Barra minn hekk, diversi tilwimiet bejn Servier u Krka dwar il-perindopril tressqu quddiem qrati nazzjonali.

19      Fl-Ungerija, fit‑30 ta’ Mejju 2006, Servier ressaq talba għal ordni provviżorja intiża li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-perindopril ta’ Krka, minħabba l-ksur tal-privattiva 947. Din it-talba ġiet miċħuda f’Settembru 2006.

20      Fir-Renju Unit, fit‑28 ta’ Lulju 2006, Servier ressaq azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 340 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit), kontra Krka. Fit‑2 ta’ Awwissu 2006, Servier ressaq azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 u talba għal ordni provviżorja kontra Krka. Fit‑2 ta’ Awwissu 2006, Krka ressqet l-ewwel kontrotalba intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947, flimkien ma’ talba għal proċedura sommarja (motion of summary judgment) u, fit‑8 ta’ Settembru 2006, it-tieni kontrotalba intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 340. Fit‑3 ta’ Ottubru 2006, l-imsemmija qorti laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u ċaħdet it-talba għal proċedura sommarja mressqa minn Krka fl‑1 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006”). Fl‑1 ta’ Diċembru 2006, il-kawża ntemmet wara ftehim ta’ soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet u tneħħiet l-ordni provviżorja.

D.      Ilftehimiet Krka

21      Servier u Krka kkonkludew tliet ftehimiet (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet Krka”). Fis‑27 ta’ Ottubru 2006, huma kkonkludew ftehim ta’ soluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka”) u ftehim ta’ liċenzja, li ġie kkompletat b’emenda fit‑2 ta’ Novembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ liċenzja Krka” u, dawn iż-żewġ ftehimiet flimkien, il-“ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka”). Barra minn hekk, Servier u Krka kkonkludew, fil‑5 ta’ Jannar 2007, ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka”).

22      Il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kien ikopri l-privattiva 947 kif ukoll il-privattivi nazzjonali ekwivalenti. Permezz ta’ dan il-ftehim, fis-seħħ sal-iskadenza jew sar-revoka tal-privattivi 947 jew 340, Krka inkarigat ruħha li tirrinunzja kwalunkwe pretensjoni fir-rigward tal-privattiva 947 fid-dinja kollha kif ukoll fir-rigward tal-privattiva 340 fir-Renju Unit u li ma tikkontesta ebda waħda minn dawn iż-żewġ privattivi fil-futur fid-dinja kollha. Barra minn hekk, Krka u s-sussidjarji tagħha ma kinux awtorizzati jintroduċu jew ibiegħu verżjoni ġenerika tal-perindopril bi ksur tal-privattiva 947 matul il-perijodu ta’ validità ta’ din tal-aħħar u fil-pajjiż fejn kienet għadha valida, għajr bl-awtorizzazzjoni espressa ta’ Servier. Bl-istess mod, Krka ma setgħet tipprovdi lil ebda terz verżjoni ġenerika tal-perindopril bi ksur tal-privattiva 947, mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa ta’ Servier. Bħala korrispettiv, Servier kien obbligat jirtira l-azzjonijiet tiegħu kontra Krka għal kontrafazzjoni tal-privattivi 947 u 340, inklużi t-talbiet tiegħu għal ordni provviżorja, pendenti fid-dinja kollha.

23      Skont il-ftehim ta’ liċenzja Krka, konkluż għal perijodu li kien jikkorrispondi mal-validità tal-privattiva 947, Servier ikkonċeda lil Krka liċenzja esklużiva u irrevokabbli fuq din il-privattiva sabiex tuża, timmanifattura, tbiegħ, tipproponi għall-bejgħ, tippromwovi u timporta l-prodotti tagħha stess li jinkludu l-forma kristallina alpha tal-erbumina fir-Repubblika Ċeka, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja, fis-Slovenja u fis-Slovakkja (iktar ’il quddiem is-“swieq prinċipali ta’ Krka”). Bħla korrispettiv, Krka kienet marbuta, skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, tħallas lil Servier tariffa ta’ 3 % tal-ammont nett tal-bejgħ tagħha f’dawn it-territorji kollha. F’dawn l-istess Stati, Servier kien awtorizzat juża direttament jew indirettament, jiġifieri għal waħda mis-sussidjarji tiegħu jew għal terz wieħed għal kull pajjiż, il-privattiva 947.

24      Skont il-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka, Krka ttrasferixxiet żewġ applikazzjonijiet għal privattivi lil Servier, waħda li tikkonċerna proċess ta’ sinteżi tal-perindopril (WO 2005 113500) u l-oħra l-preparazzjoni ta’ formulazzjonijiet ta’ perindopril (WO 2005 094793). It-teknoloġija protetta minn dawn l-applikazzjonijiet għal privattivi kienet użata għall-produzzjoni tal-perindopril ta’ Krka. Din tal-aħħar inkarigat ruħha li ma tikkontestax il-validità tal-privattivi li jingħataw abbażi tal-imsemmija applikazzjonijiet. Bħala korrispettiv għal dan it-trasferiment, Servier ħallas lil Krka is-somma ta’ EUR 30 miljuni.

25      Barra minn hekk, b’dan il-ftehim, Servier ikkonċeda wkoll lil Krka liċenzja mhux esklużiva, irrevokabbli, mhux trasferibbli u eżenti minn royalties, mingħajr dritt li tikkonċedi sottoliċenzji, għajr lis-sussidjarji tagħha, fuq l-applikazzjonijiet jew il-privattivi li jirriżultaw minnhom, peress li din il-liċenzja ma kinitx limitata rationae temporis, fir-rigward tat-territorju jew fl-użu li seta’ jsir minnha.

III. Id-deċiżjoni kontenzjuża

26      Fid‑9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

27      Fl-Artikoli 1 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Servier kien kiser l-Artikolu 101 TFUE, billi pparteċipa fil-ftehimiet ma’ Niche, Matrix, Teva, Krka u Lupin. B’mod partikolari, fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li l-ftehimiet Krka kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li jkopri l-Istati kollha li kienu membri tal-Unjoni Ewropea fid-data tal-fatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkostitwixxu s-swieq prinċipali ta’ Krka; li dan il-ksur kien beda fis‑27 ta’ Ottubru 2006, ħlief fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, fejn kien beda fl‑1 ta’ Jannar 2007, ta’ Malta, fejn kien beda fl‑1 ta’ Marzu 2007, u tal-Italja, fejn kien beda fit‑13 ta’ Frar 2009; u li l-imsemmi ksur kien intemm fis‑6 ta’ Mejju 2009, ħlief fir-rigward tar-Renju Unit, fejn kien intemm fis‑6 ta’ Lulju 2007, u tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn kien intemm fit‑12 ta’ Diċembru 2007.

28      Fl-Artikolu 7(1) sa (5) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet fuq Servier, għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, multi ta’ ammont totali ta’ EUR 289 727 200, li minnhom EUR 37 661 800 minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehimiet Krka.

29      Barra minn hekk, fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat li Servier kien kiser l-Artikolu 102 TFUE billi żviluppa u implimenta, permezz ta’ akkwist ta’ teknoloġija u ta’ ħames ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja, strateġija ta’ esklużjoni li tkopri s-suq tal-perindopril u tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali, fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit.

30      Fl-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet fuq Servier, minħabba l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, multa ta’ ammont ta’ EUR 41 270 000.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2014, Servier ippreżenta rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqu mill-imsemmija deċiżjoni.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fit‑2 ta’ Frar 2015, il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA) talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura insostenn tat-talbiet ta’ Servier. Din it-talba ntlaqgħet permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2015.

33      Fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, Servier invoka 17‑il motiv insostenn tat-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Seba’ minn dawn il-motivi huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell, jiġifieri r-raba’, id-disa’ u l-għaxar aggravju, relatati mal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ftehimiet Krka, kif ukoll l-erbatax sas-sbatax-il aggravju, li jikkonċernaw il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

34      Il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motivi intiżi kontra l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija qieset, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u lanqas dik ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE mwettaq minn Servier minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehimiet Krka, u l-Artikolu 7(4)(b) ta’ din id-deċiżjoni, li jimponi multa fuq Servier minħabba dan il-ksur.

35      Il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll il-motivi intiżi kontra d-definizzjoni tas-suq tal-perindopril u l-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq kif ukoll f’dak tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril. Essenzjalment, hija qieset li d-definizzjoni tas-suq tal-perindopril kienet ivvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jivvizzjaw il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża relatati mal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-swieq rilevanti. Konsegwentement, hija annullat l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni li kkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti minn Servier, kif ukoll l-Artikolu 7(6) tal-imsemmija deċiżjoni li impona multa fuq Servier minħabba dan l-istess ksur.

36      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

V.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell.

38      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2019, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummssjoni. B’deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub sal‑4 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑586/16 P, EU:C:2021:241), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, EU:C:2021:242), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, EU:C:2021:244), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245). Il-Kummissjoni, Servier, l-EFPIA u r-Renju Unit ikkonformaw ta’ din it-talba fit-terminu mogħti.

40      Il-fażi orali tal-proċedura ntemmet fl‑14 ta’ Lulju 2022 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali.

41      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li jannullaw (i) l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Servier fil-ftehimiet Krka, ii) l-Artikolu 7(4)(b) ta’ din id-deċiżjoni li jistabbilixxi l-multa imposta kontra Servier talli kkonkluda dawn il-ftehimiet, (iii) l-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni li jikkonstata ksur minn Servier tal-Artikolu 102 TFUE u (iv) l-Artikolu 7(6) tal-istess deċiżjoni li jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Servier relatata ma’ dan il-ksur;

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu tiddikjara l-Annessi A 286 u A 287 tar-rikors u l-Anness C 29 tar-replika fl-ewwel istanza bħala ammissibbli;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mressqa minn Servier u tiċħad it-talba ta’ Servier intiża għall-annullament tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 7(4)(b), tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 7(6) ta’ din id-deċiżjoni u tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni li tiddikjara bħala inammissibbli l-Annessi A 286 u A 287 tar-rikors fl-ewwel istanza u l-Anness C 29 tar-replika fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lil Servier għall-ispejjeż kollha ta’ dan l-appell.

42      Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43      L-EFPIA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni.

VI.    Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

45      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Lulju 2022, Servier talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, Servier jinvoka n-neċessità li jiġi żgurat dibattitu suffiċjenti dwar punti ewlenin tal-kuntest fattwali ta’ din il-kawża, filwaqt li jikkritika diversi elementi tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali. Skont Servier, tali ftuħ mill-ġdid huwa meħtieġ peress li dawn it-talbiet jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża minkejja li ċerti motivi mqajma fl-ewwel istanza li jinvolvu evalwazzjonijiet fattwali kumplessi la ġew eżaminati u lanqas, a fortiori, deċiżi mill-Qorti Ġenerali.

46      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li jkun għadu ma ġiex dibattut bejn il-partijiet.

47      Għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, tikkonstata li l-elementi mressqa minn Servier ma jiżvelaw ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li din tal-aħħar ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura, l-elementi kollha neċessarji, hija għalhekk għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi dan l-appell. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, meta l-appell ikun fondat u l-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament hija stess. Fid-dawl tal; dak li ntqal, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

VII. Fuq l-appell

49      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ħdax-il aggravju. Permezz tal-ewwel sas-sitt aggravji tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li l-ftehimiet Krka ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

50      It-tmien u d-disa’ aggravju huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi relatati mad-definizzjoni tas-suq tal-prodott mediċinali perindopril adottata, fid-deċiżjoni kontenzjuża, sabiex issostni l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Permezz tal-għaxar aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta ddeċidiet li ċerti dokumenti li Servier kien annetta mar-rikors tiegħu u mar-replika tiegħu fl-ewwel istanza huma ammissibbli. Il-ħdax-il aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril.

A.      Fuq l-ewwel sas-sitt aggravju, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

51      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mingħajr ma vverifikat jekk Krka kinitx kompetitur potenzjali ta’ Servier u lanqas ma wieġbet għall-argument ta’ din tal-aħħar dwar dan is-suġġett, fuq ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju, fuq ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova, fuq żnaturament tal-provi relatati mal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier, u fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

52      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali applikat kriterji legali żbaljati sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ta’ żnaturament tal-provi, kif ukoll tan-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

53      It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali eżiġiet li ftehim intiż għat-tqassim tas-swieq jipprevedi tqassim “ermetiku” bejn il-partijiet sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas‑27 ta’ April 2004 fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE] għall-kategoriji ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 74), u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] għall-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija” (ĠU 2004, C 101, p. 2), kif ukoll tal-iżnaturament ta’ ċerti provi.

54      Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkritikat id-deċiżjoni kontenzjuża li kkonstatat restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mingħajr ma ġiet analizzata l-intenzjoni tal-partijiet, fuq ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

55      Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka, filwaqt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ikkonstatat ksur f’dawn is-swieq.

56      Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn l-iżbalji ta’ liġi allegati fil-kuntest tal-ewwel sal-ħames aggravju wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrifjuta li tirrikonoxxi li l-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

1.      Ilpunti rilevanti taddeċiżjoni kontenzjuża u tassentenza appellata

a)      Iddeċiżjoni kontenzjuża

57      Fil-premessi 1670 sa 1859 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tal-ftehimiet Krka fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE. Għar-raġunjiet esposti fil-premessi 1670 sa 1812 ta’ din id-deċiżjoni, hija qieset li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur wieħed u kontinwu li kellu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni billi jaqsam is-swieq tal-perindopril fl-Unjoni bejn dawn iż-żewġ impriżi.

58      Minn naħa, mill-premessi 1701 sa 1763 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kellhom bħala għan it-tqassim u l-allokazzjoni tas-swieq tal-Unjoni bejn Servier u Krka. Il-ftehim ta’ liċenzja kien jawtorizza lil Krka tkompli jew tibda tikkummerċjalizza verżjoni ġenerika tal-perindopril fil-kuntest ta’ duopolju de facto ma’ Servier fis-swieq prinċipali ta’ Krka. Din l-awtorizzazzjoni kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-impenn ta’ Krka, skont il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, li tastjeni milli tikkompeti ma’ Servier fis-swieq nazzjonali l-oħra fit-territorju tal-Unjoni, li jikkostitwixxu s-swieq prinċipali ta’ din l-impriża (iktar ’il quddiem is-“swieq prinċipali ta’ Servier”). Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-imsemmi ftehim ta’ liċenzja kien jikkostitwixxi l-inċentiv offrut minn Servier sabiex Krka taċċetta r-restrizzjonijiet miftiehma fil-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka.

59      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 1764 sa 1810 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka kien ippermetta li tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-partijiet, kif kienet tirriżulta mill-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, billi pprekluda lil Krka milli tittrasferixxi t-teknoloġija tagħha għall-produzzjoni tal-perindopril lil manifatturi oħra ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li setgħu għalhekk jużawh sabiex jikkummerċjalizzaw verżjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott mediċinali fis-swieq prinċipali ta’ Servier. Sa fejn il-ħlas minn Servier lil Krka tas-somma ta’ EUR 30 miljun ma kellux rabta mad-dħul li Servier seta’ jwettaq jew jistenna li jwettaq mill-operat kummerċjali tat-teknoloġija ttrasferita minn Krka, dan il-ħlas tqies mill-Kummissjoni bħala kondiviżjoni tad-dħul li jirriżulta mit-tisħiħ tat-tqassim tas-swieq bejn Servier u Krka.

b)      Issentenza appellata

60      Il-Qorti Ġenerali indikat, fl-ewwel lok, fil-punti 255 sa 274 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li fihom hija qieset li l-introduzzjoni ta’ klawżoli ta’ non-kontestazzjoni ta’ privattivi u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġeneriċi fi ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privattivi hija anti-kompetittiva. Skont il-Qorti Ġenerali, tali inklużjoni hija antikompetittiva jekk tkun ibbażata mhux fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva u tan-natura ta’ kontrafazzjoni tal-prodotti ġeneriċi kkonċernati, iżda fuq ħlas invertit sinjifikattiv u mhux iġġustifikat min-naħa tal-proprjetarju tal-privattiva favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li jinċentivah jissuġġetta ruħu għall-imsemmija klawżoli. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 271 tas-sentenza appellata li, fil-preżenza ta’ tali inċentiv, ftehimiet ta’ tali natura għandhom jitqiesu bħala ftehimiet ta’ esklużjoni tas-suq li permezz tagħhom min jibqa’ għandu jikkumpensa lil min joħroġ.

61      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 797 sa 810 tas-sentenza appellata, li, meta ftehim kummerċjali komuni jkun assoċjat ma’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ kawża ta’ privattiva li jinkludi klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni, tali arranġament kuntrattwali għandu jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv jekk il-valur ittrasferit mill-proprjetarju tal-privattiva lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi skont il-ftehim kummerċjali jeċċedi l-valur tal-beni ttrasferit minnu skont dan il-ftehim. Fi kliem ieħor, tali arranġament kuntrattwali għandu jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv jekk il-ftehim kummerċjali normali assoċjat mal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja jservi fir-realtà sabiex jostor trasferiment ta’ valur tal-proprjetarju tal-privattiva lejn il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li bħala korrispettiv hemm biss l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li ma jikkompetix.

62      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 943 sa 1032 tas-sentenza appellata, dwar il-każ partikolari tal-assoċjazzjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma’ ftehim ta’ liċenzja, bħal dik li tirriżulta mill-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. Huwa qies li, f’dan il-każ, il-kunsiderazzjonijiet applikabbli għall-assoċjazzjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma’ ftehim kummerċjali normali, imqassra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma humiex validi. Mill-punti 943 sa 947 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma’ ftehim ta’ liċenzja tikkostitwixxi motiv adattat sabiex tintemm il-kawża billi tippermetti d-dħul tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq u tilqa’ t-talbiet taż-żewġ partijiet. Barra minn hekk, il-preżenza, fi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, ta’ klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni tkun leġittima meta dan il-ftehim ikun ibbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva. Ftehim ta’ liċenzja, li jagħmel sens biss meta l-liċenzja tkun effettivament użata, huwa neċessarjament ibbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva.

63      Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 948 u 952 tas-sentenza appellata, qieset li, sabiex jiġi stabbilit li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ ftehim ta’ liċenzja tostor fir-realtà pagament invertit mingħand il-proprjetarju tal-privattiva favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, il-Kummissjoni għandha turi li r-royalty imħallsa lill-proprjetarju tal-privattiva, abbażi ta’ dan il-ftehim ta’ liċenzja, minn dan il-manifattur hija anormalment baxxa.

64      Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, esponiet, fil-punti 953 sa 956 tas-sentenza appellata, li l-livell anormalment baxx ta’ din it-tariffa għandu jirriżulta b’mod iktar ċar sabiex ftehim ta’ soluzzjoni bonarja jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li n-natura antikompetittiva tal-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni li jinvolvi dan il-ftehim hija mmitigata mill-effett favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja, li jiffavorixxi d-dħul fis-suq tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi.

65      Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 963 tas-sentenza apppellata li, “fil-preżenza ta’ kawża reali bejn il-partjiet ikkonċernati fil-kawża u ta’ ftehim ta’ liċenzja li jidher li għandu rabta diretta mas-soluzzjoni bonarja ta’ din il-kawża, l-assoċjazzjoni ta’ dan il-ftehim mal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma tikkostitwixxix indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit. F’tali każ, huwa għalhekk abbażi ta’ indizji oħra li l-Kummissjoni tista’ turi li l-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq u jaħbi b’hekk ħlas invertit”.

66      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatturi li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 964 sa 1031 tas-sentenza appellata, il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, u waslet, fil-punt 1032 ta’ din is-sentenza, għall-konklużjoni li dawn il-ftehimiet ma kinux juru “grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex il-Kummissjoni setgħet b’mod korrett tikkunsidra li kienu jikkostitwixxu restrizzjoni [tal-kompetizzjoni] minħabba l-għan”.

2.      Fuq lammissibbiltà talewwel sas-sitt aggravju

67      Servier isostni li l-appell, meħud fl-intier tiegħu u b’mod iktar partikolari fl-ewwel sas-sitt aggravju tiegħu, huwa inammissibbli għal diversi motivi.

68      Fl-ewwel lok, parti kbira mill-argument tal-Kummissjoni żviluppat fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ aggravju hija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali għalhekk għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni, C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      B’kuntrast ma’ dan, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali tkun ikkwalifikat in-natura legali tagħhom u ddeterminat il-konsegwenzi fil-liġi. Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx kriterji legali korretti fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, qabelxejn, lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, talli applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tevalwa l-legalità tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża li wasslet għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier. Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli mmotivat is-sentenza appellata b’mod insuffiċjenti jew kontradittorju, kif ukoll talli żnaturat ċerti provi. Fl-aħħar, hija ssostni li din il-qorti kisret ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni tal-prova u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju billi naqset milli tiddeċiedi dwar l-ilmenti relatati mal-kompetizzjoni potenzjali żviluppati fil-kuntest b’mod partikolari tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, billi naqset milli tanalizza r-raġunament u l-provi kollha li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, kif ukoll billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti bil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn hija imputat lil Krka motivi li jispjegaw l-għażla ta’ din l-impriża li tissokta bl-azzjoni kontenzjuża tagħha wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, minkejja li dawn il-motivi jikkostitwixxu biss allegazzjoni, li barra minn hekk hija kontradetta minn konstatazzjonijiet oħra magħmula mill-Qorti Ġenerali.

72      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni kif ukoll l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali, u tinvoka l-ksur ta’ regoli proċedurali kif ukoll l-iżnaturament tal-provi. Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, ilmenti ta’ din in-natura jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza.

73      Permezz tat-tieni sar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta essenzjalment l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet Krka li jikkonsisti fil-fatt li ssir kondiviżjoni tas-swieq. Tali kwistjoni tikkostitwixxi manifestament punt ta’ liġi peress li timplika li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 101(1) TFUE.

74      Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti allegatament favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka, filwaqt li ebda ksur ma kien ġie kkonstatat mill-Kummissjoni f’dawn is-swieq, u li tali effetti ma setgħux jiġġustifikaw restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq swieq oħra. Għandu jiġi osservat li tali argument jirrigwarda l-kriterju ġuridiku applikat mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa r-rilevanza tal-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni li hija kkonstatat u li l-eżami tiegħu jaqa’ għalhekk taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

75      Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li tirrikonoxxi li l-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja Krka kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, minħabba li din il-klassifikazzjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ kondiviżjoni tas-suq bejn Krka u Servier. Għalhekk, l-eżitu ta’ dan l-aggravju jiddependi mill-eżitu tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel sal-ħames aggravju tagħha, li effettivament jirrigwardaw żbalji ta’ liġi. Konsegwentement, l-eżami tas-sitt aggravju jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

76      Fit-tieni lok, Servier isostni, b’mod ġenerali, li l-appell sempliċement itenni l-argumenti invokati mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza u li ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma juri l-eżistenza, fis-sentenza appellata, ta’ żbalji ta’ liġi jew żnaturamenti tal-fatti. Dan huwa l-każ tal-argument tal-Kummissjoni żviluppat insostenn tal-ewwel aggravju, b’mod partikolari fir-rigward tar-raba’ parti tiegħu, u tat-tieni parti tat-tielet aggravju tiegħu.

77      Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li jintalab l-annullament tagħhom, kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Hermann Albers vs Il-Kummissjoni, C‑656/20 P, EU:C:2022:222, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk dan iwassal sabiex appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mill-finalità tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Hermann Albers vs Il-Kummissjoni, C‑656/20 P, EU:C:2022:222, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-argumentazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell tagħha tixbah sew lil dik li hija kienet invokat fl-ewwel istanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma tillimitax ruħha li tirrepeti l-argumenti diġà ppreżentati minnha quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda tikkontesta speċifikament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn din il-qorti. Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni ta’ Servier ibbażata fuq ir-repetizzjoni tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza ma tistax tintlaqa’.

80      Fit-tielet lok, Servier isostni li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod iktar partikolari dik żviluppata fil-kuntest tal-ewwel sal-ħames aggravju, ma hijiex suffiċjentement ċara sabiex tkun ammissibbli.

81      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi mqajma u invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tal-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punti 33 u 34). Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni, fl-appell tagħha, indikat fid-dettall l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tagħha, filwaqt li rreferiet b’mod speċifiku għall-punti tas-sentenza appellata li huma s-suġġett tal-argumentazzjoni tagħha.

82      Fir-raba’ lok, Servier jallega li l-appell sempliċement jiċċita b’mod frammentarju u selettiv is-sentenza appellata u li huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tiegħu.

83      Permezz ta’ dan l-argument, Servier jikkontesta, fir-realtà, il-validità, fil-mertu, tal-aggravji tal-appell. Tali argument jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu ta’ dawn l-aggravji u ma jistax, għaldaqstant, iwassal għall-inammissibbiltà ta’ dan l-appell.

84      Finalment, fil-ħames lok, Servier isostni li l-Kummissjoni, sa fejn tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ewwel, tar-raba’ u tas-sitt aggravju tagħha, talli naqset milli teżamina ċerti siltiet tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-provi kollha ċċitati fiha, hija żbaljata fir-rigward tan-natura tal-istħarriġ imwettaq minn din il-qorti.

85      Madankollu, il-ġeneralità ta’ tali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax twassal għall-inammissibbiltà tal-ewwel, tar-raba’ u tas-sitt aggravju tal-appell. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi speċifikament dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati b’mod iktar speċifiku minn Servier fil-kuntest tal-eżami tal-motivi kkonċernati.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa minn Servier, b’mod ġenerali, fir-rigward tal-ewwel sas-sitt aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda.

3.      Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-eżami tal-mertu tal-ewwel sas-sitt aggravju

87      Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-aggravji relatati mal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza miċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ ftehimiet li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi kkumpensa ekonomikament manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bħala korrispettiv għar-rinunzja ta’ dan tal-aħħar milli jidħol fis-suq, b’mod partikolari l-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), u kuntrarjament għall-ftehimiet l-oħra konklużi minn Servier li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ma kienu jipprevedu ebda ħlas min-naħa tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Għall-kuntrarju, il-ftehim ta’ liċenzja Krka kien jipprevedi ħlasijiet mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi.

88      B’kuntrast ma’ dan, skont il-premessi 1731 sa 1749 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ppermettew lil Servier idewwem id-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi mmanifatturati minn Krka. Fit-territorju tal-Unjoni, dawn iż-żewġ impriżi kkondividew is-swieq nazzjonali f’żewġ sferi ta’ influwenza, li kienu jinkludu, fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, is-swieq prinċipali tagħhom, li fihom huma setgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-assigurazzjoni, fir-rigward ta’ Servier, li ma jbatux, min-naħa ta’ Krka, minn pressjonijiet kompetittivi li jeċċedu l-limiti li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet u, fir-rigward ta’ Krka, li ma jiħdux ir-riskju li titressaq azzjoni għal kontrafazzjoni minn Servier.

89      Għalhekk, għalkemm mill-elementi li jirriżultaw mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li Servier ma wettaqx ħlas invertit bħala tali favur Krka fil-kuntest tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, minn dan jirriżulta wkoll, skont il-Kummissjoni, li dawn l-impriżi qasmu ġeografikament id-diversi swieq nazzjonali fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jittieħdu dawn iċ-ċirkustanzi inkunsiderazzjoni sabiex tingħata deċiżjoni, b’mod partikolari, fuq it-tieni u t-tielet motiv, u li jiġi evalwat jekk, u skont il-każ sa fejn, huwiex fondat l-argument tal-Kummissjoni intiż li jikkontesta l-kriterji legali li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motivi tal-ewwel istanza invokati minn Servier sabiex jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti kull ftehimiet bejn impriżi, kull deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u kull prattiċi miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

91      Għaldaqstant, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-prinċipju previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, aġir ta’ impriżi għandu juri l-eżistenza ta’ kollużjoni bejniethom, jiġifieri ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew prattika miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Dan l-aħħar rekwiżit jippreżupponi, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali konklużi bejn impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, li l-imsemmija kollużjoni sseħħ bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni jekk mhux reali tal-inqas potenzjali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 32).

93      Barra minn hekk, huwa neċessarju, skont din l-istess dispożizzjoni, li jiġi stabbilit jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li dan l-aġir għandu tali effett (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 158). Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tagħmel distinzjoni ċara bejn il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u dak ta’ restrizzjoni minħabba l-effett peress li kull wieħed minnhom huwa suġġett għal sistema probatorja differenti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63).

94      Għalhekk, fir-rigward tal-prattiki kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma hemmx lok li jiġu investigati u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, inkwantu l-esperjenza turi li tali aġir jikkawża tnaqqis tal-produzzjoni u żieda fil-prezzijiet, li jwassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115 kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 159).

95      B’kuntrast ma’ dan, meta l-għan antikompetittiv ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma ma jkunx stabbilit, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tagħhom sabiex jintwera li l-kompetizzjoni, fil-fatt, ġiet prekluża, ristretta jew distorta b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 17).

96      Din id-distinzjoni tinbet mill-fatt li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 17, u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 35). Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti ftehimiet bejn impriżi li jiżvelaw, fihom infushom u fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, tal-għanijiet tagħhom kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu, livell suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 20, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 161 u 162 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ftehimiet li jirrigwardaw it-tqassim tas-swieq jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, EU:C:2013:463, punt 50; tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C‑449/11 P, EU:C:2013:802, punt 82, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, barra minn hekk, li l-ftehimiet ta’ din in-natura għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni fihom infushom u jaqgħu f’kategorija ta’ ftehimiet espressament ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE, peress li tali għan ma jistax ikun iġġustifikat permezz ta’ analiżi tal-kuntest ekonomiku li fih jaqa’ l-aġir antikompetittiv inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 218).

98      Fir-rigward ta’ tali kategoriji ta’ ftehim, huwa għalhekk biss skont l-Artikolu 101(3) TFUE u sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni li jistgħu jingħataw il-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 187).

99      L-implimentazzjoni tal-prinċipji li għadhom kemm tfakkru fir-rigward ta’ prattiki kollużivi fil-forma ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn impriżi, bħall-ftehimiet Krka, timplika li jiġi ddeterminat, fl-ewwel stadju, jekk dawn il-prattiki jistgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki jekk potenzjali biss. Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni stadju, jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom, l-imsemmija prattiki jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

100    Fir-rigward tal-ewwel stadju ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-kuntest speċifiku tal-ftuħ tas-suq ta’ prodott mediċinali għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, għandu jiġi ddeterminat, sabiex jiġi evalwat jekk wieħed minn dawn il-manifatturi, għalkemm assenti minn suq, huwiex kompetitur potenzjali ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi preżenti f’dan is-suq, jekk jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li tal-ewwel jidħol fl-imsemmi suq u jikkompeti mat-tieni wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għalhekk, għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk, fid-data tal-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, l-imsemmi manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienx wettaq passi preparatorji suffiċjenti li jippermettulu jaċċedi għas-suq ikkonċernat f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. Tali passi jippermettu li tiġi stabbilita d-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jaċċedi għas-suq ta’ prodott mediċinali li jkun fih sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku, anki fil-preżenza ta’ privattivi ta’ proċess miżmuma mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat li d-dħul fis-suq ta’ tali manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma jkollux ostakoli għad-dħul li huma ta’ natura insurmontabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 43 sa 45).

102    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kwalunkwe privattivi li jipproteġu prodott mediċinali oriġinatur jew wieħed mill-proċessi ta’ manifattura tiegħu mingħajr dubju jagħmlu parti mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jikkaratterizza r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-proprjetarji ta’ dawn il-privattivi u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ drittijiet mogħtija minn privattiva ma għandhiex tikkonsisti f’eżami tas-saħħa tal-privattiva jew tal-probabbiltà li tilwima bejn il-proprjetarju tagħha u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tista’ tirriżulta fil-konstatazzjoni li l-privattiva hija valida u ġiet suġġetta għal kontrafazzjoni. Din l-evalwazzjoni għandha pjuttost tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-eżistenza ta’ din il-privattiva, il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għandux possibbiltajiet reali u konkreti li jidħol fis-suq fil-mument rilevanti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 50).

103    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi tista’ tiġi kkorroborata minn elementi supplimentari, bħall-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom meta l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma kienx preżenti fis-suq ikkonċernat, jew l-eżistenza ta’ trasferimenti tal-valur lil dan il-manifattur bħala korrispettiv għall-posponiment tad-dħul fis-suq tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 54 sa 56).

104    Fit-tieni stadju tal-imsemmija analiżi, sabiex jiġi ddeterminat jekk posponiment tad-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, bħala konsegwenza ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi, bħala korrispettiv għal trasferimenti ta’ valur mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ dawn il-prodotti mediċinali ġeneriċi għandux jitqies bħala prattika kollużorja li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandu jiġi eżaminat qabelxejn jekk dawn it-trasferimenti ta’ valur jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod sħiħ bil-bżonn li jiġu kkumpensati l-ispejjeż jew l-inkonvenjenti marbuta ma’ din it-tilwima, bħall-ispejjeż jew l-onorarji tal-konsulenti ta’ dan l-aħħar manifattur, jew bil-bżonn li tiġi rremunerata l-provvista effettiva u pprovata ta’ beni jew ta’ servizzi tiegħu lill-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi evalwat jekk il-bilanċ pożittiv nett tat-trasferimenti ta’ valuri kienx suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja għad-dħul fis-suq ikkonċernat u, għaldaqstant, sabiex ma jikkompetix bil-merti tiegħu mal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-bilanċ pożittiv nett ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li kien jagħmel dan il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li kieku rnexxa fil-proċedura dwar il-privattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 sa 94).

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontestazzjoni tal-validità u tal-portata ta’ privattiva tagħmel parti mill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni fis-setturi li fihom jeżistu drittijiet ta’ esklużività fir-rigward tat-teknoloġija, b’tali mod li ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jfittex li jidħol f’suq jirrikonoxxi, mill-inqas temporanjament, il-validità ta’ privattiva miżmuma minn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u jimpenja ruħu, konsegwentement, li ma jikkontestax iktar tali privattiva u lanqas li jidħol f’dan is-suq jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tapplika l-kriterji esposti fil-punti 104 u 105 ta’ din is-sentenza sabiex tiddeċiedi dwar il-parti tal-argumentazzjoni ta’ Servier invokata b’mod partikolari fil-kuntest tad-disa’ motiv tal-ewwel istanza, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u għalhekk li tiddetermina jekk il-Kummissjoni setgħetx validament, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tikkonstata l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni.

107    B’hekk, ladarba tiġi stabbilita l-eżistenza tal-elementi relatati mal-kompetizzjoni potenzjali, li huma s-suġġett tal-ewwel aggravju, kienet il-Qorti Ġenerali, f’dan it-tieni stadju, li kellha tivverifika jekk il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kinux jikkostitwixxu ftehim dwar it-tqassim tas-suq li kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, kategorija ta’ ftehimiet espressament ipprojbiti minn din id-dispożizzjoni. Hija kellha teżamina, f’dan il-kuntest, l-għanijiet ta’ dawn il-ftehimiet kif ukoll ir-rabta ekonomika li kienet teżisti bejniethom, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, u, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ valur minn Servier għall-benefiċċju ta’ Krka permezz tal-ftehim ta’ liċenzja Krka kienx suffiċjentement importanti sabiex jinċentiva lil Krka tipproċedi bi tqassim tas-swieq ma’ Servier, billi tirrinunzja, anki jekk temporanjament biss, għad-dħul fis-swieq prinċipali ta’ Servier bħala korrispettiv għall-assigurazzjoni li tkun tista’ tikkummerċjalizza l-verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril fis-swieq prinċipali tagħha stess mingħajr ma tinkorri r-riskju li tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet għal kontrafazzjoni ta’ privattiva min-naħa ta’ Servier.

108    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjonijiet suġġettivi tal-impriżi involuti sabiex tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti, dawn l-intenzjonijiet kinux jikkorrispondu għall-analiżi tagħha tal-għanijiet oġġettivi li l-imsemmija impriżi kienu intiżi li jfittxu mill-kompetizzjoni, fid-dawl tal-fatt li, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li dawn l-istess impriżi kienu aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma fittxew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex deċiżivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

4.      Fuq lewwel aggravju

a)      Fuq irrilevanza talewwel motiv

1)      Largumenti talpartijiet

109    Servier isostni li l-ewwel aggravju, li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet li Krka ma kinitx sors ta’ pressjoni kompetittiva fuq Servier, waqt il-ftehimiet Krka, huwa ineffettiv. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-kompetizzjoni potenzjali ma jistax jikkontesta l-evalwazzjonijiet tagħha relatati man-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fil-fatt, il-prova ta’ kompetizzjoni potenzjali ma hijiex kundizzjoni suffiċjenti sabiex tiġi adottata din il-klassifikazzjoni. Servier iżid li, peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet adottat din il-klassifikazzjoni b’mod żbaljat billi bbażat ruħha fuq motivi li ma kinux relatati mal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka, ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata tali kwalità, kif jirriżulta barra minn hekk mill-punt 1234 tas-sentenza appellata.

110    Skont il-Kummissjoni, l-ewwel aggravju huwa effettiv.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

111    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li aggravju dirett kontra motivi ta’ sentenza appellata li ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha huwa ineffettiv u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il-Kummissjoni, C‑549/21 P, EU:C:2023:340, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tista’, wara li tkun esponiet ir-raġunijiet li għalihom motiv ta’ annullament għandu jiġi ddikjarat fondat, tqis, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-argumenti kollha esposti insostenn ta’ dan il-motiv, sa fejn dawn ir-raġunijiet ikunu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw id-dispożittiv tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 111).

113    F’dan il-każ, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża li kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-ftehimiet Krka, huwa bbażat, minn naħa, fuq il-motivi esposti fil-punti 943 sa 1060 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, qieset li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, u, min-naħa l-oħra, fuq il-motivi esposti fil-punti 1061 sa 1232 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Għalhekk, wara li qieset, essenzjalment, fil-punt 1233 tal-imsemmija sentenza li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li Servier, meta kkonkluda l-ftehimiet Krka, kien wettaq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 1234 tal-istess sentenza, li kien hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, “mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mi[nn Servier] fil-kuntest ta’ dan il-motiv u tal-motiv relatat mal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka”.

114    Kuntrarjament għal dak li jallega Servier, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tfissirx li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa intiż kontra motivi tas-sentenza appellata li ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Fil-fatt, dan l-aggravju huwa intiż li jikkontesta l-motivi ta’ din is-sentenza relatati mal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, liema motivi li wasslu lill-Qorti Ġenerali tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz tal-imsemmi aggravju, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka fir-rigward tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ħadet inkunsiderazzjoni l-allegat rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947, abbażi, b’mod partikolari, ta’ kriterju ġuridiku żbaljat, ta’ evalwazzjoni parzjali, jew selettiva, tal-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tal-iżnaturament ta’ wħud minn dawn il-provi. Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 mingħajr ma teżamina l-provi msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex turi li Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier. Skont din l-istituzzjoni, dawn il-provi juru li Krka, li kellha kemm id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità proprja li tidħol fis-suq tal-perindopril, ikkonkludiet il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka mhux għaliex kienet konvinta bil-validità ta’ din il-privattiva, iżda għaliex il-ftehim ta’ liċenzja Krka kien inċentivaha tikkonkludi ftehim ma’ Servier dwar tqassim ġeografiku tas-swieq nazzjonali, fejn kull waħda minnhom tirrinunzja milli tikkompeti liberament fis-swieq prinċipali tal-oħra.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabelxejn, fil-punt 970 tas-sentenza appellata, li fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka “kienu jeżistu indizji konkordanti li jippermettu lill-partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida” u sussegwentement, fil-punt 971 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 li tikkonferma l-validità tal-privattiva 947 kienet għalhekk “wieħed mill-elementi li taw bidu u wasslu għall-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja”. Fl-aħħar nett, minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 972 tal-imsemmija sentenza, li “l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kienet iġġustifikata u għalhekk ma [kinitx] tikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit minn Servier lejn Krka li [kien ta lok għall-] ftehim ta’ liċenzja”.

116    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 1026 tas-sentenza appellata, li l-fatt li Krka kompliet tikkontesta l-privattivi ta’ Servier u tikkummerċjalizza l-prodott tagħha minkejja li l-validità tal-privattiva 947 kienet ġiet ikkonfermata mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UEP ma kienx jikkostitwixxi element sinjifikattiv sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, peress li tali żamma minn Krka tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq Servier tista’ tiġi spjegata mix-xewqa ta’ Krka, minkejja r-riskji kontenzjużi li hija kienet tantiċipa, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati li hija seta’ jkollha ma’ Servier sabiex tasal fi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja.

117    Madankollu, dan ir-raġunament jinftiehem biss jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali neċessarjament iddeċidiet li, wara li l-UEP kien ikkonferma l-validità tal-privattiva 947, il-perindopril ta’ Krka, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta minn din il-privattiva, ma setax jibqa’ jikkompeti ma’ dak ta’ Servier, u u b’hekk temm kull kompetizzjoni potenzjali bejn dawn l-impriżi. F’din il-perspettiva, il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, li permezz tiegħu din l-impriża rrinunzjat milli tidħol fis-swieq ta’ Servier, jirrifletti biss id-drittijiet li jirriżultaw minn din il-privattiva u għalhekk ma jistax jiġi pperċepit bħala l-korrispettiv reali għall-għoti, minn Servier, ta’ liċenzja tal-imsemmija privattiva fis-swieq prinċipali ta’ Krka. Il-Qorti Ġenerali indikat espliċitament fil-punt 1234 tas-sentenza appellata li kien hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża “mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati [...] il-motiv relatat mal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka”. Madankollu, mill-motivi li wasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fir-realtà, eżaminat ċerti lmenti li jaqgħu taħt dan il-motiv kif ukoll diversi premessi tal-imsemmija deċiżjoni li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier.

118    Fil-fatt, mill-evalwazzjonijiet li saru, b’mod partikolari, fil-punti 943 sa 1032 u 1140 sa 1233 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod deċiżiv fuq l-allegat rikonoxximent, minn Krka, tal-validità tal-privattiva 947 wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u ta’ dik tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka kemm bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kif ukoll bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett. Peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-possibbiltà għal Krka li tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier sabiex tikkompeti ma’ din tal-aħħar kienet tiddependi essenzjalment mill-kwistjoni dwar jekk, fid-data tal-ftehimiet Krka, Krka kinitx tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947, u l-kwalità ta’ Krka bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier li tirriżulta mill-possibbiltà għal Krka li tidħol f’dawn is-swieq, għandu jitqies li teżisti rabta stretta bejn dan l-allegat rikonoxximent u l-kwalità ta’ Krka bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, wara li laqgħet l-argument ta’ din l-impriża dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, indikat fil-punt 1234 tas-sentenza appellata li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar “il-motiv relatat mal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka” ma jfissirx għalhekk li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa dirett kontra motivi li ma għandhom ebda effett fuq id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, peress li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 967, 968 u 970 sa 972 tagħha li l-Qorti Ġenerali neċessarjament eżaminat ċerti lmenti mressqa minn Servier fl-ewwel istanza relatati mal-kompetizzjoni potenzjali.

120    Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq lewwel sattielet parti

1)      Largumenti talpartijiet

121    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-punt 1026 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju korrett meta jidher li qieset li Krka kienet waqfet milli tkun kompetitur potenzjali wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u peress li ma kellhiex iktar inċentiv sabiex tidħol fis-suq. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi ddeterminat jekk, fin-nuqqas ta’ ftehimiet, kienx ikun hemm possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq u li jikkompetu mal-impriżi stabbiliti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni billi ddeċidiet li Krka kompliet teżerċita pressjoni kompetittiva fuq Servier wara din id-deċiżjoni tal-UEP biss sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati ma’ din l-impriża, mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom Krka ma kinitx f’pożizzjoni, fl-assenza tal-ftehimiet kontenzjużi, li tidħol fis-suq.

122    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 970 u 1028 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kien ġie konkluż minn din l-impriża għal raġunijiet oħra għajr il-fatt li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienet ikkonvinċietha bil-validità tal-privattiva 947. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-provi u r-raġunament kuntrarji li jinsabu fil-premessi 1686 sa 1690 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali b’hekk kisret ir-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova kif ukoll il-portata tal-istħarriġ tal-legalità li hija għandha twettaq skont l-Artikolu 263 TFUE fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

123    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka kontradizzjoni bejn il-punt 361 u l-punt 970 tas-sentenza appellata. L-ewwel waħda tafferma li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 ma kinitx biżżejjed waħedha sabiex tipprekludi kompetizzjoni potenzjali milli sseħħ, filwaqt li, skont it-tieni waħda, l-imsemmija deċiżjoni tal-UEP kienet ikkonvinċiet lil Krka bil-validità tal-privattiva 947, u b’hekk wasslitha sabiex tilħaq kompromess ma’ Servier.

124    Servier isostni, qabelxejn, li l-ewwel parti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ma eskludietx il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka. Il-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, iżda ċaħdet ir-rilevanza tat-tkomplija tal-kawżi minn Krka wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006. Sussegwentement, Servier isostni li t-tieni parti hija inammissibbli, peress li l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-fatti fid-dawl tal-provi msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fil-premessi 1680 sa 1700 tagħha. Fl-aħħar nett, hija tallega li t-tielet parti hija infondata.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

125    Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Servier li l-argument tal-Kummissjoni mressaq fl-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 114 sa 119 ta’ din is-sentenza, billi ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punt 970 tas-sentenza appellata li fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kien hemm indizji konkordanti li setgħu jagħtu x’jifhem lil Servier u lil Krka li l-privattiva 947 kienet valida, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn l-indizji li kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi fis-swieq nazzjonali fi ħdan l-Unjoni kienet issa eskluża u li għalhekk ma kinitx għadha teżisti kompetizzjoni potenzjali bejniethom.

126    Fl-ewwel lok, għandha tiġi ttrattata t-tielet parti tal-ewwel aggravju, peress li din tirrigwarda allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Għalkemm teżisti ċerta tensjoni bejn, minn naħa, il-punti 970 u 1154 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punt 361 ta’ din is-sentenza, dan l-aħħar punt huwa fformulat f’termini prudenti li ma jistgħux jitqiesu li jikkontradixxu direttament dawn iż-żewġ punti l-oħra. Fil-fatt, f’dan il-punt 361, il-Qorti Ġenerali indikat li l-fatt li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 iddikjarat il-privattiva 947 valida ma huwiex biżżejjed “fih innifsu” sabiex jipprekludi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni potenzjali. Din il-konstatazzjoni ma hijiex inkompatibbli ma’ dik li tirriżulta, kif ġie deċiż fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, mill-punt 970 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-Qorti Ġenerali qieset li Servier u Krka ma kinux kompetituri potenzjali qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet Krka, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-“indizji konkordanti” li jagħtu lil dawn l-impriżi x’jifhmu li l-privattiva 947 kienet valida.

127    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li huma ammissibbli, fl-istadju tal-appell, ilmenti relatati mal-konstatazzjoni tal-fatti u mal-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kontenzjuża meta jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew li żnaturat il-provi li ġew prodotti quddiemha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 35).

128    Barra minn hekk, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-elementi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 43). Għalkemm tali żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument kuntrarja għall-kontenut tiegħu, dan għandu jirriżulta b’mod manifest mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

129    Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il-Kummissjoni, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, ma għandhiex l-intenzjoni li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-provi, liema evalwazzjoni fil-fatt ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Permezz tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tinvoka, essenzjalment, żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkunsidra li l-ftehimiet Krka setgħu jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk potenzjali. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkontesta żball ta’ liġi, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

130    Fuq il-mertu, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tapplika l-kriterji esposti fil-punti 100 sa 103 ta’ din is-sentenza sabiex tiddeċiedi dwar il-parti tal-argument imressaq minn Servier, b’mod partikolari, fil-kuntest tad-disa’ motiv tal-ewwel istanza dwar il-kompetizzjoni potenzjali u b’hekk sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni setgħetx validament, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tikkonkludi li Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka.

131    Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kellha għalhekk teżamina jekk dawn il-ftehimiet kinux ġew konklużi bejn impriżi li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali u setgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Għal dan l-għan, din il-qorti kienet obbligata tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx qieset, ġustament, li fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet kienu jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li Krka tidħol fis-suq rilevanti u tikkompeti ma’ Servier, fid-dawl ta’ passi preparatorji suffiċjenti u tan-nuqqas ta’ ostakoli għal dan id-dħul li huma ta’ natura insormontabbli, peress li l-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkorroborata minn elementi supplimentari, bħall-eżistenza ta’ trasferiment ta’ valur favur Krka bħala korrispettiv għall-posponiment tad-dħul tagħha fis-suq.

132    Ċertament, fil-każ li l-validità ta’ privattiva li tipproteġi prodott mediċinali oriġinatur jew wieħed mill-proċessi ta’ manifattura tiegħu tkun ġiet stabbilita b’mod definittiv quddiem il-qrati kollha li jkunu ġew aditi b’din il-kwistjoni, ikun diffiċilment konċepibbli li elementi oħra tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jikkaratterizzaw b’mod oġġettiv ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-proprjetarju ta’ dawn il-privattivi u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jkunu jistgħu jservu ta’ bażi għall-konklużjoni li għad hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom. Madankollu, meta jkun hemm tilwimiet bejniethom li jikkonċernaw il-validità tal-privattiva li jkunu għadhom pendenti, hija l-awtorità amministrattiva jew il-qorti kompetenti li għandhom jeżaminaw l-elementi rilevanti kollha qabel ma jaslu għall-konklużjoni li dan id-detentur u dan il-manifattur ma humiex kompetituri potenzjali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 102 ta’ din is-sentenza.

133    Madankollu, minflok applikat il-kriterji esposti fil-punti 100 sa 103, 131 u 132 ta’ din is-sentenza għat-twettiq tal-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk Krka kinitx kompetitur potenzjali ta’ Servier, kif kellha tagħmel, il-Qorti Ġenerali sempliċement affermat, essenzjalment, b’mod partikolari fil-punti 970, 1026 u 1028 tas-sentenza appellata, li dawn iż-żewġ impriżi kienu konvinti li l-privattiva 947 kienet valida u, mingħajr motivazzjoni speċifika jew provi insostenn, li l-aġir ta’ Krka li jikkonsisti fiż-żamma tal-pressjoni kompetittiva fuq Servier seta’ jiġi spjegat mix-xewqa tagħha li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati li hija seta’ jkollha ma’ Servier sabiex tasal għal ftehim ta’ soluzzjoni bonarja flimkien ma’ ftehim ta’ liċenzja, peress li l-kisba ta’ tali liċenzja kienet saret is-soluzzjoni kummerċjali li Krka kienet tippreferi fis-suq tal-perindopril.

134    Isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija fondata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tar-rilevanza legali tas-sitwazzjoni ta’ privattiva kkonstatata fis-swieq inkwistjoni, kif ukoll tal-intenzjonijiet suġġettivi tal-partijiet, u wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE meta evalwat skont kriterji żbaljati l-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali.

135    Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali kellha, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 132 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li abbażi tagħhom il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li Krka u Servier kienu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali. Madankollu, billi llimitat, essenzjalment, l-analiżi tagħha dwar ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ impriżi, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, għas-sitwazzjoni ta’ privattiva biss u, b’mod partikolari, għall-perċezzjoni li Krka seta’ jkollha tal-validità tal-privattiva 947, kif ukoll fuq għall-intenzjonijiet tal-partijiet, fid-dawl b’mod iktar partikolari tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u ta’ dik tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti Ġenerali kisret dan l-obbligu.

136    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali mhux biss wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-istħarriġ li hija għandha twettaq fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, iżda barra minn hekk kisret l-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenzi, li hija għandha skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, peress li ma esponietx, fil-punt 970 tas-sentenza appellata, il-motivi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tikkonstata impliċitament, f’dan l-istess punt, li Servier u Krka ma kinux iktar kompetituri potenzjali u dan, minkejja li l-elementi li jinsabu, b’mod partikolari, fil-premessi 1686 sa 1690 tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu intiżi sabiex juru l-kuntrarju. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx espliċitament li hija kienet eskludiet l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Krka u Servier ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’kontestazzjoni din il-konstatazzjoni dwar nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li l-Qorti Ġenerali tista’, billi tonqos milli tistabbilixxi stadju essenzjali tar-raġunament tagħha stess, teżenta ruħha mill-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenzi tagħha u, b’hekk, tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fl-appell.

137    Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu. B’kuntrast ma’ dan, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq irraba’ u s-sitt parti

1)      Largumenti tal-partijiet

138    Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 967, 968 u 970 tas-sentenza appellata, żnaturat il-provi ċċitati fiha, relatati mad-deċiżjoni tal-EPO tas‑27 ta’ Lulju 2006 u mad-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006.

139    Permezz tas-sitt parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi msemmija fil-punti 968, 1017 u 1024 tas-sentenza appellata, li minnhom jirriżulta, skont din il-qorti, li dawn id-deċiżjonijiet kienu biddlu sostanzjalment il-kuntest li fih il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ġew konklużi, b’mod partikolari fir-rigward tal-perċezzjoni li Krka u Servier seta’ jkollhom tal-validità tal-privattiva 947.

140    Dawn l-iżnaturamenti jivvizzjaw il-validità tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 970, 1025 u 1028 tal-imsemmija sentenza fir-rigward tar-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 u, min-naħa l-oħra, fil-punt 999 tal-istess sentenza, fir-rigward tal-fatt li dan ir-rikonoxximent jispjega għaliex Krka, pjuttost milli tidħol “b’riskju” fis-swieq tal-Istati Membri kollha, ippreferiet tillimita ruħha għas-swieq prinċipali tagħha, koperti mill-ftehim ta’ liċenzja Krka. Il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li dawn l-evalwazzjonijiet huma kontradetti mill-provi msemmija fil-premessi 1687, 1693 u 1826 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti u kontradittorja.

141    Skont Servier, qabelxejn, l-ilment ta’ żnaturament għandu jiġi miċħud peress li l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda prova li kienet is-suġġett ta’ żnaturament. Sussegwentement, dan l-ilment, peress li fir-realtà jirrigwarda biss id-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006, huwa irrilevanti. B’hekk, anki li kieku kellu jitqies li l-ordnijiet ma kinux biddlu l-perċezzjoni minn Krka tal-validità tal-privattiva 947, dan ma jqiegħedx f’kontestazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienet emendatha.

142    Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni huwa infondat. Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Krka kienet żammet il-kontestazzjonijiet tagħha wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 li tikkonferma l-validità tal-privattiva 947, iżda qieset b’mod sovran li dan il-fatt ma kienx iqiegħed f’kontestazzjoni l-konstatazzjoni li Krka kienet laħqet kompromess minħabba l-perċezzjoni li hija kienet kisbet mill-validità ta’ din il-privattiva. Fir-rigward tal-kumplament, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali mhux talli ma ġġustifikatx id-deċiżjoni tagħha b’motivi kontradittorji, iżda rrilevat li diversi indizji setgħu wasslu lil Krka taħseb li l-privattiva 947 kienet valida, ħaġa li wasslitha sabiex tilħaq kompromess. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kemm dan il-fatt kif ukoll in-nuqqas ta’ ħlas invertit kienu jikkontribwixxu sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, mingħajr madankollu ma tiġi skartata l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka.

143    Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Servier isostni li n-natura temporanja ta’ ordni ma tikkontradixxix l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li tgħid li din l-ordni kkontribwixxiet sabiex jinbidel il-kuntest li fih ġew konklużi l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. Barra minn hekk, dawn l-ordnijiet biddlu l-kuntest tal-ftehimiet.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

144    Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, minkejja l-fatt li l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju ntlaqgħu, bil-konsegwenza tal-konstatazzjoni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-kompetizzjoni potenzjali kien ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi, jibqa’ utli li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju sabiex jiġi stabbilit jekk, indipendentement mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterji legali meħtieġa u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti kollha, l-interpretazzjoni li hija użat fir-rigward tal-provi li hija effettivament eżaminat hija vvizzjata b’illegalità, u b’mod partikolari minn eventwali żnaturament ta’ dawn il-provi, kif tallega l-Kummissjoni.

145    Fil-punt 965 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk kienx hemm l-eżistenza ta’ kawżi ġenwini bejn Servier u Krka u jekk il-ftehim ta’ liċenzja Krka kienx jidher li għandu rabta suffiċjentement diretta mal-ftehim bonarju ta’ dawn il-kawżi li tiġġustifika l-assoċjazzjoni għall-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka. Fil-punti 967 u 968 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat l-eżistenza tal-kawżi bejn Servier u Krka li taw lok, minn naħa, għad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, u min-naħa l-oħra, għad-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006. Fil-punt 970 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li kienu jeżistu, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet tas-soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, “indizji konkordanti li jippermettu lill-partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida”, u f’dan ir-rigward irreferiet għall-qari tal-punti 967 u 968 tal-imsemmija sentenza.

146    Sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx id-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 u d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-verifika li l-Qorti Ġenerali manifestament ma marritx lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija elementi. Il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex li tevalwa b’mod awtonomu jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-oneru tal-prova impost fuqha sabiex turi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, iżda li tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali, meta kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, wettqitx qari ta’ dawn l-istess elementi li jmur manifestament kontra l-kliem tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 57).

147    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti ta’ żnaturament invokati mill-Kummissjoni.

i)      Fuq iddeċiżjoni talHigh Court tat3 ta’ Ottubru 2006

148    Il-punti 968 tas-sentenza appellata jipprovdi kif ġej:

“[...] Fl‑1 ta’ Settembru 2006, Krka kienet ippreżentat kontrotalba għall-annullament tal-privattiva 947 u, fit‑8 ta’ Settembru 2006, kontrotalba oħra għall-annullament tal‑privattiva 340. Fit‑3 ta’Ottubru 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)], laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u ċaħdet it-talba mressqa minn Krka fl‑1 ta’ Settembru 2006. Fl‑1 ta’ Diċembru 2006, il-kawża pendenti ntemmet skont il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja li sar bejn il-partijiet u l-ordni provviżorja tneħħiet.”

149    Mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 968 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, billi rreferiet għaċ-ċaħda tat-“talba mressqa minn Krka –fl‑1 ta’ Settembru 2006” kienet qiegħda tirreferi għaċ-ċaħda permezz tad-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 tal-kontrotalba ta’ din l-impriża.

150    Madankollu, din id-deċiżjoni, li tinsab fl-Anness A.174 tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Servier, tistabbilixxi, minn naħa, li ġiet milqugħa t-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u, min-naħa l-oħra, li ġiet miċħuda mhux il-kontrotalba ta’ Krka iżda dik bil-għan li tintlaqa’ din il-kontrotalba intiża għall-invalidità tal-privattiva 947 permezz tal-proċedura ta’ sentenza sommarja.

151    Minn dan isegwi li, fil-punt 968 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kliem ċar u preċiż tad-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006, minkejja li hija ċċitatha b’mod preċiż fil-punti 23 u 1196 ta’ din is-sentenza.

152    Abbażi ta’ dan l-iżnaturament, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, affermat, fil-punt 970 tas-sentenza appellata li “fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja [Krka], kienu jeżistu indizji konkordanti li jippermettu lill-partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida” u, sussegwentement, fil-punt 1017 ta’ din is-sentenza, li ż-żewġ avvenimenti kkostitwiti mid-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u d-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 “bidlu sostanzjalment il-kuntest li fih il-ftehimiet ġew konklużi, b’mod partikolari f’dawk li jirrigwarda l-perċezzjoni li Krka, iżda wkoll Servier, seta’ kellhom tal-validità tal-privattiva 947”. Fl-aħħar nett, abbażi ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 1024 tal-imsemmija sentenza, qieset li l-fatt li jseħħu dawn iż-żewġ avvenimenti “jillimita b’mod konsiderevoli” ir-rilevanza ta’ dokument ta’ Servier relatat mal-istrateġija tiegħu fir-rigward ta’ Krka. Barra minn hekk, fil-punt 999 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali affermat li Krka kienet laħqet kompromess ma’ Servier mhux bħala korrispettiv għall-profitti miksuba mill-ftehim ta’ liċenzja Krka, iżda minħabba l-fatt li Krka “rrikonoxxiet il-validità tal-privattiva 947”, li kienet l-“element determinanti” f’dan ir-rigward.

153    Id-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006, fid-dawl tan-natura provviżorja tagħha u tal-proċedura preliminari li fi tmiemha ġiet adottata din id-deċiżjoni, bl-ebda mod ma ppreġudika is-soluzzjoni fil-mertu tal-kawża, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 367 u 368 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-qorti nazzjonali sempliċement ikkonstatat, fir-realtà, skont il-kriterji ta’ għoti ta’ sentenza sommarja, li l-kontrotalba ta’ Krka ma kinitx manifestament fondata, filwaqt li enfasizzat f’dan ir-rigward, fil-punt 70 tal-istess deċiżjoni, li ma kien hemm “ebda dubju li Krka wriet li teżisti kwistjoni serja li fir-rigward tagħha għandha tittieħed deċiżjoni, f’dan il-każ dik dwar jekk il-bejgħ tal-pilloli [tal-perindopril ta’ Servier] qabel id-data ta’ prijorità jċaħħad il-privattiva [947] minn novità”, filwaqt li madankollu ppreċiżat li ma kinitx “persważa li Servier ma għandux prospetti reali li jiddefendi l-privattiva [947] kontra tali attakk”.

154    Billi żnaturat il-kliem ċar u preċiż tad-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti Ġenerali vvizzjat b’illegalità l-punti 968, 970, 999, 1017 u 1024 tas-sentenza appellata.

ii)    Fuq id-deċiżjoni tal-UEP tas27 ta’ Lulju 2006

155    Il-punt 967 tas-sentenza appellata jipprovdi kif ġej:

“Fil-fatt, fl‑2004, għaxar kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Krka, kienu ppreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP sabiex jiksbu r-revoka tagħha fit-totalità tagħha, billi invokaw motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u l-karattru insuffiċjenti tal‑espożizzjoni tal-invenzjoni. Fis‑27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità ta’ din il-privattiva wara emendi żgħar tat-talbiet inizjali ta’ Servier. Sussegwentement seba’ kumpanniji ppreżentaw appell kontra d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006. Krka rtirat mill-proċedura ta’ oppożizzjoni fil‑11 ta’ Jannar [2007], skont il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja li sar ma’ Servier.”

156    Il-Qorti Ġenerali għalhekk irrapportat b’mod eżatt il-kontenut tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006.

157    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni, fil-punt 970 tas-sentenza appellata, li “fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja [Krka], kienu jeżistu indizji konkordanti li jippermettu lill‑partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida” hija bbażata, tal-inqas parzjalment, fuq l-iżnaturament tad-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006, li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fil-punti 1017 u 1024 ta’ din is-sentenza.

158    Barra minn hekk, din l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni diversi provi oħra msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, li jagħtu prova, skont il-Kummissjoni, li, minkejja li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienet tikkostitwixxi intopp għal Krka, din l-impriża kienet il-bogħod milli tirrassenja ruħha li tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947. Id-deċiżjoni kontenzjuża ssemmi, b’mod partikolari, fil-premessi 1687 sa 1689 li Krka, li kienet appellat minn din id-deċiżjoni tal-UEP, kompliet ukoll tikkontesta l-privattiva 947 billi introduċiet fl‑1 ta’ Settembru 2006, fir-Renju Unit, kontrotalba kontra Servier intiża għall-annullament ta’ din il-privattiva. Id-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006 tenfasizza li Krka kellha “bażi solida” sabiex tikkontesta l-privattiva 947. Id-deċiżjoni kontenzjuża ssemmi wkoll dikjarazzjonijiet ta’ impjegati ta’ Krka b’reazzjoni għall-imsemmija deċiżjoni, li jikkontradixxu kull rassenjazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kif ukoll il-fatt li Krka kisbet, f’Settembru 2006, iċ-ċaħda tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 ippreżentata minn Servier fl-Ungerija u kompliet tikkummerċjalizza l-verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril fis-suq ta’ dan l-Istat Membru.

159    Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi li d-deċiżjoni kontenzjuża għamlet, fil-premessa 1690, il-konstatazzjoni segwenti fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ Krka wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006:

“L-evalwazzjoni minn Krka tas-sitwazzjoni ta’ privattiva kienet ċertament influwenzata mid-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni u mill-għoti ta’ ordnijiet provviżorji kontra Krka u Apotex fir-Renju Unit. Madankollu, dak li ntqal iktar ’il fuq jissuġġerixxi b’mod qawwi li ma kien hemm ebda ostakolu għal possibbiltà reali u konkreta għal Krka li tinvalida l-privattiva 947 fi proċedura fuq il-mertu.”

160    Għalhekk huwa ċar, minn qari ta’ dawn l-elementi, li d-deċiżjoni kontenzjuża, eżaminata fl-intier tagħha, kienet intiża li turi, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, li Krka ma kinitx rassenjata li tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947 wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, minkejja d-dubji li din id-deċiżjoni setgħet ħolqot dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb ir-revoka ta’ din il-privattiva. Madankollu, fil-punt 970 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, mingħajr motivazzjoni adegwata, peress li ma eżaminatx il-provi kollha invokati f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kontenzjuża, li “kienu jeżistu, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja, indizji konkordanti li jistgħu jippermettu lill-partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida”. Għalhekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali mhux biss naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza, iżda naqset ukoll milli tispjega r-raġunijiet għal din l-ommissjoni, filwaqt li l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tista’ tiġi evalwata b’mod korrett biss jekk l-indizji invokati mid-deċiżjoni kontenzjuża ma jitqisux b’mod iżolat, iżda fl-intier tagħhom, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq tal-prodotti inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punt 68).

161    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens u l-portata tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tirrigwarda l-effetti tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 dwar ir-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, EU:C:2003:444, punti 66 u 67). Barra minn hekk, hija kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tagħha, li huwa impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, minħabba li ma esponietx, fil-punt 970 tas-sentenza appellata, il-motivi li fuqhom hija bbażat ruħha, b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu b’dawn il-motivi u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs GEA Group, C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Għalhekk, minbarra l-iżnaturament tad-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑3 ta’ Ottubru 2006, ikkonstatata fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, il-punt 970 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża u huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jintlaqgħu r-raba’ u s-sitt parti tal-ewwel aggravju.

d)      Fuq ilħames parti

1)      Largumenti talpartijiet

164    Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punt 1000 tas-sentenza appellata, li l-fatt li Krka stmat il-kost tal-opportunità li ma tilħaqx kompromess ma’ Servier għal għaxar miljun euro fuq perijodu ta’ tliet snin kien jikkostitwixxi indizju tar-rikonoxximent, minn Krka, tal-validità tal-privattiva 947. L-ewwel nett, din l-istima ġiet ipprovduta matul l-investigazzjoni, b’tali mod li ma setgħetx tintuża retroattivament bħala prova tal-perċezzjoni ta’ Krka fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. It-tieni nett, il-profitti mistennija minn Krka kienu waħda mir-raġunijiet għalfejn il-ftehim ta’ liċenzja Krka kien jikkostitwixxi inċentiv sabiex jintlaħaq kompromess. It-tielet nett, ebda prova ma kienet tippermetti li jiġi affermat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 1000 ta’ din is-sentenza, li ma tantx kien probabbli li Krka tiddeċiedi li tidħol b’riskju fis-swieq prinċipali tagħha, li kienu koperti mill-ftehim ta’ liċenzja Krka. Għall-kuntrarju, il-premessa 1675 tad-deċiżjoni kontenzjuża semmiet provi serji ta’ tali intenzjoni min-naħa ta’ Krka.

165    Skont Servier, din il-parti hija inammissibbli, peress li l-Kummissjoni ma tinvoka ebda żnaturament.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

166    Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħha, ma tinvoka ebda żnaturament iżda għandha l-għan li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-provi, fatt li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell.

167    Għaldaqstant, il-ħames parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

e)      Konklużjoni fuq lewwel aggravju

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet u l-ħames parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda u l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ kif ukoll is-sitt parti ta’ dan l-aggravju għandhom jintlaqgħu.

5.      Fuq ittieni aggravju

a)      Fuq ittieni parti

1)      Largumenti talpartijiet

169    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 963 u 965 sa 972 tas-sentenza appellata, qieset li, fil-preżenza ta’ tilwima reali relatata ma’ privattiva, l-assoċjazzjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ ftehim ta’ liċenzja ma tikkostitwixxix indizju serju ta’ ħlas invertit. Dan l-approċċ formalistiku jmur kontra l-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 136), li teżiġi, sabiex tiġi identifikata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut, l-għan kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehimiet kontenzjużi.

170    Servier iqis, preliminarjament, li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-kriterji legali esposti fil-punti 943 sa 963 tas-sentenza appellata, relatati mal-analiżi ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li tirrigwarda privattiva akkoppjata ma’ liċenzja ta’ din il-privattiva, iżda l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji kif ukoll l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 964 sa 1032 ta’ din is-sentenza.

171    Servier isostni li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija nieqsa miċ-ċarezza u hija manifestament infondata. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-motiv imsemmi fil-punt 972 tas-sentenza appellata ma huwiex ibbażat biss fuq il-forma tal-ftehimiet inkwistjoni, iżda wkoll fuq analiżi tal-kuntest tagħhom, deskritt fil-punti 967, 968, 970 u 971 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-Kummissjoni li l-għan tal-ftehim kien it-tqassim tas-swieq.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

172    Fid-dawl tal-fatt li t-tieni parti tat-tieni aggravju tirrigwarda l-kriterji li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, din għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

173    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-kriterji legali esposti fil-punt 963 tas-sentenza appellata u tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa abbażi ta’ dawn il-kriterji fil-punti 965 sa 972 ta’ din is-sentenza, billi ssostni, b’mod partikolari, li din l-evalwazzjoni hija bbażata “biss fuq il-forma tal-ftehimiet inkwistjoni” u “ma għandha ebda bażi fil-ġurisprudenza”. B’hekk, mill-formulazzjoni stess ta’ din it-tieni parti tat-tieni aggravju jirriżulta li din tinkludi kritika tal-kriterji ġuridiċi esposti fil-punti 943 sa 963 ta’ din is-sentenza. L-argument preliminari ta’ Servier huwa għalhekk ibbażat fuq qari żbaljat tal-appell.

174    Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni magħmula kontra l-punt 963 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-preżenza ta’ tilwima reali dwar privattiva u ta’ ftehim ta’ liċenzja b’rabta diretta mas-soluzzjoni bonarja ta’ din it-tilwima, ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ din it-tilwima, li jinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bħal klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, assoċjat ma’ ftehim ta’ liċenzja li jirrigwarda din il-privattiva, jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan biss jekk il-Kummissjoni tista’ turi li dan il-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk jostor ħlas invertit.

175    Filwaqt li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat mid-deċiżjoni kontenzjuża kien jikkonsisti fil-fatt li Servier u Krka jaqsmu s-swieq f’żewġ żoni, li waħda minnhom biss taqa’ fil-kamp ta’ dan il-ksur, il-Qorti Ġenerali essenzjalment indikat, fil-punti 963 sa 965 tas-sentenza appellata, li hija sempliċement teżamina jekk il-ftehim ta’ liċenzja Krka setax jiġi ġġustifikat bil-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-ftehim ta’ liċenzja kienx fir-realtà jostor ħlas invertit li jinċentiva lil Krka tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni previsti minn dan il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja. Dan ir-raġunament ma jiħux inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-ftehim ta’ liċenzja Krka jikkonċerna swieq li ma jaqgħux fil-kamp tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, in-natura ta’ dan il-ksur li tikkonsisti mhux f’sempliċi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima dwar privattivi bi ħlas invertit, iżda fi ftehim dwar it-tqassim tas-suq.

176    Għalhekk, il-punti 963 sa 965 tas-sentenza appellata jistabbilixxu kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li huma inkompatibbli ma’ dawk imfakkra fil-punti 99 sa 105 ta’ din is-sentenza u li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi bejn dawn il-kriterji ġuridiċi applikati mill-Qorti Ġenerali u dawk imfakkra fl-imsemmija punti 99 sa 105 ta’ din is-sentenza ma humiex sempliċement ta’ natura semantika iżda jwasslu għal riżultati li huma sostanzjalment differenti.

177    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-punt 972 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li “fir-rigward tal-portata tal-klawżoli tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja u tal-ftehim ta’ liċenzja kif ukoll tal-kuntest li fih dawn il-ftehimiet saru, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kienet iġġustifikata u għalhekk ma tikkostitwixxix indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit ta’ Servier lil Krka li jirriżulta mill-ftehim ta’ liċenzja”, filwaqt li rreferiet għall-qari tal-punt 948 ta’ din is-sentenza.

178    Huwa minnu li l-fatt li impriżi jikkonkludu ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima relatata ma’ privattiva assoċjata ma’ ftehim ta’ liċenzja li jirrigwarda din l-istess privattiva ma jikkostitwixxix, fih innifsu, aġir restrittiv tal-kompetizzjoni. Madankollu, tali ftehimiet jistgħu, kemm minħabba l-kontenut tagħhom kif ukoll il-kuntest ekonomiku tagħhom, jikkostitwixxu mezz li jista’ jinfluwenza l-aġir kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni, b’mod li jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq fejn dawn iż-żewġ impriżi jwettqu l-attività kummerċjali tagħhom. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 37).

179    Madankollu, sabiex taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, prattika kollużorja għandha tissodisfa diversi kundizzjonijiet li jiddependu mhux min-natura ġuridika ta’ din il-prattika jew mill-istrumenti legali intiżi li jimplimentawha, iżda mir-relazzjonijiet tagħha mal-kompetizzjoni. Peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-prattika inkwistjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi kwalunkwe preġudizzju fir-rigward ta’ kategorija ta’ ftehim iddeterminata min-natura ġuridika tagħha, peress li kull ftehim għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kontenut speċifiku tiegħu u tal-kuntest ekonomiku tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 358, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 40). Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tagħha, l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun kompromessa b’mod serju jekk il-partijiet fi ftehimiet antikompetittivi jistgħu jevadu l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sempliċement billi jagħtu ċertu forma lil dawn il-ftehimiet.

180    Minbarra l-fatt li, f’dan il-każ, il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka jirrigwardaw swieq distinti u li s-swieq koperti mill-ftehim ta’ liċenzja Krka ma jaqgħux fil-kamp tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li l-konklużjoni mill-proprjetarju ta’ privattiva ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima ma’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi akkużat b’kontrafazzjoni ta’ privattiva tikkostitwixxi l-espressjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali ta’ dan il-proprjetarju u tawtorizzah, b’mod partikolari, jopponi kwalunkwe kontrafazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija privattiva ma tawtorizzax lill-proprjetarju tagħha jikkonkludi kuntratti li jiksru l-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 97).

181    Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan la tiddependi mill-forma tal-kuntratti jew mill-istrumenti legali l-oħra intiżi li jimplimentaw tali prattika kollużiva u lanqas mill-perċezzjoni suġġettiva li l-partijiet jista’ jkollhom tal-eżitu tat-tilwima bejniethom fir-rigward tal-validità ta’ privattiva.

182    Iktar minn hekk, kif tfakkar fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, il-fatt li impriżi li l-aġir tagħhom jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ikunu aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija rilevanti biss l-evalwazzjoni tal-grad ta’ dannu ekonomiku ta’ din il-prattika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, jekk ikun hemm bżonn wara analiżi ddettaljata tal-imsemmija prattika, kif ukoll tal-għanijiet tagħha u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 u 85, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 131).

183    Huwa għalhekk li, sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kollużorja tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandhom jiġu eżaminati l-kontenut tagħha, l-oriġini tagħha, kif ukoll il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħha, b’mod partikolari l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq li fih ser iseħħu b’mod konkret l-effetti tiegħu. Il-fatt li t-termini ta’ ftehim intiż li jimplimenta din il-prattika ma jiżvelawx għan antikompetittiv ma huwiex, fih innifsu, determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punti 23 sa 25), kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 26).

184    Minflok wettqet tali evalwazzjoni tal-prattika kollużorja implimentata permezz tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka fid-dawl tal-kontenut speċifiku tagħha u tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 943 sa 963 tas-sentenza appellata, fasslet kriterji intiżi li jidentifikaw, b’mod ġenerali u astratt, il-kundizzjonijiet li fihom il-kombinazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni ta’ tilwima dwar privattiva u ftehim ta’ liċenzja li jirrigwarda din l-istess privattiva tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi legali ta’ dawn il-ftehimiet biss, taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Billi applikat dawn il-kriterji għall-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-forma u l-karatteristiċi legali ta’ dawn il-ftehimiet, iktar milli eżaminat ir-relazzjonijiet konkreti tagħhom mal-kompetizzjoni. B’hekk, hija kisret il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, imsemmija fil-punti 179 u 183 ta’ din is-sentenza u vvizzjat b’illegalità l-punti 943 sa 972 tas-sentenza appellata.

185    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.

b)      Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’  parti

1)      Largumenti talpartijiet

186    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika n-natura kontradittorja tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-punt 1029 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien kundizzjoni sabiex din l-impriża taċċetta l-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni, li, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 273 ta’ din is-sentenza, huma “intrinsikament restrittivi”. Madankollu, hija rrifjutat li tiddeduċi minn dan li dan il-ftehim ta’ liċenzja wassal lil Krka sabiex issolvi bi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja t-tilwimiet relatati mal-privattiva 947, billi tibbaża ruħha fuq żewġ motivi żbaljati, jiġifieri, minn naħa, il-perċezzjoni mill-partijiet tal-validità ta’ din il-privattiva u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-imsemmi ftehim ta’ liċenzja kien ġie konkluż taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-finzjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja bbażat fuq il-merti tal-privattiva 947 u ta’ liċenzja ta’ din il-privattiva konkluża skont il-kundizzjonijiet tas-suq, għalhekk ma tatx, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-ftehimiet bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, importanza suffiċjenti għall-għan imfittex mill-imsemmija ftehimiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom Krka rrikonoxxiet li kienet “issagrifikat” id-dħul tagħha fis-swieq prinċipali ta’ Servier sabiex tkun tista’ tibqa’ fis-seba’ swieq prinċipali tagħha.

187    Permezz tat-tielet parti, il-Kummissjoni tikkritika l-motivi esposti fil-punti 806, 963, 975 sa 984 u 1029 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien ġie konkluż skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Din il-kunsiderazzjoni hija irrilevanti, peress li l-fattur deċiżiv huwa, fil-fehma tal-Kummissjoni, li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kienu bbażati, mhux fuq l-evalwazzjoni minn kull parti tal-validità tal-privattiva 947, iżda fuq l-għan komuni tagħhom li jaqsmu s-swieq, għad-detriment tal-konsumaturi, permezz tal-ftehimiet Krka, meħuda fl-intier tagħhom.

188    Permezz tar-raba’ parti, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 806 u 977 sa 982 tas-sentenza appellata, illimitat l-analiżi tagħha tan-natura ta’ inċentiv tal-ftehim ta’ liċenzja Krka għall-kwistjoni dwar jekk ir-rata tal-ħlas prevista minn dan il-ftehim kinitx anormalment baxxa. Il-Qorti Ġenerali kellha tanalizza l-imsemmi ftehim flimkien mal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka u teżamina l-effett ta’ dawn il-ftehimiet fuq l-inċentivi tal-partijiet sabiex jikkompetu kif ukoll il-profitt, stmat għal iktar minn EUR 25 miljun, li Servier irrinunzja għalih billi kkonkluda dan l-istess ftehim ta’ liċenzja.

189    Servier joġġezzjona li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata, peress li n-natura kontradittorja tal-motivi kkritikati mill-Kummissjoni ma seħħitx. Huwa jsostni wkoll li l-Qorti Ġenerali analizzat b’mod globali l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka u waslet għall-konklużjoni fattwali li hija s-saħħa tal-privattiva 947 li kkonvinċiet lil Krka li tilħaq kompromess. L-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li Krka setgħet tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier filwaqt li l-validità ta’ din il-privattiva kienet tipprekludiha milli tagħmel dan.

190    It-tielet parti hija intiża li tqiegħed f’kontestazzjoni l-evalwazzjonijiet fattwali u hija, għaldaqstant, inammissibbli.

191    Ir-raba’ parti hija manifestament infondata, peress li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ privattiva, ir-rabta bejn il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka u l-ftehim ta’ liċenzja Krka, kif ukoll il-valur mogħti minn Krka lil din il-liċenzja. Il-qligħ li Servier irrinunzja għalih billi alloka liċenzja lil Krka ma jinsabx fost il-kriterji legali rilevanti. Din ir-rinunzja hija inerenti għal kull ftehim ta’ soluzzjoni bonarja u l-kalkolu tal-qligħ allegatament ssagrifikat minn Servier huwa żbaljat.

192    Fil-fehma tal-EFPIA, it-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari kellha twassal lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 101(1) TFUE, fid-dawl tal-għan leġittimu mfittex mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka u tan-neċessità oġġettiva tal-klawżoli tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-assoċjazzjoni ta’ liċenzja u ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

193    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li t-tielet parti tat-tieni aggravju hija ammissibbli peress li, bl-argument tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali iżda l-kriterju applikat mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-inċentiv għal Krka li ssolvi b’mod bonarju t-tilwim relatat mal-privattiva 947 bil-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja.

194    Permezz tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni tikkritika essenzjalment lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-ftehim ta’ liċenzja Krka ma kienx wassal lil din l-impriża sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka. Din l-istituzzjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq analiżi limitata u ridotta tal-kontenut, tal-għanijiet u tal-kuntest ekonomiku tal-ksur li jirriżulta minn dawn il-ftehimiet.

195    Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat li, kif tallega l-Kummissjoni, il-punt 1029 tas-sentenza appellata huwa kontradittorju. Fil-fatt, minn dan il-punt jirriżulta li l-konklużjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka kienet il-“kundizzjoni” jew, fi kliem ieħor, l-inċentiv offrut lil Krka sabiex hija taċċetta l-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni li jinsabu fil-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka. Minn dan jirriżulta li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-livell tal-ħlas previst minn dan il-ftehim ta’ liċenzja kienx adegwat fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, huwa l-aċċess għas-swieq prinċipali tagħha mingħajr riskju ta’ kontrafazzjoni li mmotiva lil Krka sabiex tirrinunzja milli tbigħ il-perindopril tagħha fis-swieq prinċipali ta’ Servier. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, tiddikjara, fl-imsemmi punt, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li r-rata tar-royalty “ma kinitx magħżula abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda sabiex tinċentiva lil Krka taċċetta li tissuġġetta ruħha [għal dawn il-]klawżoli”.

196    Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni, imfakkra fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kellha, sabiex tiddeċiedi dwar il-parti tal-argument ta’ Servier invokat fil-kuntest tad-disa’ motiv tal-ewwel istanza dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, tapplika l-kriterji li tfakkru fil-punti 94, 96 sa 99, 103, 104, 105 u 107 ta’ din is-sentenza għall-prattika illegali li tirriżulta mill-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. Għalhekk, hija kellha tevalwa l-grad ta’ noċività ekonomika ta’ din il-prattika, billi twettaq analiżi ddettaljata tal-karatteristiċi tagħha, kif ukoll tal-għanijiet tagħha u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha.

197    Kif ġie rrilevat fil-punt 174 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punt 963 tas-sentenza appellata, li, fil-preżenza ta’ tilwima reali, l-assoċjazzjoni ta’ ftehim ta’ liċenzja u ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ din it-tilwima ma jikkostitwixxux indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit, u li hija l-Kummissjoni li għandha “turi li l-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq”, b’mod li din l-istituzzjoni ma setgħetx tikkonstata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fil-każ ineżami.

198    Minn dan isegwi li, billi kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-ftehim ta’ liċenzja Krka, filwaqt li kellha teżamina l-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni, meħud fl-intier tiegħu, kif kien jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ dan il-ftehim u l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Dan l-iżball wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrestrinġi l-kamp tal-analiżi tagħha tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx waslet sabiex tistabbilixxi li r-rata ta’ tariffa prevista mill-ftehim ta’ liċenzja Krka kienet anormalment baxxa.

199    Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tagħha, billi llimitat ruħha li tqis, għar-raġunijiet esposti fil-punti 973 sa 984 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li Servier kien ta lil Krka liċenzja bi prezz anormalment baxx, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi essenzjali tal-ksur imsemmija fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza u naqset milli teżamina, fid-dawl tal-impenji u tal-inċentivi reċiproċi tal-partijiet, jekk il-ftehim ta’ liċenzja Krka setax jinċentiva lil din l-impriża tirrinunzja milli tikkompeti ma’ Servier.

200    Minn dan isegwi li, billi bbaża ruħu fuq l-assenza ta’ natura anormalment baxxa tar-rata ta’ tariffa prevista mill-ftehim ta’ liċenzja Krka, mingħajr ma analizza fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku, li kien jagħti lok għal tqassim tas-suq li jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ dan il-ftehim u l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, jekk it-trasferiment ta’ valur li jirriżulta mill-fatt li l-ftehim ta’ liċenzja Krka ppermetta lil din l-impriża tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fis-swieq prinċipali tagħha mingħajr riskju ta’ ksur ta’ privattiva, kienx importanti biżżejjed sabiex jinċentiva effettivament lil Krka tirrinunzja milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u vvizzjat b’illegalità l-motivi esposti fil-punti 963, 973 sa 984 u 1029 tas-sentenza appellata.

201    Għaldaqstant, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ parti tat-tieni aggravju għandhom jintlaqgħu.

c)      Fuq il-ħames sat-tmien parti

1)      Largumenti talpartijiet

202    Permezz tal-ħames parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-motivi esposti fil-punti 975 sa 984 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq l-iżnaturament ta’ diversi provi. L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa ddikjarat fil-punt 978 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma qisitx li r-rata ta’ tariffa prevista mill-ftehim ta’ liċenzja Krka kienet ferm inqas mill-profitt tal-operat ta’ Servier, iżda li t-telf subit minn Servier kien jikkostitwixxi trasferiment ta’ valur nett favur Krka. It-tieni nett, fil-punt 979 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatt li din it-tariffa kienet tirrappreżenta proporzjon żgħir tal-profitti ta’ Krka li kienu ġejjin mis-swieq koperti minn dan il-ftehim ta’ liċenzja. It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li huwa espost fil-punt 981 tal-istess sentenza, il-fatt li l-liċenzja mogħtija lil Krka ma hijiex esklużiva ma jipprekludihiex milli tikkostitwixxi inċentiv suffiċjenti, peress li hija kienet toffri lil din l-impriża, fis-swieq prinċipali tagħha, il-perspettiva li tikkostitwixxi duopolju de facto ma’ Servier.

203    Permezz tas-sitt parti, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punti 994 sa 998 tas-sentenza appellata, li jkun paradossali li jitqies li iktar ma t-termini ta’ liċenzja ta’ privattiva jkunu wiesgħa, iktar l-inċentiv li jiġi konkluż ftehim ta’ soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jkun sinjifikattiv, u iktar ikun faċli li dawn il-ftehimiet jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Din l-affermazzjoni hija bbażata fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kontenzjuża li minnha jirriżulta li l-ftehim ta’ liċenzja Krka serva sabiex jinċentiva lil din l-impriża tirrinunzja milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier, li ma kinux koperti mill-ftehim ta’ liċenzja Krka.

204    Permezz tas-seba’ parti, il-Kummissjoni tikkritika l-punt 997 tas-sentenza appellata sa fejn tiddikjara li d-deċiżjoni kontenzjuża tobbliga lill-proprjetarju ta’ privattiva jagħti liċenzja fit-territorju kollu kopert minn ftehim ta’ soluzzjoni bonarja. Id-deċiżjoni kontenzjuża ma tistabbilixxix tali obbligu.

205    Permezz tat-tmien parti, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 998 tas-sentenza appellata, li, sabiex ftehim ikun jista’ jitqies bħala “inċentiv” fir-rigward ta’ parti, dan il-ftehim għandu jikkumpensa lill-imsemmija parti għat-telf li jirriżulta mill-klawżoli li jipprojbixxuha milli tidħol f’ċerti swieq. Din l-evalwazzjoni, l-ewwel nett, tmur kontra l-ġurisprudenza li teżiġi sempliċement li trasferiment ta’ valur ikun suffiċjentement għoli sabiex jinċentiva manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq u, it-tieni nett, jiżnatura l-provi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2348 tad-deċiżjoni kontenzjuża li abbażi tagħhom il-Kummissjoni qieset li l-profitti li Krka kienet qiegħda tistenna li tagħmel fis-swieq prinċipali tagħha permezz tal-ftehim ta’ liċenzja Krka kienu suffiċjentement għoljin sabiex tikkonvinċiha tirrinunzja milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

206    Skont Servier, ebda żnaturament invokat fil-kuntest tal-ħames parti ma huwa fondat.

207    Servier isostni li s-sitt parti hija ineffettiva, peress li tirrigwarda motiv superfluwu tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, din il-parti ma hijiex fondata, peress li l-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza li tgħid li huma biss il-ftehimiet li jippreżentaw dannu suffiċjenti għall-kompetizzjoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

208    Is-seba’ parti hija indirizzata wkoll kontra motiv superfluwu tas-sentenza appellata u, għaldaqstant, hija ineffettiva. Barra minn hekk, sa fejn huwa intiż li jippreskrivi ċerti forom ta’ liċenzja, l-argument tal-Kummissjoni huwa inkompatibbli mal-marġni ta’ diskrezzjoni li jibbenefikaw minnu kemm il-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali sabiex jagħti liċenzja lil terz kif ukoll il-partijiet f’tilwima sabiex jirriżolvuha b’mod bonarju in bona fide.

209    Skont Servier, it-tmien parti hija bbażata fuq żnaturament tal-punt 998 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma eskludietx in-natura inċentivanti ta’ liċenzja asimmetrika minħabba li din ma tikkumpensax il-profitti mitlufa, iżda ddeċidiet, ġustament, li impriża li ma tirrikonoxxix il-validità ta’ privattiva jkollha b’mod razzjonali teżiġi, bħala korrispettiv tar-rinunzja tagħha milli tidħol f’suq, kumpens li jkopri minn tal-inqas it-telf ċert tal-profitti mistennija. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li ġie konkluż f’kundizzjonijiet tas-suq, il-ftehim ta’ liċenzja Krka ma setax jitqies bħala ħlas invertit, peress li l-element determinanti li wassal lil Krka taċċetta l-klawżoli tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja huwa l-validità tal-privattiva 947.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

210    Permezz tal-ħames parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat diversi provi fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha magħmula, fil-punti 975 sa 984 tas-sentenza appellata, dwar il-livell li bih ġiet stabbilita r-rata ta’ royalty tal-ftehim ta’ liċenzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-ftehim setax jinċentiva lil din l-impriża tirrinunzja milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punti 198 sa 200 ta’ din is-sentenza, li dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridikament żbaljat, relatat mal-kwistjoni dwar jekk il-ftehim ta’ liċenzja Krka kienx ġie konkluż skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Peress li l-punti 975 sa 984 tas-sentenza appellata huma, minħabba dan l-iżball ta’ liġi, ivvizzjati b’illegalità, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq din il-ħames parti.

211    Permezz tas-sitt sat-tmien parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 992 sa 998 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien jikkostitwixxi inċentiv sabiex jiġi pospost id-dħul tagħha fis-swieq prinċipali ta’ Servier, għar-raġuni, essenzjalment, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni previsti fil-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kien usa’ minn dak tal-ftehim ta’ liċenzja Krka. Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq il-premessa li ftehim ta’ liċenzja li ġie konkluż skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq jissodisfa minħabba f’hekk il-kriterju ddefinit mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 963 ta’ din is-sentenza, u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi inċentiv sabiex jiġi konkluż ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim relatat ma’ din il-privattiva li jinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Peress li dan il-kriterju huwa ġuridikament żbaljat, l-evalwazzjonijiet imwettqa fil-punti 994 sa 998 tal-imsemmija sentenza huma bbażati fuq premessa li hija stess żbaljata u huma, għaldaqstant, ivvizzjati b’illegalità. Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata minn Servier u li jintlaqgħu s-sitt sat-tmien parti ta’ dan l-aggravju.

212    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

6.      Fuq ittielet aggravju

a)      Fuq lewwel parti

1)      Largumenti talpartijiet

213    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-punt 1006 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li ftehim ta’ tqassim tas-suq jippreżupponi tqassim “ermetiku” tas-swieq bejn il-partijiet. Din l-evalwazzjoni tmur kontra l-Artikolu 101(1)(c) TFUE, li, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni (T‑49/02 sa T‑51/02, EU:T:2005:298, punt 156), ma jimponi ebda kundizzjoni ta’ din in-natura għall-klassifikazzjoni ta’ ftehim ta’ tqassim tas-suq u lanqas, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 28), sabiex dan it-tip ta’ ftehim jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

214    Skont Servier, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma talbitx tqassim “ermetiku” tas-swieq, iżda rrilevat li ebda suq ma kien ġie rriżervat għal Krka. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali invokati mill-Kummissjoni huma irrilevanti peress li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ma kinux intiżi li jqassmu l-klijenti jew li jipprekludu d-dħul fis-suq ta’ kompetituri barranin, iżda kienu bbażati fuq ir-rikonoxximent tal-privattiva 947.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

215    Wara li, essenzjalment, ikkonkludiet, fil-punt 985 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-konklużjoni ma setgħet tiġi invalidata minn ebda wieħed mill-elementi l-oħra użati fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għalhekk, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 1003 sa 1014 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tqis li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu qsim tas-suq bejn Servier u Krka. B’mod partikolari, fil-punt 1005 tal-imsemmija sentenza, hija kkonstatat li Servier ma kienx eskluż mis-swieq prinċipali ta’ Krka. Fil-punt 1006 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li “ma kienx hemm parti mis-suq li, bis-saħħa tal-ftehimiet, kienet irriżervata għal Krka” u li, għalhekk, ma setax “jiġi konkluż li kien hemm qsim ta’ suq, fis-sens ta’ qsim nett bejn il-partijiet fil-ftehimiet, li jikkonċerna din il-parti tas-suq intern”.

216    Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 182 sa 194 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li ftehim li jikkonsisti fit-tqassim tas-swieq ma jkunx “ermetiku” bl-ebda mod ma jostakola l-klassifikazzjoni tiegħu bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fil-fatt, l-Artikolu 101(1)(c) TFUE jipprojbixxi espressament il-ftehimiet li jikkonsistu fit-tqassim tas-swieq. Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn impriżi li jirrigwardaw it-tqassim tas-swieq jaqgħu, fid-dawl tan-natura partikolarment gravi tagħhom, taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

217    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1)(c) TFUE ma jinkludi ebda kundizzjoni partikolari li tipprevedi li l-projbizzjoni li huwa jistabbilixxi għandha tkun limitata biss għall-ftehimiet li jistabbilixxu tqassim “ermetiku” bejn dawn is-swieq, permezz, pereżempju, ta’ dispożizzjonijiet li jirriżervaw l-aċċess għal uħud minn dawn is-swieq għal waħda minn dawn l-impriżi, bl-esklużjoni tal-oħra, jew li jipprojbixxu l-esportazzjonijiet minn suq lejn ieħor. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-ftehimiet ta’ tqassim tas-suq abbażi ta’ kundizzjoni li l-Artikolu 101(1) TFUE ma jipprevedix u li ebda kunsiderazzjoni marbuta mal-għan jew mal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermetti li jiġi previst.

218    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex jiġu evitati l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet li jikkonsistu fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari billi ċerti swieq jiġu rriżervati għal impriża bħala korrispettiv għall-għoti minnha ta’ liċenzja ta’ privattiva lil impriża oħra li topera fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u b’hekk tippermetti lil din it-tieni impriża tidħol fi swieq oħra mingħajr riskju ta’ kontrafazzjoni, li jnaqqas l-effettività sħiħa tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1)(c) TFUE, u jippreġudika serjament l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fid-dawl tan-natura kjarament antikompetittiva ta’ tali ftehimiet.

219    Għaldaqstant, meta ddeċidiet, fil-punt 1006 tas-sentenza appellata, li, peress li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ma rriżervawx parti mis-suq għal Krka, “[g]ħalhekk ma jistax jiġi konkluż li kien hemm qsim ta’ suq, fis-sens ta’ qsim nett bejn il-partijiet fil-ftehimiet, li jikkonċerna din il-parti tas-suq”, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(1) TFUE u vvizzjat l-imsemmi punt 1006 b’illegalità.

220    Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tielet aggravju.

b)      Fuq ittieni parti

1)      Largumenti talpartijiet

221    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-punt 1012 tas-sentenza appellata, li minnu jirriżulta li assjem kuntrattwali bbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva kkonċernata ma jistax jiġi kklassifikat bħala ftehim ta’ esklużjoni mis-suq. Il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi dwar il-perċezzjoni mill-partijiet tal-validità tal-privattiva 947. Minkejja li l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kien ibbażat fuq dan ir-rikonoxximent, dan il-ftehim ma setax jevita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, peress li l-imsemmi ftehim kellu l-għan li jaqsam is-suq.

222    Skont Servier, l-ilment ta’ żnaturament għandu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika l-iċken żball ta’ analiżi tal-provi. Il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma skartat il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, irrilevat li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kienu bbażati fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva 947.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

223    Fil-punt 1012 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “fin-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ inċentiv [...], il-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw minn ftehim leġittimu dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal‑privattivi li miegħu huwa assoċjat ftehim ta’ liċenzja” u li “[t]ali rabta kuntrattwali, ibbażata fuq ir‑rikonoxximent tal-validità tal-privattiva, ma tistax, għalhekk, tiġi kklassifikata bħala ftehim ta’ esklużjoni mis-suq”.

224    Għandu jitqies, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punti 102 u 132 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm ir-rikonoxximent tal-validità ta’ privattiva li hija s-suġġett ta’ tilwima bejn żewġ partijiet jista’ jikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, fl-istess suq, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati minn ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ din it-tilwima jistgħux jitnaqqsu, jew saħansitra nnewtralizzati, bil-konklużjoni, bejn l-istess partijiet, fir-rigward ta’ ftehim ta’ liċenzja ta’ din il-privattiva, dan ir-rikonoxximent ma jikkostitwixxix, fih innifsu, fattur deċiżiv, jew anki rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kollużorja bħal dik imputata, mid-deċiżjoni kontenzjuża, lil Servier u lil Krka, li tikkonsisti fit-tqassim tas-swieq permezz ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima dwar privattiva li tikkonċerna, b’mod partikolari, swieq li jaqgħu fil-kamp ġeografiku tal-ksur u ta’ ftehim ta’ liċenzja ta’ din il-privattiva li jirrigwarda swieq li ma jaqgħux taħtu, tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

225    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 102, 132, 178 sa 184 u 224 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq ir-rikonoxximent minn Krka tal-privattiva 947 minkejja li dan il-fattur ma huwiex, fih innifsu, deċiżiv u, min-naħa l-oħra, fuq il-kontenut u l-forma tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka pjuttost milli fuq l-analiżi konkreta tad-dannu tagħhom għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kuntest tagħhom, sabiex tiġi invalidata l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

226    Barra minn hekk, huwa minnu li ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima relatata ma’ privattiva u ftehim ta’ liċenzja ta’ din il-privattiva jistgħu jiġu konklużi, b’għan leġittimu u kompletament legali, abbażi tar-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-imsemmija privattiva, fl-assenza ta’ kwalunkwe ċirkustanza oħra li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Madankollu, il-fatt li tali ftehimiet isegwu għan leġittimu ma huwiex ta’ natura li jeskludihom mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk jirriżulta li dawn huma intiżi wkoll sabiex iqassmu swieq jew iwettqu restrizzjonijiet oħra għall-kompetizzjoni. (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1985, BAT Cigaretten-Fabriken vs Il-Kummissjoni, 35/83, EU:C:1985:32, punt 33, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 70).

227    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’.

c)      Fuq ittielet parti

1)      Largumenti talpartijiet

228    Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 987 u 988 tas-sentenza appellata, żnaturat it-termini tal-ftehim ta’ liċenzja Krka. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-introduzzjoni possibbli ta’ duopolju de facto fis-seba’ Stati Membri koperti minn dan il-ftehim — is-swieq prinċipali ta’ Krka — ma kinitx tirriżulta mit-termini tal-imsemmi ftehim, iżda minn għażliet ulterjuri magħmula individwalment minn Servier u minn Krka. Din id-dikjarazzjoni hija kontradetta mill-Artikolu 2(2) tal-istess ftehim li permezz tiegħu Servier intrabat li ma jawtorizzax it-tielet operatur juża l-privattiva 947 f’dawn is-seba’ swieq nazzjonali.

229    Servier jikkontesta l-fatt li l-ftehim ta’ liċenzja Krka stabbilixxa duopolju de facto. Minn naħa, skont dan il-ftehim, Servier seta’ jagħti liċenzja addizzjonali lil operatur terz. Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ kompetizzjoni bejn Servier u Krka, ikkonstatat fil-punt 991 tas-sentenza appellata, dan l-argument huwa ineffettiv.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

230    Fil-punt 987 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, minkejja li l-ftehim ta’ liċenzja Krka ppermetta l-introduzzjoni ta’ “duopolju vantaġġjuż” bejn Servier u Krka, “tali duopolju ma kienx jirriżulta mill‑ftehim stess iżda minn għażliet magħmula minn Servier u Krka wara dan il-ftehim, jiġifieri, fir-rigward ta’ Servier, l-għażla li ma tagħtix liċenzja lil kumpannija oħra ta’ ġeneriċi jew li ma tikkummerċjalizzax hija stess verżjoni ġenerika bi prezz baxx għall-perindopril tagħha stess [...] u, fir-rigward ta’ Krka, l‑għażla li ma tużax politika aggressiva bbażata fuq il-prezzijiet”.

231    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, li jissemma fil-punt 46 tas-sentenza appellata u li jinsab fl-Anness A.176 tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Servier, huwa redatt kif ġej:

“Permezz ta’ dan il-ftehim, Servier jagħti lil Krka liċenzja esklużiva u irrevokabbli fuq il-privattiva 947 u Krka taċċettaha bil-għan li tuża, timmanifattura, tbigħ, toffri għall-bejgħ, tippromwovi u timporta prodotti ta’ Krka li fihom il-forma kristallina alpha tal-melħ ta’ perindopril tertbutylamine fit-territorju matul il-perijodu ta’ dan il-ftehim.

Bla ħsara għal dak li ntqal iktar ’il fuq, Servier jirriżerva d-dritt, direttament jew permezz tas-sussidjarji tiegħu jew permezz ta’ terz wieħed għal kull pajjiż, li juża l-privattiva 947 sabiex jeżegwixxi waħda mill-operazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fit-territorju.

Krka ma hijiex awtorizzata tagħti sottoliċenzji, minbarra dawk li hija tagħti lis-sussidjarji tagħha, mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ Servier.”

232    B’hekk, minn dawn it-termini ċari u preċiżi jirriżulta li Servier ta lil Krka, b’mod esklużiv u irrevokabbli, il-liċenzja tal-privattiva 947, bla ħsara għad-dritt ta’ Servier li juża din il-privattiva “direttament permezz tas-sussidjarji tiegħu jew ta’ terz wieħed għal kull pajjiż”. Għalkemm l-eżistenza ta’ din ir-riżerva tista’ tikkontribwixxi sabiex tispjega l-lingwaġġ prudenti użat mill-Kummissjoni, li sempliċement irreferiet, b’mod partikolari fil-premessi 1728, 1734 u 1742 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għal duopolju “de facto” fis-swieq prinċipali ta’ Krka, xorta jibqa’ l-fatt li t-termini ta’ din ir-riżerva, moqrija fid-dawl tan-natura esklużiva u irrevokabbli tal-liċenzja mogħtija lil Krka, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Servier jagħti liċenzja tal-imsemmija privattiva lil manifattur ieħor ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li, filwaqt li jaġixxi indipendentement minn Servier, jista’ jikkompeti ma’ Krka. B’hekk, billi affermat, fil-punt 987 tas-sentenza appellata, li duopolju bejn Servier u Krka ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ liċenzja Krka iżda mill-għażla magħmula sussegwentement minn Servier “li ma jagħtix liċenzja lil kumpannija ta’ ġeneriċi oħra”, il-Qorti Ġenerali wettqet qari ta’ dan il-ftehim li huwa inkompatibbli mal-formulazzjoni tiegħu. Billi żnaturat is-sens tal-imsemmi ftehim, il-Qorti Ġenerali vvizzjat b’illegalità l-punt 987 ta’ din is-sentenza.

233    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’.

d)      Fuq irraba parti

1)      Largumenti talpartijiet

234    Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 989 u 990 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-istabbiliment ta’ duopolju bejn Servier u Krka sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mingħajr ma analizzat l-effetti potenzjali tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. Fil-fatt, dawn il-ftehimiet kellhom, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-għan li jibdlu b’mod sinjifikattiv l-istruttura tas-swieq prinċipali ta’ Servier billi jagħtu liċenzja lil Krka bħala korrispettiv għar-rinunzja ta’ din tal-aħħar milli tidħol f’dawn is-swieq. Konsegwentement, l-eżami tal-effetti tagħhom ma kienx neċessarju u sar biss fid-deċiżjoni kontenzjuża għal finijiet ta’ kompletezza.

235    Servier iqis li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

236    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ ftehimiet bejn impriżi li jkollhom livell suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju.

237    Sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim bejn impriżi għandux tali livell ta’ noċività, għandhom jiġu kkunsidrati l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53).

238    Madankollu, kif tfakkar fil-punti 93 u 94 ta’ din is-sentenza, u kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, fir-rigward tal-prattiki kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma hemmx lok li jiġu investigati u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-esperjenza turi li ċertu aġir jista’ fih innifsu jkollu konsegwenzi negattivi fuq is-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51 u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 162). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ftehimiet li jirrigwardaw it-tqassim tas-swieq għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni fihom infushom u jaqgħu taħt kategorija ta’ ftehimiet espressament ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE, u li din il-projbizzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ analiżi tal-kuntest ekonomiku tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni.

239    Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali stess fil-punti 221 u 989 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 236 sa 238 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma għandhiex, taħt il-pretest, fost l-oħrajn, tal-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehim inkwistjoni, twassal sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan il-ftehim, għaliex inkella jintilef l-effett utli tad-distinzjoni bejn l-għan u l-effett ristrettiv tal-kompetizzjoni stabbilit fl-Artikolu 101(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll, fl-istess punt 989 ta’ din is-sentenza, li jirreferi għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 304 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni ma jistgħux, waqt l-eżami tal-għan restrittiv ta’ ftehim u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, jinjoraw kompletament l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim. Fil-punt 990 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali għalhekk irrilevat li “l-allegati effetti potenzjali inkwistjoni, jiġifieri d-duopolju allegat mill-Kummissjoni, huma bbażati fuq ċirkustanzi ipotetiċi u b’hekk mhux oġġettivament prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim”.

240    Għandu jiġi kkonstatat li l-punt 989 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’kontradizzjoni interna, peress li jindika fl-istess ħin li l-effetti ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma għandhomx jiġu evalwati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din ir-restrizzjoni u li tali effetti ma jistgħux jiġu injorati waqt l-eżami tal-għan restrittiv ta’ ftehim. Dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet huma inkompatibbli.

241    Barra minn hekk, il-punti 304 u 989 tas-sentenza appellata fihom żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni ma jistgħux, waqt l-eżami tal-għan restrittiv ta’ ftehim, jinjoraw kompletament l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim. Fil-fatt, din l-osservazzjoni, li ma hija bbażata fuq ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkontradixxi direttament il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 236 sa 238 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fir-rigward ta’ prattiki kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma hemmx lok li jiġu investigati u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

242    Din l-evalwazzjoni żbaljata tfixkel, barra minn hekk, l-eżerċizzju li jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk aġir jistax, min-natura tiegħu stess, jippreġudika sistematikament il-kompetizzjoni minħabba karatteristiċi li huma speċifiċi għaliha u jekk għandux għalhekk grad ta’ noċività suffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma’ dak li jikkonsisti fl-analiżi tal-effetti, reali jew potenzjali, ta’ aġir speċifiku f’każ partikolari, li huwa rilevanti biss sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

243    Fil-fatt, għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk aġir jippreżentax tali grad ta’ noċività, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati, u lanqas a fortiori, li tiġi prodotta prova tal-effetti tal-aġir fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali kif ukoll negattivi jew pożittivi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 159, 162 u 166, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

244    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 236 sa 238 u 243 ta’ din is-sentenza, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ta’ ftehim jew ta’ prattika, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 990 tas-sentenza appellata, meta introduċiet, fir-raġunament tagħha relatat mar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ikkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża u bbażata fuq il-fatt li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kienu jagħtu lok għal tqassim tas-swieq ġeografiċi fl-Unjoni, kunsiderazzjonijiet relatati man-natura allegatament ipotetika tal-effetti potenzjali ta’ dawn il-ftehimiet, kunsiderazzjonijiet li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

245    Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’.

e)      Fuq ilħames parti

1)      Largumenti talpartijiet

246    Permezz tal-ħames parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 1023 tas-sentenza appellata, skartat id-dikjarazzjoni ta’ Lupin imsemmija fil-premessa 1730 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li “jidher li, mill-perspettiva ta’ Servier, il-ġustifikazzjoni [tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka] hija l-protezzjoni tas-swieq prinċipali li fihom ġiet ikkonstatata l-predominanza ta’ livell għoli ta’ sostituzzjoni u/jew ta’ preskrizzjoni ta’ [denominazzjoni komuni internazzjonali]”, minħabba li din id-dikjarazzjoni ma tippermettix li tiġi pprovata l-intenzjoni ta’ Servier li jadotta ftehimiet dwar qsim jew esklużjoni mis-suq ma’ Krka. Skont il-Kummissjoni, din id-dikjarazzjoni ma kinitx intiża li tagħti prova tal-intenzjoni ta’ Servier, iżda li tikkorrobora dikjarazzjoni sussegwenti ta’ Krka, li kienet tippermetti li jintwera li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kienu għamlu possibbli forma ta’ qsim tas-suq, u b’hekk ikkontribwixxew sabiex jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-ftehimiet.

247    Servier isostni li din il-ħames parti hija inammissibbli, peress li hija intiża li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

248    Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali għalhekk għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑623/20 P, EU:C:2023:97, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

249    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tinvokax żnaturament, b’tali mod li l-ħames parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli.

f)      Fuq issitt parti

1)      Largumenti talpartijiet

250    Permezz tas-sitt parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 248, 958 u 965 tas-sentenza appellata, wettqet interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 772/2004 u tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

251    Servier jiċħad kull żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

252    Għandu jiġi kkonstatat li l-punt 248 tas-sentenza appellata, li jillimita ruħu, essenzjalment, li jfakkar u jikkummenta ċerti punti mil-Linji Gwida msemmija fil-punt 250 ta’ din is-sentenza, jagħmel parti mill-kunsiderazzjonijiet preliminari li wasslu lill-Qorti Ġenerali tiddikjara, fil-punt 252 tas-sentenza appellata, li, “għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-ħtieġa li l-impriżi jkunu jistgħu jipproċedu bi ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja li l-konklużjoni tagħhom hija ta’ benefiċċju għall-kollettività u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jitneħħa r-riskju ta’ użu żbaljat ta’ ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja, bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jwassal għaż-żamma ta’ privattivi li ma humiex validi u, b’mod partikolari fil-qasam tal-prodotti mediċinali, għal spiża finanzjarja mhux iġġustifikata għall-baġits pubbliċi”. Peress li tali kunsiderazzjonijiet preliminari, minħabba l-ġeneralità tagħhom, ma għandhom ebda effett fuq id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, l-ilment dirett kontra l-punt 248 tal-imsemmija sentenza huwa għalhekk ineffettiv. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 179 sa 184 ta’ din is-sentenza, b’risposta għat-tieni parti tat-tieni aggravju, jirriżulta li l-punti 943 sa 972 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’illegalità. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ilmenti li jqiegħdu f’dubju l-punti 958 u 965 tas-sentenza appellata.

253    Peress li l-ewwel sar-raba’ parti kif ukoll is-sitt parti tat-tielet aggravju huma fondati, hemm lok li dan it-tielet aggravju jintlaqa’.

7.      Fuq ir-raba’ aggravju

254    Permezz tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-intenzjonijiet tal-partiijiet għal ftehimiet Krka. Dan l-aggravju jinkludi erba’ partijiet.

a)      Fuq lewwel parti

1)      Largumenti talpartijiet

255    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 1015 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx uriet li Servier jew Krka kellhom l-intenzjoni li jikkonkludu ftehimiet antikompetittivi. Fil-fatt, tali prova ma hijiex meħtieġa, peress li l-ksur imputat lil dawn l-impriżi huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Minkejja li l-imsemmija impriżi ma kellhomx l-intenzjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax il-fatt li l-ftehimiet Krka kellhom, fis-swieq prinċipali ta’ Servier, livell suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex tiġi ġġustifikata l-klassifikazzjoni tagħhom bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

256    Servier isostni li peress li l-prova tal-intenzjoni tal-partijiet ma hijiex meħtieġa għall-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ir-raba’ aggravju huwa, kollu kemm hu, dirett kontra motiv superfluwu tas-sentenza appellata u, għal dan l-għan, ineffettiv.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

257    Wara li ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 985 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-evalwazzjoni ma setgħetx tiġi invalidata mill-elementi l-oħra użati fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fost dawn il-fatturi, il-punt 1015 tas-sentenza appellata jipprovdi li “il-Kummissjoni ma pprovatx li Servier jew Krka kellhom l-intenzjoni li jipproċedu bi ftehim dwar qsim tas-suq jew dwar esklużjoni mis-suq jew inkella li Servier kellu l-intenzjoni li jinċentiva lil Krka sabiex tirrinunzja li tikkompetilu jew li Krka kellha l-intenzjoni li tirrinunzja, bi skambju ta’ vantaġġ ta’ inċentiv, milli teżerċita pressjoni ta’ kompetizzjoni fuq Servier.” Għar-raġunijiet esposti fil-punti 1016 sa 1024 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, skartat ċerti provi dwar l-intenzjonijiet tal-partijiet fil-ftehimiet Krka msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, u qieset, fil-punt 1025 tal-istess sentenza li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi indizji rilevanti u konverġenti li jippermettu li tiġi kkontestata l-konklużjoni li kienet waslet għaliha fil-punt 985 tas-sentenza appellata.

258    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 108 u 182 ta’ din is-sentenza, il-fatt li impriżi li l-aġir tagħhom jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ikunu aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal 21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C 333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minkejja li provi dwar l-intenzjonijiet tal-partijiet għal ftehim jistgħu jikkontribwixxu, f’ċerti każijiet, sabiex jiġi stabbilit liema huma l-għanijiet oġġettivi li dan il-ftehim għandu l-intenzjoni li jilħaq mill-kompetizzjoni, mill-ġurisprudenza mfakkra f’dan il-punt jirriżulta li, essenzjalment, meta kkritikat lill-Kummissjoni talli naqset milli tistabbilixxi, essenzjalment, li Servier jew Krka kellhom l-intenzjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejniethom, filwaqt li tali stabbiliment ma huwiex meħtieġ għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u vvizzjat b’illegalità l-punt 251 tas-sentenza appellata.

259    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi milqugħa.

b)      Fuq ittieni parti

1)      Largumenti talpartijiet

260    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fil-punti 1016 sa 1024 tas-sentenza appellata dwar l-intenzjoni ta’ Servier u ta’ Krka li jaqsmu s-swieq bejniethom, wettqet żbalji fl-interpretazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-analiżi tal-provi. Hija tinvoka erba’ ilmenti f’dan ir-rigward.

261    L-ewwel nett, fir-rigward tar-rikonoxximent minn Servier u Krka tal-validità tal-privattiva 947, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punti 1017 sa 1024 tas-sentenza appellata, li teżamina ċerti dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li kienet obbligata tivverifika jekk il-provi dokumentali kollha, analizzati flimkien, kinux jippermettu li jiġi stabbilit ksur skont l-istandard ta’ prova meħtieġ. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti msemmija fil-premessi 873, 874 u 1759 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

262    It-tieni nett, fir-rigward tal-importanza mogħtija, fil-punt 1016 tal-imsemmija sentenza, lill-kontenut tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, segwiet raġunament żbaljat, tat-tip “a contrario”, u interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57), dwar l-inferenzi li jistgħu jinsiltu minn indizji meta l-partijiet ma jkunux żammew provi dokumentali tal-kontenut tal-ftehim tagħhom. Fil-fatt, minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-fatt li l-kontenut ta’ ftehim ikun disponibbli jirrelativizza r-rilevanza tal-provi dokumentali l-oħra. Fl-assenza ta’ dan l-iżball ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni posta elettronika ta’ Krka tad‑29 ta’ Settembru 2005, li tidentifika l-istrateġija antikompetittiva segwita kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ Lupin, imsemmija fil-premessi 1730 u 1748 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkorrobora l-eżistenza ta’ din l-istrateġija.

263    It-tielet nett, fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, b’mod ġenerali u astratt, li dokumenti kontemporanji ta’ ftehim “ma jistgħux faċilment jikkontestaw konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess ta’ dawn il-ftehimiet”. Fil-fatt, tali ġerarkija fl-amministrazzjoni tal-prova ma teżistix. Il-Qorti Ġenerali injorat il-funzjoni prinċipali tal-prova li hija li tistabbilixxi b’mod konvinċenti l-merti ta’ argument u wettqet żball ta’ liġi meta ma vverifikatx il-kredibbiltà tal-provi kollha msemmija fil-premessi 1758 sa 1760 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

264    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 1019 tas-sentenza appellata ma huwiex suffiċjentement motivat. B’mod partikolari, din is-sentenza ma tispjegax għaliex il-provi msemmija fil-premessi 1758 sa 1760 tad-deċiżjoni kontenzjuża, moqrija flimkien mal-premessi 1687 sa 1690 ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li Krka ma kinitx tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947.

265    Servier isostni li l-Qorti Ġenerali spjegat ir-raġunijiet li għalihom it-tkomplija, minn Krka, tal-proċeduri ġudizzjarji ma kinitx tikkontesta l-fatt li din l-impriża kienet tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947, mingħajr ma naqset mill-obbligu tagħha li tanalizza l-provi rilevanti kollha, u lanqas mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet ilment, Servier ifakkar li, peress li l-ftehimiet Krka saru pubbliċi, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn dawn il-ftehimiet u l-kartelli sigrieti kienet rilevanti.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

266    Peress li l-Kummissjoni ressqet, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, argumenti li jikkoinċidu ma’ dawk invokati fir-raba’ parti tar-raba’ aggravju tagħha, dawn l-argumenti kollha għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din ir-raba’ parti.

267    Fir-rigward tar-raba’ lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il-Kummissjoni, C‑682/20 P, EU:C:2023:170, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

268    Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 1019 tas-sentenza appellata, skartat il-provi msemmija fil-premessi 849 sa 854 u 1758 sa 1760 tad-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba li kienu wisq “frammentarji jew ambigwi” sabiex jinvalidaw il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li Krka kienet fl-aħħar mill-aħħar irrikonoxxiet il-validità tal-privattiva 947. Għalkemm din il-motivazzjoni hija konċiża, hija madankollu suffiċjenti sabiex jinftiehmu, fid-dawl tal-punt 1016 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-provi. Peress li r-raba’ lment huwa infondat, dan għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

269    Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet ilment, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-punt 1016 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dokumenti kontemporanji ma’ ftehimiet ma jistgħux faċilment jikkontestaw konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess ta’ dawn il-ftehimiet.

270    Fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, ġustament, billi rreferiet għas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52,, punt 51), li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li spiss jirriżulta neċessarju li ċerti dettalji jiġu rrikostitwiti permezz ta’ deduzzjonijiet. Madankollu, hija qieset, f’dan il-punt 1016, li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kienu “verament kuntratti li barra minn hekk għandhom ħafna pubbliċità (premessa 915 tad-deċiżjoni [kontenzjuża]”, li, “[il]-Kummissjoni seta’ faċilment ikollha l-kontenut sħiħ tal-ftehimiet inkwistjoni, il-ġurisprudenza li għadha kemm ġiet iċċitata ma hijiex daqstant applikabbli”, u li, “[b]’hekk, deduzzjonijiet misluta minn estratti parzjali ta’ posta elettronika jew ta’ dokumenti oħra intiżi sabiex jistabbilixxu l‑intenzjonijiet tal-partijiet ma jistgħux faċilment jikkontestaw konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess tal-ftehimiet, jiġifieri fuq ir‑rabtiet ġuridiċi mandatorji li l-partijiet iddeċidew li jistabbilixxu bejniethom”.

271    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju li jipprevali huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 49 u 63, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il-Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 38).

272    Sabiex tissodisfa l-oneru tal-prova li għandha, il-Kummissjoni għandha tipproduċi provi suffiċjentement serji, preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 20, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punti 42 u 45).

273    Madankollu, kull prova mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 513 sa 523); kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltungs u NKT vs Il-Kummissjoni, C‑607/18 P, EU:C:2020:385, punt 180).

274    Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 97 u 220 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn il-prinċipji dwar l-amministrazzjoni tal-prova japplikaw mhux biss meta l-Kummissjoni jkollha tiddeduċi l-eżistenza stess ta’ prattika kollużorja minn provi frammentarji u sparsi, iżda wkoll meta l-Kummissjoni seta’ jkollha l-kontenut ta’ ftehimiet intiżi li jimplimentaw din il-prattika. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kontenut stess ta’ dawn il-ftehimiet ma jippermettix neċessarjament li jiġi stabbilit jekk l-imsemmija ftehimiet jaqgħux fil-kuntest ta’ prattika antikompetittiva, u lanqas, a fortiori, jekk din il-prattika tippreżentax grad ta’ dannu suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

275    Kif diġà ġie espost, fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, b’risposta għat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-fatt li t-termini ta’ ftehim intiżi li jimplimentaw prattika kollużorja ma jiżvelawx għan antikompetittiv ma huwiex, fih innifsu, determinanti. Huwa għalhekk li huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet, iżda wkoll l-għanijiet tagħhom kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu.(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 20, kif ukoll tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punti 78 u 79). F’dan ir-rigward, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jieħduha inkunsiderazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari sabiex jiġi mifhum l-għan veru ta’ dan il-ftehim fid-dawl tal-kuntest li fih ġie konkluż kif deċiż fil-punt 258 ta’ din is-sentenza.

276    Għaldaqstant, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-prova fid-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet, fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, li teżisti distinzjoni fid-dritt, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi frammentarji u sparsi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur, bejn is-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha l-kontenut ta’ ftehimiet antikompetittivi u dawk li fihom hija ma jkollhiex tali kontenut. B’hekk, deduzzjonijiet misluta minn estratti parzjali ta’ posta elettronika jew ta’ dokumenti oħra intiżi li jistabbilixxu l-intenzjonijiet tal-partijiet ma jistgħux faċilment jikkontestaw konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess tal-ftehimiet, jiġifieri fuq ir-rabtiet ġuridiċi mandatorji li l-partijiet iddeċidew li jistabbilixxu bejniethom. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali vvizzjat b’illegalità l-evalwazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-punti 1016 sa 1025 ta’ din is-sentenza.

277    It-tieni u t-tielet ilment tat-tieni parti tar-raba’ aggravju għandhom għaldaqstant jiġu milqugħa.

c)      Fuq ittielet parti

1)      Largumenti talpartijiet

278    Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-punti 1017 u 1024 huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

279    Skont Servier, din it-tielet parti għandha tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk li allegatament jiġġustifikaw is-sitt parti tal-ewwel aggravju.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

280    Peress li s-sitt parti tal-ewwel aggravju ntlaqgħet fil-punt 163 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni awtonoma dwar it-tielet parti tar-raba’ aggravju.

d)      Fuq irrabaparti

1)      Largumenti talpartijiet

281    Permezz tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 999, 1000, 1010 u 1026 tas-sentenza appellata, kisret il-prinċipji li jobbligawha tanalizza, b’mod komplet u imparzjali, il-provi kollha. Il-Qorti Ġenerali “ppreferiet” provi suġġettivi wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka milli provi kontemporanji msemmija fil-punti 1015 sa 1024 ta’ din is-sentenza, minkejja li dawn tal-aħħar kienu jippermettulha li jiġi vverifikat jekk Krka kinitx tirrikonoxxi effettivament il-validità tal-privattiva 947. Minkejja li din l-impriża allegat li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 wasslitha sabiex temmen li l-privattiva 947 kienet valida, tali allegazzjoni ma setgħetx tirreżisti evalwazzjoni kompleta u imparzjali tal-provi kollha. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx il-provi kollha msemmija fit-Taqsima 5.5 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

282    Skont Servier, ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali analizzat kemm il-provi sussegwenti kif ukoll il-provi kontemporanji tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. Fi kwalunkwe każ, dawn tal-aħħar ma kellhomx valur probatorju, peress li kienu jippreċedu d-deċiżjoni tal-EPO tas‑27 ta’ Lulju 2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma rrevedietx il-provi kollha msemmija fit-Taqsima 5.5 tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, dan l-ilment huwa inammissibbli, peress li l-Kummissjoni ma tindikax b’mod ċar liema huma, fil-fehma tagħha, il-provi speċifiċi li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina f’din it-taqsima li għandha 55 paġna. Fil-fehma ta’ Servier, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tirrevedi d-deċiżjoni kontenzjuża lil hinn mill-provi li l-Kummissjoni pproduċiet matul il-fażi kontenzjuża, u lanqas ma hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Qorti Ġenerali.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

283    Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, kif ukoll tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni inkompleta u selettiva tal-provi tar-rikonoxximent, minn Krka, tal-validità tal-privattiva 947 u tal-intenzjonijiet suġġettivi tal-partijiet fil-ftehimiet Krka.

284    F’dan ir-rigward, ġie deċiż fil-punti 160 sa 162 ta’ din is-sentenza li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li hemm riferiment għalihom fil-punti 158 u 159 ta’ din is-sentenza dwar il-perċezzjoni minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 u billi naqset milli tispjega r-raġunijiet ta’ din l-ommissjoni, minkejja li l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi evalwata korrettament jekk l-indizji li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża jitqiesu fl-intier tagħhom, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża u vvizzjat is-sentenza appelalta b’nuqqas ta’ motivazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tat-tieni parti u r-raba’ parti tar-raba’ aggravju, għandhom jiġu milqugħa.

285    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jintlaqgħu l-ewwel parti, l-ewwel sat-tielet ilment tat-tieni parti, kif ukoll ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju.

8.      Fuq ilħames aggravju

a)      Largumenti talpartijiet

286    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 1007 sa 1009 kif ukoll 1031 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka. Il-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji. Qabelxejn, peress li ebda ksur ma ġie kkonstatat f’dawn is-swieq, l-effetti pożittivi allegati ma jiġġustifikawx ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq l-oħra. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kisret is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41), li skontha, essenzjalment, ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva li jistabbilixxi protezzjoni territorjali assoluta jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ ftehim fuq il-kompetizzjoni jista’ jsir biss fil-kuntest tal-Artikolu 101(3) TFUE.

287    Servier tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tikkontesta kull analoġija mal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41), li ma kinitx tikkonċerna s-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima relatata ma’ privattiva. Il-ftehimiet Krka ma kinux joffru protezzjoni territorjali assoluta. Servier baqa’ liberu li jbigħ fis-swieq prinċipali ta’ Krka, filwaqt li Krka baqgħet libera li tiżviluppa prodott li ma jagħtix lok għal kontrafazzjoni fil-kumplament tal-Unjoni. L-affermazzjoni li l-kompetizzjoni potenzjali ġiet eliminata f’dawn is-swieq hija ineżatta peress li l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kien jipprojbixxi biss lil Krka milli tikser il-privattiva 947, li l-validità tagħha kienet għadha kemm ġiet ikkonfermata. Skont Servier, Krka kienet taħdem b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ forma ta’ perindopril li ma tagħtix lok għal kontrafazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-fehma ta’ Servier, tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punti 304 u 996 tas-sentenza appellata, l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, bħala elementi kuntestwali, sabiex tikkonfuta l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

288    Għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk aġir jippreżentax il-grad ta’ noċività meħtieġ sabiex ikun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati, u lanqas a fortiori, li tiġi prodotta prova tal-effetti tal-aġir fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali kif ukoll negattivi jew pożittivi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 159 u 166 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li kwalunkwe effetti pożittivi jew favorevoli għall-kompetizzjoni ta’ aġir ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi evalwat jekk hemmx lok li jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan skont l-Artikolu 101(1) TFUE, inkluż fil-kuntest ta’ kwalunkwe eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-aġir inkwistjoni għandux il-grad ta’ noċività meħtieġ għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni.

289    Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punt 175 ta’ din is-sentenza, il-ftehim ta’ liċenzja Krka jikkonċerna s-swieq li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kwalunkwe effetti favorevoli għall-kompetizzjoni li dan il-ftehim jista’ jkollu fuq dawn is-swieq, anki jekk jeżistu, ikunu irrilevanti, minn perspettiva loġika, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fil-każ inkwistjoni fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

290    Għaldaqstant, billi bbażat ruħha, fil-punt 1031 tas-sentenza appellata, kif ukoll fil-punt 1032 li jislet il-konklużjonijiet minnu, fuq l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni li kienet ikkonstatat fis-swieq prinċipali ta’ Krika, fil-punti 1007 sa 1009 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u vvizzjat dawn il-punti kollha b’illegalità.

291    Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi milqugħ.

9.      Konklużjoni intermedja dwar lewwel salħames aggravji

292    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li, sabiex tikklassifika l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi, minn naħa, li kienet teżisti rabta suffiċjentement diretta bejn dawn iż-żewġ ftehimiet sabiex l-assoċjazzjoni tagħhom tkun iġġustifikata u, min-naħa l-oħra, li, fin-nuqqas ta’ tali rabta, kienet il-Kummissjoni li kellha tipproduċi prova li l-ftehim ta’ liċenzja Krka ma kienx ġie konkluż bil-kundizzjonijiet normali tas-suq, iżda kien jostor ħlas invertit ta’ Servier għall-benefiċċju ta’ Krka, intiż li jdewwem id-dħul ta’ Krka fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

293    Kif jirriżulta mill-punti 133 sa 135 u 179 sa 184 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE imputat lil Servier u lil Krka, liema ksur li ma kienx limitat għal ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima ta’ privattiva bi ħlas invertit iżda kellu l-għan iktar wiesa’ li jaqsam is-swieq bejn dawn l-impriżi. Hija lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ dan il-ksur, li ma kienx jestendi għas-swieq prinċipali ta’ Krka.

294    Dan l-iżball ta’ liġi wassal lill-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punti 178 sa 184 ta’ din is-sentenza, tivverifika l-klassifikazzjoni tal-prattika illegali imputata lil Servier u lil Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan bl-analiżi tal-forma u tal-karatteristiċi ġuridiċi tal-ftehimiet intiżi li jimplimentaw din il-prattika pjuttost milli fir-rigward tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-imsemmija prattika. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji żbaljati li l-Qorti Ġenerali tat importanza determinanti għar-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 u għall-kwistjoni dwar jekk ir-rata tal-ħlas tal-ftehim ta’ liċenzja Krka kinitx tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punti 196 sa 200 u 223 sa 226 ta’ din is-sentenza, dawn l-elementi ma kinux, fihom infushom, deċiżivi.

295    Barra minn hekk, meta, abbażi ta’ dawn l-iżbalji ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kinitx iġġustifikata mill-fatt li Krka, wara li ġarrbet żewġ istanzi ta’ telf ġudizzjarju, ma kinitx iktar konvinta mill-invalidità tal-privattiva 947, il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punti 145 sa 162 ta’ din is-sentenza, żnaturat is-sens ċar u preċiż ta’ waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u, fir-rigward tal-oħra, żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

296    Barra minn hekk, sabiex issaħħaħ il-konklużjoni, – ivvizzjata bl-iżbalji ta’ liġi li għadhom kemm ġew deskritti fil-qosor – li tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali kkonfutat seba’ elementi li, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, kienu juru li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien il-korrispettiv tar-rinunzja minn din l-impriża li tikkompeti ma’ Servier fis-swieq prinċipali tagħha.

297    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonfutat, fil-punti 987 sa 991 tas-sentenza appellata, il-perspettiva tal-istabbiliment ta’ duopolju de facto bejn Servier u Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka, minħabba li dan id-duopolju ma kienx jirriżulta mill-ftehim ta’ liċenzja Krka, iżda minn għażla ulterjuri tal-partijiet f’dan il-ftehim. Madankollu, din il-konstatazzjoni hija bbażata biss fuq l-eżami tal-kontenut tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim, indipendentement mill-kuntest ekonomiku tiegħu, u fuq żnaturament tat-termini ta’ waħda minn dawn il-klawżoli, kif jirriżulta mill-punti 178 sa 184 u 230 sa 232 ta’ din is-sentenza.

298    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 992 sa 999 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà li l-ftehim ta’ liċenzja Krka seta’ jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, minħabba li kien ir-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 li kien l-element determinanti tad-deċiżjoni tagħha li tilħaq kompromess. Madankollu, din l-evalwazzjoni hija bbażata, minn naħa, fuq l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punti 223 sa 226 ta’ din is-sentenza fir-rigward tan-natura deċiżiva ta’ dan ir-rikonoxximent u, min-naħa l-oħra, fuq l-iżnaturamenti u n-nuqqas ta’ motivazzjoni kkonstatati fil-punti 145 sa 162, kif ukoll il-punti 283 sa 285 ta’ din is-sentenza.

299    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali affermat, fil-punti 1000 sa 1002 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni minn Krka tal-kost tal-opportunità tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka ma ppermettietx li jiġi stabbilit li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien il-korrispettiv għall-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, iżda pjuttost tikkonferma li din l-impriża kienet tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947. Madankollu, dan l-aħħar fatt ma huwiex, fih innifsu, deċiżiv, kif jirriżulta mill-punti 223 sa 226 ta’ din is-sentenza.

300    Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1003 sa 1014 tas-sentenza appellata, qabelxejn, li, fin-nuqqas ta’ swieq irriżervati għal Krka, il-Kummissjoni ma kinitx ipprovat l-eżistenza ta’ tqassim “ermetiku” tas-swieq, sussegwentement, li l-liċenzja kellha effett favorevoli għall-kompetizzjoni fis-swieq prinċipali ta’ Krka, u fl-aħħar nett, li ebda parti mis-suq ma kienet irriżervata b’mod illegali lil Servier. Madankollu, mill-punti 216 sa 219, 225 u 226 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn l-evalwazzjonijiet huma bbażati, minn naħa, fuq analiżi formalista tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka pjuttost milli fuq l-analiżi konkreta tan-noċività tagħhom għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li l-projbizzjoni tal-ftehimiet intiżi għat-tqassim tas-swieq ma hijiex applikabbli biss għall-ftehimiet li jwettqu tqassim “ermetiku” bejn dawn is-swieq.

301    Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 1015 sa 1025 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li Servier u Krka kellhom l-intenzjoni li jikkonkludu ftehim dwar it-tqassim tas-swieq. Madankollu, minbarra il-fatt, kif ġie deċiż fil-punt 258 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta turi li Servier jew Krka kellhom l-intenzjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejniethom, mill-punti 145 sa 162 u 269 sa 276 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-iżnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi u fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji dwar il-produzzjoni tal-prova.

302    Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1026 sa 1028 tas-sentenza appellata, li l-fatt li Krka kompliet tikkontesta l-privattivi ta’ Servier wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 ma kienx ifisser li din id-deċiżjoni ma kellhiex effett determinanti fuq il-perċezzjoni, minn Krka, tal-validità tal-privattiva 947 u li Krka kompliet teżerċita pressjoni kompetittiva fuq Servier. Skont il-Qorti Ġenerali, din it-tkomplija tal-azzjonijiet kontenzjużi setgħet tiġi spjegata mix-xewqa ta’ Krka li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati ma’ Servier u mill-konvinzjoni tagħha li hija kienet qiegħda taffaċċja biss riskju limitat li tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet għal kontrafazzjoni. Madankollu, mill-punti 130 sa 137 u 145 sa 162 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq il-premessa żbaljata tan-natura determinanti tar-rikonoxximent, minn Krka, tal-validità tal-privattiva 947, hija stess ibbażata fuq l-iżnaturament mhux biss ta’ prova iżda wkoll tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala tali kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

303    Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali tenniet, fil-punti 1029 sa 1031 tas-sentenza appellata, il-pożizzjoni tagħha li tgħid, minn naħa, li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kellu bħala bażi r-rikonoxximent minn din l-impriża tal-validità tal-privattiva 947 u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li dan il-ftehim ma kienx ġie konkluż skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Madankollu, mill-punti 90 sa 104, 131 sa 134 u 196 sa 200 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji li huma legalment żbaljati.

304    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u fid-dawl tal-estent, tan-natura u tal-portata tal-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, identifikati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel sal-ħames aggravju, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-iżbalji jaffettwaw ir-raġunament kollu relatat mal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, espost fil-punti 943 sa 1032 tas-sentenza appellata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il-Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 337).

10.    Fuq issitt aggravju

a)      Largumenti talpartijiet

305    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat, għar-raġunijiet esposti fil-punti 1041 sa 1060 tas-sentenza appellata, li tirrikonoxxi li l-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, minħabba li din il-klassifikazzjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ qsim tas-suq bejn Krka u Servier. Peress li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata, ma tistax tiġi ammessa. Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed l-imsemmija evalwazzjoni.

306    Skont Servier, dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa tal-validità tal-ewwel sal-ħames aggravju, li hija tikkontesta.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

307    Fil-punti 1053, 1054 u 1059 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suq, li jirriżulta mill-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. Peress li din il-konstatazzjoni ġiet invalidata mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar qieset li kellha wkoll, għal din ir-raġuni biss, tiġi eskluża l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fir-rigward tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka.

308    Madankollu, mill-eżami tal-ewwel sal-ħames aggravju jirriżulta li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, espost fil-punti 943 sa 1032 tas-sentenza appellata, huwa, kollu kemm hu, ivvizzjat b’illegalità. Peress li l-premessa tar-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fir-rigward tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka hija vvizzjata, is-sitt aggravju għandu jintlaqa’.

B.      Fuq is-seba’ aggravju, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni talkompetizzjoni minħabba leffett fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE

1.      Ilpunti rilevanti taddeċiżjoni kontenzjuża u tassentenza appellata

a)      Iddeċiżjoni kontenzjuża

309    Fil-premessi 1214 sa 1218 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni sostniet li, sabiex jiġu evalwati l-effetti antikompetittivi ta’ ftehim, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet konkreti li fihom iseħħu dawn l-effetti, fid-dawl mhux biss tal-kompetizzjoni attwali, iżda wkoll tal-kompetizzjoni potenzjali. Fil-premessi 1219 u 1220 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li din l-evalwazzjoni għandha ssir abbażi tal-fatti fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

310    Fil-premessi 1221 sa 1227 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat li l-effetti ta’ ftehim għandhom jiġu pparagunati ma’ dak li kien iseħħ fl-assenza tal-imsemmi ftehim, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetizzjoni potenzjali. Skont il-premessi 1228 sa 1243 ta’ din id-deċiżjoni, ir-restrizzjoni kompetittiva prinċipali eżerċitata fis-suq tal-perindopril kienet tirriżulta mid-dħul f’dan is-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott mediċinali, li mingħajru Servier seta’ jżomm il-prezzijiet tiegħu f’livell ogħla mill-prezz kompetittiv. Il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja konklużi minn din l-impriża mal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ipproduċew għalhekk direttament effetti antikompetittivi. Fil-premessi 1244 sa 1269 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li, wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ma’ Niche, Matrix, Teva, Krka u Lupin, żewġ manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi biss – Apotex u Sandoz – kienu jikkostitwixxu theddida sinjifikattiva ta’ dħul fis-swieq prinċipali ta’ Servier, u dan juri li, quddiem numru żgħir ta’ kompetituri potenzjali, l-eliminazzjoni ta’ wieħed biss hija biżżejjed sabiex titnaqqas b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà ta’ tali dħul.

311    Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, li kienu l-uniċi kkunsidrati għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, mill-premessi 1813 sa 1850 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier f’dawn is-swieq u kellha possibbiltajiet reali u konkreti sabiex tidħol f’dawn is-swieq fi żmien qasir. Krka kienet bdiet azzjonijiet kontenzjużi fir-Renju Unit u kienet qiegħda tipprepara d-dħul tagħha fl-imsemmija swieq. Billi inċentivaw lil din l-impriża tirrinunzja għal dan il-proġett, il-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jeliminaw sors ta’ kompetizzjoni potenzjali.

312    Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet naqqsu b’mod sinjifikattiv ir-riskju ta’ dħul ta’ manifatturi oħra ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li Krka setgħet tipprovdilhom prodotti tal-perindopril. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmija ftehimiet kellhom l-effett li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni potenzjali, filwaqt li nnotat f’dan ir-rigward, fil-premessa 1850 ta’ din id-deċiżjoni, li dawn l-istess ftehimiet “żiedu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-esklużività ta’ Servier fis-suq tibqa’ mhux ikkontestata għal perijodu ta’ żmien itwal u li l-konsumaturi jiċċaħħdu minn tnaqqis kunsiderevoli fil-prezzijiet li kien jirriżulta minn tqegħid fis-suq effettiv tal-ġeneriċi fi żmien xieraq”.

b)      Issentenza appellata

313    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 1075 sa 1234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-għaxar motiv tal-ewwel istanza, li permezz tiegħu Servier ikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett fuq it-tlett iswieq ġeografiċi kkonċernati.

314    Fl-ewwel lok, wara li fakkret, fil-punti 1078 sa 1104 ta’ din is-sentenza, il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni tadotta din il-klassifikazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1107 sa 1139 tal-imsemmija sentenza, li l-ġurisprudenza dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ ftehim, b’mod partikolari dik li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et (C‑215/96 u C‑216/96, EU:C:1999:12, punt 34), tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 50), tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 71), u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 30), hija inapplikabbli meta dan il-ftehim ikun diġà ġie implimentat. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tikkonstata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett biss fuq il-bażi ta’ limitazzjoni, jew saħansitra tal-eliminazzjoni, ta’ sors ta’ kompetizzjoni potenzjali. Il-prova ta’ tali effetti teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ prattiċità, l-iżviluppi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim ikkonċernat.

315    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1140 sa 1217 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha biss fuq ostakolu għall-kompetizzjoni potenzjali u fuq kunsiderazzjonijiet ipotetiċi, ikklassifikat b’mod żbaljat il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka u l-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

316    Qabelxejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 1142 sa 1187 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet prova tal-fatt li, fin-nuqqas tal-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni prevista mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, Krka kienet probabbilment tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit. Skont l-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Krka kienet tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947 u ma wrietx li, fl-assenza ta’ dan il-ftehim, il-kompetizzjoni kienet probabbilment tkun iktar miftuħa, peress li ma ppreċiżatx l-effetti probabbli ta’ tali sitwazzjoni fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni jew l-innovazzjoni.

317    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1188 sa 1213 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li, fl-assenza tal-klawżola ta’ non-kontestazzjoni prevista fil-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, it-tkomplija tal-kawżi relatati mal-privattiva 947 kienet, b’mod probabbli, jew anki plawżibbli, tippermetti invalidazzjoni iktar rapida jew iktar kompleta ta’ din il-privattiva. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għalhekk ma wrietx li din il-klawżola kellha l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

318    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 1214 u 1215 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka kellu bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, peress li dan il-ftehim ma kien jipprevedi ebda miżura ta’ esklużjoni analoga għal klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni.

319    Fit-tielet lok, wara li laqgħet, fil-punti 1216 u 1217 tas-sentenza appellata, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi tal-ftehimiet Krka, il-Qorti Ġenerali eżaminat “jekk il-Kummissjoni [kinitx], barra minn hekk, ivvizzjat [id-deċiżjoni kontenzjuża] bi żbalji ta’ liġi”. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat, fil-punti 1219 sa 1232 ta’ din is-sentenza, li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvolġiment tal-avvenimenti osservabbli fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża u billi analizzat il-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ipotetiċi, il-Kummissjoni kienet illimitat l-eżami tagħha tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ dawn il-ftehimiet b’mod mhux iġġustifikat, kemm fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali fuq il-kompetizzjoni kif ukoll tal-ġurisprudenza dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali. Tali eżami inkomplet imur kontra d-distinzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE bejn ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

2.      Largumenti tal-partijiet

320    Is-seba’ aggravju jinkludi seba’ partijiet.

321    Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1128, 1178, 1179 u 1227 sa 1231 tas-sentenza appellata, li l-effett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, minkejja reali, ma kienx biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

322    Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 1107 sa 1128 u 1225 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, meta qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ma kienx suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti l-effetti ta’ akkordju li kien diġà ġie implimentat.

323    Permezz tat-tielet parti, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 399, 1160, 1165, 1168, 1169, 1173, 1174, 1178, 1204, 1206, 1207, 1209, 1221 u 1223 tas-sentenza appellata. Hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset li hija kienet obbligata turi li Krka kienet probabbilment tidħol fis-suq tal-perindopril fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit fl-assenza tal-ftehimiet Krka, b’mod partikolari bi spekulazzjoni tal-eżitu tal-kawżi relatati mal-privattiva 947.

324    Permezz tar-raba’ parti, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, tikkritika l-punti 1089 sa 1092, 1130 sa 1133, 1151, 1170, 1181, 1210 u 1219 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali eżiġiet, fil-punt 1130 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni żviluppi fattwali li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehimiet. Madankollu, ftehim għandu jiġi analizzat fid-data tal-konklużjoni tiegħu, skont l-iżviluppi probabbli li kienu jseħħu fis-suq fl-assenza ta’ dan il-ftehim.

325    Permezz tal-ħames parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 1148 sa 1151 u 1154 tas-sentenza appellata, żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża, billi affermat li din id-deċiżjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-privattiva 947 u r-rikonoxximent minn Krka tal-validità ta’ din il-privattiva.

326    Permezz tas-sitt parti, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti bil-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża, u b’hekk marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tal-legalità. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1162 sa 1170 tas-sentenza appellata, b’hekk qieset, minn naħa, li d-deċiżjoni ta’ Krka li tkompli tikkontesta l-privattiva 947 wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienet sempliċi muntaġġ, intiż li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha matul in-negozjati tagħha ma’ Servier, filwaqt li din l-evalwazzjoni ma hija bbażata fuq ebda prova kontemporanja tal-fatti u, min-naħa l-oħra, li Krka probabbilment ma kinitx ser tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

327    Permezz tas-seba’ parti, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 1198 sa 1207 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, imponiet fuq il-Kummissjoni l-oneru li tistabbilixxi li t-tkomplija, minn Krka, tal-proċeduri ġudizzjarji dwar il-privattivi kienet ippermettiet li tiġi invalidata b’iktar ħeffa jew iktar kompletament il-privattiva 947.

328    Fir-rigward tal-ewwel parti, Servier jiċħad li l-eliminazzjoni ta’ sors ta’ kompetizzjoni potenzjali tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, Servier u l-EFPIA jqisu li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih seħħet fin-nuqqas tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka.

329    Fir-rigward tat-tieni parti, Servier iqis li d-distinzjoni bejn ftehimiet skont jekk ġewx implimentati jew le, hija fondata. Sabiex tiġi pparagunata l-istruttura kompetittiva kkawżata minn ftehim diġà implimentati ma’ dik li kienet tirriżulta fin-nuqqas tagħhom, ikun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti li seħħew wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehim. Din id-distinzjoni li, skont l-EFPIA, ma hijiex ġdida, hija konformi mal-punt 29 tal-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Dwar kemm għandu japplika l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim ta’ koperazzjoni orizzontali” (ĠU 2001, C 3, p. 2). Għaldaqstant, it-tieni parti ma hijiex fondata.

330    Fir-rigward tat-tielet parti, fil-fehma ta’ Servier u tal-EFPIA, il-Qorti Ġenerali ma talbitx il-prova ta’ dħul probabbli ta’ Krka fis-suq, iżda sempliċement invalidat element tar-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, tali rekwiżit ma jobbligax lill-Kummissjoni tispekula dwar l-eżitu ta’ kawża relatata ma’ privattiva, peress li dħul imsejjaħ “b’riskju” fis-swieq prinċipali ta’ Servier kien ifisser, mid-definizzjoni tiegħu stess, li Krka ma kinitx qiegħda tistenna l-eżitu ta’ din il-kawża sabiex twettaq tali dħul. L-analiżi kontrofattwali ma għandhiex tkun ibbażata fuq sempliċi spekulazzjonijiet, iżda fuq provi tanġibbli. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 101 TFUE jipproteġi l-kompetizzjoni bħala tali ma jeżentax lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi effetti konkreti fuq il-kompetizzjoni.

331    Fir-rigward tar-raba’ parti, l-argument tal-Kummissjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, ta’ effetti sussegwenti għad-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka huwa dirett kontra evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali. Skont Servier, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

332    Fuq il-mertu, Servier jilmenta dwar in-natura kontradittorja tal-argument tal-Kummissjoni. Filwaqt li tikkritika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ avvenimenti li seħħew wara l-ftehimiet Krka, il-Kummissjoni ssostni madankollu li ħadet inkunsiderazzjoni tali avvenimenti, minħabba li dawn kienu raġonevolment prevedibbli.

333    Servier jikkontesta kwalunkwe żball ta’ liġi waqt il-paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata mill-ftehimiet Krka u dik li tirriżulta mix-xenarju kontrofattwali. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi probabbli jikkonċerna x-xenarju kontrofattwali. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet ipotetiċi sabiex tikkaratterizza s-sitwazzjoni kkawżata mill-imsemmija ftehim.

334    Servier u l-EFPIA jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-ħames parti, ibbażata fuq żnaturament, peress li l-Kummissjoni sempliċement irreferiet għall-qari ta’ diversi premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

335    Skont Servier u l-EFPIA, is-sitt parti hija inammissibbli, peress li l-Kummissjoni tikkritika evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex ċar u ma jidentifikax b’mod preċiż l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali, u sempliċement tenna li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet fondata. Din il-parti hija, barra minn hekk, ineffettiva, peress li ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. L-imsemmija parti hija, fi kwalunkwe każ, infondata, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma teskludix li Krka setgħet taġixxi għal raġunijiet tattiċi. Ebda eċċess tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju ma jista’ jiġi kkonstatat.

336    Is-seba’ parti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni tikkonfondi l-analiżi tas-sitwazzjoni kkawżata mill-ftehimiet Krka mal-analiżi tas-sitwazzjoni kontrofattwali. L-annullament tal-privattiva 947 miksuba minn Apotex ma hijiex ipoteżi kontrafattwali, iżda fatt. Kienet il-Kummissjoni li kellha tesponi sitwazzjoni kontrofattwali probabbli li kienet iktar kompetittiva mis-sitwazzjoni kkawżata mill-ftehimiet Krka.

3.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

337    Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika essenzjalment lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx stabbilixxiet li l-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni potenzjali, peress li din l-istituzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li, fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, Krka kienet probabbilment tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

338    Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 292 tal-konklużjonijiet tagħha, ftehim bejn impriżi jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, mhux biss minħabba l-għan tiegħu, iżda wkoll minħabba l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni, inkluż meta dawn l-effetti jippreġudikaw il-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn impriża jew impriżi li, għalkemm assenti mis-suq rilevanti, ikollhom il-kapaċità li jidħlu fih, u għalhekk li jaffettwaw l-aġir tal-impriżi diġà preżenti f’dan is-suq. L-oneru tal-prova ta’ tali effetti fuq il-kompetizzjoni potenzjali jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

339    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġeenrali fil-punt 1076 tas-sentenza appellata, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi kkawżati minn ftehim bejn impriżi, is-sitwazzjoni kompetittiva li tirriżulta minn dan il-ftehim għandha tiġi pparagunata ma’ dik li kienet teżisti fin-nuqqas tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 360; tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 161, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 74).

340    Dan il-metodu msejjaħ “kontrafattwali” għandu l-għan li jidentifika, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, ftehim bejn impriżi u, min-naħa l-oħra, l-istruttura jew il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq li fih dan il-ftehim jipproduċi l-effetti tiegħu. B’hekk, dan il-metodu jippermetti li jiġi żgurat li l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett ma hijiex irriżervata għall-ftehimiet li jippreżentaw mhux sempliċi sempliċi korrelazzjoni ma’ degradazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dan is-suq, iżda għal dawk il-ftehimiet li huma l-kawża ta’ din id-degradazzjoni.

341    Ir-raison d’être tal-metodu kontrofattwali huwa li kwalunkwe indikazzjoni ta’ tali relazzjoni ta’ kawża u effett tmur kontra l-impossibbiltà li, fil-prattika, jiġi osservat l-istat tas-suq fl-istess ħin bi u mingħajr il-ftehim ikkonċernat, peress li dawn iż-żewġ stati huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, reċiprokament esklużivi. Huwa għalhekk neċessarju li titqabbel is-sitwazzjoni osservabbli, jiġifieri dik li tirriżulta minn dan il-ftehim, mas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta li kieku l-imsemmi ftehim ma kienx ġie adottat. L-imsemmi metodu jeżiġi għalhekk li tiġi pparagunata sitwazzjoni osservabbli ma’ xenarju li, mid-definizzjoni tiegħu stess, huwa ipotetiku, fis-sens li ma mmaterjalizzax. L-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ftehim timplika n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret tal-ftehim, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li joperaw fih l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-beni jew servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni. Minn dan isegwi li x-xenarju kontrofattwali, previst mill-assenza tal-imsemmi ftehim, għandu jkun realistiku u kredibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 115 sa 120).

342    Għalhekk huwa essenzjali, għall-applikazzjoni tajba tal-metodu kontrofattwali, li jiġi żgurat li l-paragun imwettaq ikun ibbażat fuq bażijiet sodi u verifikabbli, fir-rigward kemm tas-sitwazzjoni osservata – dik li tirriżulta mill-ftehim bejn impriżi – kif ukoll tax-xenarju kontrofattwali. Sabiex isir dan, il-punt ta’ riferiment temporali li jippermetti li jsir tali paragun għandu jkun l-istess għas-sitwazzjoni osservata u għax-xenarju kontrofattwali, peress li n-natura antikompetittiva ta’ att għandha tiġi evalwata fil-mument meta dan twettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 110).

343    Minn dan isegwi li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 318 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn ix-xenarju kontrofattwali huwa intiż li jagħti stampa realistika tas-sitwazzjoni tas-suq hekk kif kienet isseħħ fl-assenza tal-ftehim li ġie konkluż, dan ix-xenarju ma jistax ikun ibbażat fuq avvenimenti sussegwenti għad-data tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, preċiżament għaliex, f’din id-data, dawn l-avvenimenti ma kinux seħħew u, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma setgħux iseħħu fil-futur minħabba l-eżistenza tal-ftehimiet Krka.

344    Għad-differenza tax-xenarju kontrafattwali, is-sitwazzjoni osservata hija dik li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet kompetittivi li jeżistu fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim u li jirriżultaw minnu. Din is-sitwazzjoni hija reali u għalhekk ma huwiex neċessarju li jittieħdu bħala bażi ipoteżi realistiċi sabiex tiġi evalwata. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, avvenimenti li jseħħu wara l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata din is-sitwazzjoni. Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 342 ta’ din is-sentenza, tali avvenimenti huma rilevanti biss sa fejn jikkontribwixxu sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet kompetittivi eżistenti fil-mument li fih twettaq dan il-ksur, kif jirriżultaw direttament mill-eżistenza tal-imsemmi ftehim.

345    F’dan il-każ, fil-punti 1078 sa 1103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikklassifika l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi bejn Servier u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi koperti minn din id-deċiżjoni, u enfasizzat in-natura ipotetika ta’ dan l-approċċ. Barra minn hekk, hija ddeċidiet, fil-punti 1107 sa 1139 ta’ din is-sentenza, li l-ġurisprudenza li tgħid li ftehim bejn impriżi jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effetti potenzjali tiegħu ma tibqax applikabbli meta dan il-ftehim ikun ġie implimentat.

346    Peress li l-effetti reali ta’ tali ftehim fuq il-kompetizzjoni jistgħu jiġu osservati fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1122 u 1123 tal-imsemmija sentenza, li jkun paradossali li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprova l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi billi sempliċement twettaq analiżi kontrofattwali biss abbażi tal-effetti potenzjali ta’ ftehim, filwaqt li, minn naħa, il-Kummissjoni jkollha elementi osservabbli fir-rigward tal-effetti reali ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li huwa biss fil-każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li jista’ jitnaqqas l-oneru, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, li tipprova l-effetti antikompetittivi.

347    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret, fi tliet aspetti prinċipali, il-karatteristiċi tal-metodu kontrofattwali inerenti għall-evalwazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

348    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kienet ibbażata fuq approċċ ipotetiku u eżami inkomplet ta’ dawn l-effetti, peress li l-Kummissjoni ma inkludietx fix-xenarju kontrofattwali l-iżvolġiment reali tal-avvenimenti li seħħew wara dan il-ftehim. Madankollu, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif tfakkar fil-punti 341 sa 343 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni tal-effetti antikompetittivi ta’ ftehim teħtieġ l-użu ta’ xenarju kontrofattwali li, mid-definizzjoni tiegħu stess, huwa ipotetiku, fis-sens li ma seħħx, u li għalhekk ma jistax ikun ibbażat fuq elementi sussegwenti għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u vvizzjat b’illegalità l-motivi esposti fil-punti 1078 sa 1103, 1089, 1090, 1102, 1151, 1170, 1181, 1203, 1210, 1219 sa 1223 u 1227 tas-sentenza appellata.

349    Fit-tieni lok, billi ddeċidiet, fil-punti 1107 sa 1139 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza li tgħid li ftehim bejn impriżi jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett potenzjali tiegħu ma tibqax tapplika meta dan il-ftehim ikun ġie implimentat, minħabba li l-effetti reali tal-imsemmi ftehim fuq il-kompetizzjoni jistgħu jiġu osservati, il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq interpretazzjoni imperfetta tar-raison d’être, tal-għan u tal-funzjonament tal-metodu kontrofattwali, imfakkra fil-punti 340 sa 344 ta’ din is-sentenza.

350    Huwa minnu li fir-rigward ta’ ftehim li l-implimentazzjoni tiegħu bidlet in-numru jew l-aġir ta’ impriżi diġà preżenti fl-istess suq, l-applikazzjoni tal-metodu kontrofattwali tista’, minn perspettiva prattika u skont iċ-ċirkustanzi fattwali, tammonta għal paragun bejn, minn naħa, l-istat tal-kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi qabel il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, il-koordinazzjoni bejn l-imsemmija impriżi li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, li tista’ tiġi kkonfermata, jekk ikun il-każ, minn avvenimenti li jseħħu wara l-konklużjoni tiegħu.

351    Madankollu, meta ftehim ma jwassalx sabiex jiġi emendat, iżda, għall-kuntrarju, sabiex jinżamm in-numru jew l-aġir ta’ impriżi kompetituri diġà preżenti fi ħdan dan is-suq billi jitwarrab jew jiddewwem id-dħul ta’ kompetitur ġdid fih, sempliċi paragun bejn is-sitwazzjonijiet ikkonstatati fl-imsemmi suq qabel u wara l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim ikun insuffiċjenti sabiex jippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx effett antikompetittiv. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-effett antikompetittiv huwa marbut mat-tmiem ċert, minħabba l-imsemmi ftehim, ta’ sors ta’ kompetizzjoni li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, jibqa’ potenzjali, sa fejn huwa eżerċitat minn impriża li, minkejja li għadha ma hijiex preżenti fis-suq ikkonċernat, hija madankollu kapaċi taffettwa l-aġir tal-impriżi diġà preżenti fih minħabba t-theddida kredibbli tad-dħul tagħha f’dan is-suq.

352    Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 326 tal-konklużjonijiet tagħha, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1107 sa 1139 tas-sentenza appellata, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, bejn il-ftehimiet konklużi minn impriżi skont jekk ġewx implimentati jew le, tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jistgħu jkunu kemm attwali kif ukoll potenzjali, iżda għandhom ikunu suffiċjentement sensittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, EU:C:1969:35, punt 7, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 50), u jwassal sabiex titnaqqas l-effettività sħiħa tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE.

353    Fit-tielet lok, kif tfakkar fil-punt 340 ta’ din is-sentenza, il-metodu kontrofattwali huwa intiż mhux li jipprevedi liema kien ikun l-aġir ta’ parti li kieku ma kkonkludietx ftehim mal-kompetituri tagħha jew mal-kompetituri tagħha, iżda sabiex juri relazzjoni kawżali bejn dan il-ftehim u degradazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq, abbażi ta’ xenarju kontrofattwali li, għalkemm ipotetiku, għandu madankollu jkun realistiku u kredibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, fil-kuntest ta’ ftehim dwar riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima dwar privattivi bi ħlas invertit, li x-xenarju kontrofattwali għandu biss l-għan li jistabbilixxi l-possibbiltajiet realistiċi ta’ aġir tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fl-assenza ta’ dan il-ftehim. Għalkemm l-imsemmi xenarju kontrofattwali ma jistax ikun indifferenti għall-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-proċedura ta’ privattiva jew inkella fir-rigward tal-probabbiltà tal-konklużjoni ta’ ftehim inqas restrittiv, dawn l-elementi madankollu jikkostitwixxu biss wieħed mil-elementi fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, ma hijiex l-entità li jkollha l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ effetti sinjifikattivi potenzjali jew reali fuq il-kompetizzjoni, meta tistabbilixxi x-xenarju kontrofattwali, li għandha twettaq konstatazzjoni definittiva dwar il-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fit-tilwima relatata mal-privattiva jew mal-probabbiltà tal-konklużjoni ta’ ftehim inqas restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 119 sa 121).

354    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tipprova li x-xenarju kontrofattwali użat f’deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett huwa realistiku u kredibbli.

355    F’dan il-każ, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika jekk ix-xenarju kontrofattwali użat mill-Kummissjoni kienx jissodisfa dawn il-kriterji. Sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonsisti fl-eliminazzjoni b’mod ċert u deliberat tas-sors ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka fuq Servier permezz tal-perindopril kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, l-analiżi tax-xenarju kontrofattwali kienet tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tal-eżistenza ta’ din il-kompetizzjoni potenzjali, peress li l-eliminazzjoni ta’ tali kompetizzjoni, jekk tiġi stabbilita, tikkostitwixxi mid-definizzjoni tagħha stess effett suffiċjentement kunsiderevoli fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 352 ta’ din is-sentenza. B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehimiet Krka, billi pprojbixxew lil Krka milli tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, ipproduċux effett reali fuq il-kompetizzjoni potenzjali, kien hemm lok li jiġi vverifikat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 u dak li ġie deċiż fil-punt 351 ta’ din is-sentenza, jekk Krka kellhiex possibbiltà reali u konkreta li tidħol f’dawn is-swieq f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq Servier, b’tali mod li t-theddida ta’ tali dħul setgħet titqies bħala realistika u kredibbli.

356    Billi ddeċidiet, fil-punti 1142 sa 1168 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet prova li, fin-nuqqas tal-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni prevista mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, Krka kienet probabbilment tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit u, fil-punti 1188 sa 1213 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet prova li, fin-nuqqas tal-klawżola ta’ non-kontestazzjoni prevista minn dan il-ftehim, peress li t-tkomplija tal-proċeduri kontenzjużi li jikkontestaw il-validità tal-privattiva 947 kienet, skont it-termini tal-punt 1203 tal-imsemmija sentenza, “b’mod probabbli, u saħansitra plawżibbli, tippermetti annullament iktar rapidu jew iktar komplet ta’ din il-privattiva”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u vvizzjat b’illegalità l-punti 1147 sa 1168 kif ukoll 1188 sa 1213 tas-sentenza appellata.

357    L-iżbalji ta’ liġi hekk identifikati jivvizzjaw b’illegalità r-raġunament kollu tal-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehimiet Krka, espost fil-punti 1075 sa 1234 tas-sentenza appellata.

358    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-seba’ aggravju għandu jintlaqa’, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni separata fuq kull waħda mill-partijiet ta’ dan l-aggravju, u b’mod partikolari fuq il-ħames parti, li hija bbażata fuq żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fuq is-sitt parti, li tgħid li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

C.      Fuq it-tmien sal-ħdax-il aggravju, dwar il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE

359    It-tmien u d-disa’ aggravju huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-importanza mogħtija, għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti, għall-prezz u għas-sostitwibbiltà terapewtika tal-perindopril. L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq l-inammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti mehmuża minn Servier bħala anness man-noti tiegħu fl-ewwel istanza. Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar id-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril.

1.      Ilpunti rilevanti taddeċiżjoni kontenzjuża u tassentenza appellata

a)      Iddeċiżjoni kontenzjuża

360    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni, qabelxejn, iddefinixxiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, is-suq rilevanti bħala dak tal-perindopril, abbażi ta’ osservazzjonijiet magħmula bejn is-sena 2000 u s-sena 2009, fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit, billi bbażat ruħha essenzjalment fuq żewġ fatturi.

361    Minn naħa, hija qieset, fil-premessi 2445 sa 2457 ta’ din id-deċiżjoni, li, fost is-sittax-il prodott mediċinali IEK li għandhom l-istess mod ta’ azzjoni u li għandhom indikazzjonijiet terapewtiċi u effetti sekondarji simili, il-perindopril kellu ċerti karatteristiċi partikolari enfasizzati minn Servier fl-isforzi ta’ reklamar tiegħu mat-tobba, sabiex imexxi politika ta’ differenzjazzjoni meta mqabbla mal-prodotti mediċinali IEK l-oħra.

362    Min-naħa l-oħra, hija rrilevat, fil-premessi 2460 sa 2528, 2495 u 2546 tal-imsemmija deċiżjoni, li t-tnaqqis kbir fil-prezzijiet tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra wara l-wasla ta’ verżjonijiet ġeneriċi ma kienx wassal għal tnaqqis tal-prezzijiet tal-perindopril u tal-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier, li kienu baqgħu stabbli matul il-perijodu kollu kkunsidrat, u lanqas għal tnaqqis tal-volumi mibjugħa tal-perindopril, li kienu żdiedu b’mod kostanti. Dan it-tnaqqis tal-prezzijiet għalhekk ma kienx rifless fi trasferiment tad-domanda tal-perindopril lejn dawn il-prodotti mediċinali IEK l-oħra. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li, fin-nuqqas ta’ restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva min-naħa tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra matul dan l-istess perijodu, Servier kien għalhekk f’pożizzjoni li jaġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-produtturi ta’ dawn il-prodotti mediċinali. Skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni kienet tikkuntrasta mas-sitwazzjoni li rriżultat mill-wasla fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril, li l-effett tagħha kien li twassal għal tnaqqis medju fil-prezz ta’ dan il-prodott mediċinali ta’ 27 % fi Franza, ta’ 81 % fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ 17 % fil-Polonja u ta’ 90 % fir-Renju Unit.

363    Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 2561 sa 2600 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Servier kellu pożizzjoni dominanti fis-suq tal-perindopril fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni kkonstatat, fil-premessi 2601 sa 2758 ta’ din id-deċiżjoni, li Servier kellu wkoll pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali.

364    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 2759 sa 2998 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-istrateġija unika u kontinwa ta’ Servier intiża li ddewwem id-dħul tal-verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril fis-suq billi tikkombina, b’mod partikolari, l-akkwist ta’ teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali ma’ ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattiva bi ħlas invertit kienet tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE.

b)      Issentenza appellata

365    Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1367 sa 1592 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, illimitat id-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti għall-perindopril biss, bl-esklużjoni tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra.

366    Wara li ċaħdet, qabelxejn, l-ewwel ilment ta’ Servier, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha tal-kuntest ekonomiku, il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, laqgħet ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra mal-perindopril. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 1418 sa 1482 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta qieset li kienu jeżistu differenzi terapewtiċi bejn il-perindopril u l-prodotti mediċinali IEK l-oħra, fil-punti 1483 sa 1513 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-inerzja u l-fedeltà ta’ dawk li jippreskrivu fir-rigward tal-perindopril kienu jikkontribwixxu sabiex tiġi limitata l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-prodotti mediċinali l-oħra IEK, fil-punti 1514 sa 1540 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni kienet issottovalutat it-tendenza ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril li jibdlu l-prodott mediċinali, u, fil-punti 1541 sa 1566 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza tal-isforzi ta’ reklamar ta’ Servier.

367    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet, għar-raġunijiet esposti fil-punti 1567 sa 1585 tas-sentenza appellata, l-ilment li permezz tiegħu Servier sostna li l-Kummissjoni kienet tat importanza eċċessiva lill-prezzijiet waqt id-determinazzjoni tas-suq rilevanti. Hija qieset, fil-punt 1586 ta’ din is-sentenza, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ilment ta’ Servier ibbażat fuq żbalji metodoloġiċi li jaffettwaw l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni.

368    Il-Qorti Ġenerali invalidat, fil-punti 1595 sa 1608 u 1611 sa 1622 tal-imsemmija sentenza, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-perindopril kif ukoll fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni korretta tas-suq tal-prodott rilevanti, il-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 1625 sa 1632 tal-istess sentenza, invalidat il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti imputat lil Servier.

369    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kontenzjuża.

2.      Fuq ittmien  aggravju

a)      Largumenti talpartijiet

370    Permezz tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tat importanza eċċessiva lill-prezzijiet fid-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti. Dan l-aggravju huwa kompost minn sitt partijiet.

371    Permezz tal-ewwel, tat-tielet u tal-ħames parti tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 1380 sa 1405 u 1567 sa 1586 tas-sentenza appellata, dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti.

372    Il-Kummissjoni qabelxejn issostni li, fil-punti 1567 sa 1586 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet ta’ din id-delimitazzjoni, naqqset l-importanza li kellha tingħata lill-prezzijiet tal-perindopril u ffavorixxiet il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kwalità ta’ dan il-prodott mediċinali. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezzijiet tal-perindopril baqgħu stabbli u li l-volumi tal-bejgħ ta’ dan il-prodott mediċinali żdiedu waqt li l-prezzijiet tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra kienu suġġetti għal tnaqqis qawwi (bejn 28 % u 90 % fil-Polonja, bejn 47 % u 58 % fi Franza, bejn 88 % u 90 % fir-Renju Unit u bejn 94 % u 97 % fil-Pajjiżi l-Baxxi), wara l-wasla ta’ verżjonijiet ġeneriċi ta’ dawn il-prodotti mediċinali. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet kwalitattivi u r-restrizzjonijiet “tariffarji” li hija artifiċjali, astratta, kuntrarja għall-metodu stabbilit sabiex jiġi ddefinit is-suq rilevanti u għall-konstatazzjonijiet tas-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770).

373    Il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li l-Qorti Ġenerali ssopravalutat l-importanza tar-rwol tat-tobba li jippreskrivu fl-evalwazzjoni tal-karatteristiċi tat-talba għall-perindopril. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1393 sa 1395 tas-sentenza appellata, iddeċidiet, b’mod żbaljat, li t-talba kienet iddeterminata biss minn dawn it-tobba li jippreskrivu, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra. It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, il-fatt li t-tobba li jippreskrivu ma humiex sensittivi għall-prezzijiet jagħti iktar libertà lil Servier li ma għandux jaġġusta l-prezzijiet tiegħu sabiex jikkonvinċi lil dawn it-tobba jippreskrivu l-perindopril tiegħu. Billi ffokat fuq ir-restrizzjonijiet fuq it-tobba li jippreskrivu pjuttost milli fuq ir-restrizzjonijiet fuq Servier, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ suq rilevanti.

374    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 1385, 1397, 1395, 1401, 1404, 1576 sa 1579 u 1584 tas-sentenza appellata, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-importanza tal-kompetizzjoni eżerċitata mill-verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril. Wara li kkonstatat din l-importanza, il-Qorti Ġenerali kellha tirrileva li l-prodotti mediċinali IEK l-oħra ma kienu jeżerċitaw ebda restrizzjoni fuq il-perindopril. Ikun artifiċjali li jitqies, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 1392 ta’ din is-sentenza, li r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-prodotti mediċinali ġeneriċi tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss wara l-wasla effettiva tagħhom fis-suq.

375    Permezz tat-tieni, tar-raba’ u tas-sitt parti tat-tmien aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-motivazzjoni tal-punti 1392 u 1567 sa 1586 tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti jew kontradittorja.

376    Servier iqis li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija suffiċjenti u bla kontradizzjonijiet.

377    Fir-rigward tal-mertu, Servier u l-EFPIA jsostnu, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta attribwixxiet valur inqas, meta mqabbel mal-Kummissjoni, għall-importanza tal-fattur tal-prezz. Fis-settur farmaċewtiku, l-aspetti terapewtiċi jnaqqsu l-pressjoni kompetittiva fil-prezzijiet. Il-Qorti Ġenerali ma injoratx it-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra, iżda ddeċidiet li l-istabbiltà tal-prezz tal-perindopril ma kinitx biżżejjed sabiex teskludi l-eżistenza ta’ pressjonijiet kompetittivi fuqu minn dawn il-prodotti mediċinali l-oħra. Il-Qorti Ġenerali ma eskludietx ir-rilevanza tal-analiżi tal-volum tal-bejgħ tal-perindopril, iżda sempliċement na approvatx l-importanza li l-Kummissjoni kienet tat għall-istabbiltà tal-prezz ta’ dan il-prodott mediċinali. Barra minn hekk, hija rrilevat, fil-punti 1499 u 1500 tas-sentenza appellata, li l-kwantitajiet tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra mibjugħa kienu żdiedu wkoll u dan b’mod iktar sinjifikattiv għar-ramipril milli għall-perindopril. Fir-rigward tal-profittabbiltà ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 1559 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni qatt ma bbażat ruħha fuq dan l-element sabiex tiddefinixxi s-suq rilevanti. Il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi globali tar-restrizzjonijiet kompetittivi, mingħajr ma pprijorizzathom.

378    Servier iqis, sussegwentement, li l-argument tal-Kummissjoni dwar l-insensittività għall-prezzijiet tal-persuni li jippreskrivu huwa inammissibbli, peress li jirrigwarda evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma mminimizzatx il-fatturi marbuta mal-prezzijiet iżda evalwathom billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-karatteristiċi partikolari tas-settur farmaċewtiku jillimitaw il-pressjoni kompetittiva permezz tal-prezzijiet, mingħajr ma naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni tad-definizzjoni tas-suq.

379    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-prodotti mediċinali ġeneriċi fuq il-perindopril. Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet, fil-punt 1579 tas-sentenza appellata, li t-tnaqqis fil-prezz ta’ dan il-prodott mediċinali wara l-wasla fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li ma kienx hemm restrizzjonijiet kompetittivi qabel din il-wasla. Il-fatt li dawn il-ġeneriċi huma l-eqreb kompetituri tal-perindopril ma jfissirx li prodotti mediċinali oħra IEK ma kinux jeżerċitaw pressjonijiet kompetittivi fuq dan il-prodott mediċinali, pressjonijiet li l-eżistenza tagħhom hija kkonfermata mill-politika promozzjonali u mill-istrateġija interna ta’ Servier, kif jirriżulta mill-punti 1550, 1577 u 1590 ta’ din is-sentenza.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

380    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, l-argument tal-Kummissjoni relatat mal-fatt li l-għażla tat-tobba li jikkonċernaw il-preskrizzjoni ta’ prodott mediċinali hija inqas iddettata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prezz ta’ dan il-prodott mediċinali milli minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura terapewtika ma jirrigwardax l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali iżda l-klassifikazzjoni legali ta’ dawn l-evalwazzjonijiet. Dan l-argument huwa intiż, fil-fatt, li jikkontesta kemm il-motivazzjoni kif ukoll il-kriterji legali li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet tat wisq importanza, fid-deċiżjoni kontenzjuża, lill-prezzijiet tal-perindopril meta hija ddefinixxiet is-suq rilevanti. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà parzjali tat-tmien aggravju għandha tiġi miċħuda.

381    Fir-rigward tal-evalwazzjoni sostantiva ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-eżistenza eventwali ta’ pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 32), li għandha bħala għan id-definizzjoni tal-perimetru li fih għandha tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk impriża kkonċernata hijiex f’pożizzjoni li taġixxi, sa ċertu estent kunsiderevoli, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 127).

382    Id-determinazzjoni tas-suq rilevanti tippresupponi li jiġi ddefinit, fl-ewwel lok, is-suq tal-prodotti u sussegwentement, fit-tieni lok, is-suq ġeografiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punti 10 u 11).

383    Fir-rigward tas-suq ta’ prodotti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà fid-dawl tal-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jagħmlu parti mill-istess suq. L-interkambjabbiltà jew is-sostitwibbiltà ma humiex evalwati biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad-domanda u tal-offerta fis-suq (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

384    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà ta’ żewġ prodotti ma hijiex limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk dawn il-prodotti humiex, minn perspettiva funzjonali, adattati sabiex jissodisfaw l-istess bżonn, iżda teżiġi, barra minn hekk, li jiġi ddeterminat jekk, ekonomikament, dawn il-prodotti humiex, fil-fatt, effettivament sostitwibbli. Is-sostitwibbiltà ekonomika bejn żewġ prodotti tista’ tiġi kkonstatata meta bidliet fil-prezzijiet relattivi tagħhom iwasslu għal trasferiment tal-bejgħ minn wieħed għall-ieħor. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 13 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, imsemmija fil-punt 2 ta’ din is-sentenza u li rreferiet għaliha il-Qorti Ġenerali fil-punt 1384 tas-sentenza appellata, minn perspettiva ekonomika, is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda hija l-fattur dixxiplinari l-iktar immedjat u l-iktar effikaċi fir-rigward tal-fornituri ta’ prodott partikolari. L-evalwazzjoni ta’ din is-sostitwibbiltà tikkonsisti essenzjalment fl-evalwazzjoni tal-elastiċità trażversali tad-domanda fir-rigward tal-prezz billi jiġi ddeterminat jekk il-konsumaturi ta’ prodott suġġett għal żieda fil-prezz żgħira iżda permanenti jdurux għal prodotti ta’ sostituzzjoni.

385    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 1404 tas-sentenza appellata, l-inelastiċità relattiva tad-domanda tal-perindopril meta mqabbla mal-prezz tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra u enfasizzat, fil-punt 1573 ta’ din is-sentenza, li Servier ma kienx ikkontesta dan l-element fattwali. Dan l-element huwa bbażat fuq l-osservazzjoni, imsemmija fil-premessi 2460 sa 2495 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li, minkejja t-tnaqqis kbir fil-prezzijiet tal-prodotti mediċinali IEK intiżi għall-istess użu terapewtiku bħall-perindopril, il-prezz ta’ dan tal-aħħar baqa’ stabbli u l-volumi tal-bejgħ tiegħu kienu żdiedu matul il-perijodu ta’ referenza.

386    Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punti 1574 sa 1586 tas-sentenza appellata, li l-fatt li t-talba għall-perindopril baqgħet stabbli minkejja t-tnaqqis kbir fil-prezzijiet tal-prodotti mediċinali IEK l-oħra “ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li ma kienx hemm pressjonijiet kompetittivi ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja” sad-dħul ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril, fid-dawl tal-fatt li, minħabba, b’mod partikolari, il-karatteristiċi partikolari tas-settur farmaċewtiku, il-kompetizzjoni hija eżerċitata mhux biss mill-prezzijiet, iżda wkoll mill-kwalità tal-prodotti mediċinali, irrikonoxxuta mill-persuni li jippreskrivu, b’mod partikolari permezz ta’ reklamar tal-produtturi tal-prodotti mediċinali IEK oħra. Fil-punt 1584 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet tat importanza eċċessiva lill-fattur prezz fid-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti.

387    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-prezz u l-kwantità mibjugħa ta’ prodott ma humiex l-espressjoni ta’ tip ta’ kompetizzjoni distinta, li tista’ tiġi opposta għall-kompetizzjoni li tiddependi mill-kwalità ta’ dan il-prodott jew għall-isforzi li saru sabiex tiġi żgurata l-promozzjoni kummerċjali tiegħu. Għall-kuntrarju, is-sostitwibbiltà ekonomika tirrifletti l-karatteristiċi kollha tal-prodotti inkwistjoni, inklużi dawk relatati mal-ispejjeż promozzjonali tagħhom, kif ukoll mal-kwalità intrinsika jew perċepita tagħhom. Fil-fatt, l-inċentiv li jiġi pprovdut prodott ta’ kwalità jiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, mir-rieda tal-konsumatur li jħallas għal din il-kwalità, u dan indipendentement mill-fatt li d-domanda għall-prodotti mediċinali hija, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali, iggwidata mill-għażliet tal-persuni li jippreskrivu iktar minn dak tal-pazjenti tagħhom u li dawn tal-aħħar ġeneralment ma jsostnux il-prezz kollu – irrispettivament minn jekk huwiex irregolat jew le – minħabba l-intervent ta’ diversi mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni fil-qasam tas-saħħa.

388    Minn dan isegwi li, indipendentement mill-karatteristiċi partikolari tas-settur farmaċewtiku marbuta mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mar-rwol tal-persuni li jippreskrivu u mal-kopertura tal-prezz tal-prodotti mediċinali permezz ta’ mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni, is-sostitwibbiltà ekonomika bejn prodotti mediċinali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-trasferimenti tal-bejgħ bejn prodotti mediċinali intiżi għall-istess indikazzjoni terapewtika, ikkawżati mill-bidliet fil-prezzijiet relattivi ta’ dawn il-prodotti mediċinali. Il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ tali sostitwibbiltà tiżvela l-eżistenza ta’ suq distint u dan irrispettivament mill-kawżi tiegħu, kemm fir-rigward tal-kwalità intrinsika tal-prodott jew tal-prodotti mediċinali li jaqgħu taħt dan is-suq kif ukoll tal-isforzi promozzjonali magħmula mill-produtturi tagħhom.

389    Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet ittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali meta stabbilixxiet, fil-punti 1380 sa 1398 tas-sentenza appellata, il-prinċipji applikabbli għad-delimitazzjoni ta’ suq rilevanti ta’ prodotti fis-settur farmaċewtiku. Fil-fatt, minn naħa, hija affermat, fil-punt 1386 ta’ din is-sentenza, li “l-aspetti partikolari li jikkaratterizzaw il-mekkaniżmi ta’ kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku ma jiċħdux ir-rilevanza tal-fatturi marbuta mal-prezzijiet fl-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi, għalkemm dawn il‑fatturi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest speċifiku tagħhom”. Min-naħa l-oħra, hija esponiet, fil-punt 1390 tal-imsemmija sentenza, li “l-fatt li l‑pressjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-prezz hija mnaqqsa ħafna fis-settur farmaċewtiku [...] tista’ tiġġustifika d-delimitazzjoni ta’ swieq ristretti”, u sostniet, fil-punt 1391 tal-istess sentenza, li, meta “grupp ta’ prodotti ma jkunx sostanzjalment suġġett għar‑restrizzjonijiet kompetittivi minn prodotti oħra, b’tali mod li dan il‑grupp jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi suq ta’ prodotti inkwistjoni, it-tip jew in-natura tal-fatturi li jipproteġu lil dan il-grupp minn kull tip ta’ restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva għandu biss rilevanza limitata, inkwantu l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ tali restrizzjonijiet tippermetti li jiġi konkluż li impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq hekk iddefinit tista’ taffettwa l-interessi tal‑konsumaturi fuq is-suq billi tostakola, b’imġiba abbużiva, iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva”.

390    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha b’mod manifest u tikser dawn il-prinċipji li hija ġustament iddikjarat, tiddeċiedi, fil-punti 1399 sa 1405 u 1574 sa 1586 tas-sentenza appellata, li l-inelastiċità tal-prezz relattiva tad-domanda għall-perindopril kienet ta’ ftit rilevanza għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-suq rilevanti peress li din setgħet tiġi spjegata jew iġġustifikata mill-kwalità ta’ dan il-prodott mediċinali u mill-importanza tal-isforzi ta’ reklamar tal-manifattur tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u vvizzjat b’illegalità l-punti 1399 sa 1405 u 1574 sa 1586 ta’ din is-sentenza.

391    Għaldaqstant, it-tmien aggravju għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu.

3.      Fuq id-disa’ u l-għaxar aggravju

392    Permezz tad-disa’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta annullat, fil-punti 1418 sa 1566 tas-sentenza appellata, l-analiżi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-suq tal-perindopril, tar-rapporti ta’ sostitwibbiltà terapewtika ta’ dan il-prodott mediċinali meta mqabbla mal-prodotti mediċinali IEK l-oħra. Permezz tal-għaxar aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli aċċettat, fil-punti 1461 sa 1463 ta’ din is-sentenza, l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti mehmuża minn Servier bħala anness man-noti tagħha fl-ewwel istanza sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn ir-rapporti ta’ sostitwibbiltà terapewtika.

393    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tmien aggravju, li minnha jirriżulta li hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 1585 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kienet iddeterminat b’mod żbaljat abbażi ta’ analiżi tas-sostitwibbiltà tal-prodotti bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi relatati mal-prezzijiet li l-perindopril u l-prodotti mediċinali l-oħra IEK ma kinux sostitwibbli, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar id-disa’ u l-għaxar aggravju, sa fejn dawn il-motivi l-oħra jirrigwardaw is-sostitwibbiltà terapewtika ta’ dawn il-prodotti mediċinali.

4.      Fuq il-ħdax-il aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

394    Permezz tal-ħdax-il aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punti 1611 sa 1622 tas-sentenza appellata, li d-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril u l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq kienu żbaljati. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha esklużivament fuq l-iżbalji li hija kienet ikkonstatat fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-perindopril. Il-Kummissjoni tressaq tliet ilmenti f’dan ir-rigward.

395    Permezz tal-ewwel ilment, hija ssostni li dawn iż-żewġt iswieq, għalkemm qrib xulxin, għandhom karatteristiċi differenti, kemm min-naħa tal-offerta kif ukoll minn dik tad-domanda. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tafferma, fil-punt 1615 tas-sentenza appellata, li l-invalidazzjoni tad-definizzjoni tas-suq tal-perindopril kellha awtomatikament twassal għal dik tad-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata ma’ dan il-prodott mediċinali u, b’implikazzjoni, il-konstatazzjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq. Kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali, insostenn ta’ dan ir-raġunament, indikat li mill-premessi 2648 sa 2651 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li t-talba għal teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril tirriżulta mit-talba tal-perindopril. Fil-fatt, dawn il-premessi ma jinkludu ebda element li jippermetti li jitqies li d-domanda għat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril tiddependi mid-definizzjoni tas-suq ta’ dan il-prodott mediċinali.

396    Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 1618 sa 1621 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tiddeduċi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril abbażi ta’ manifestazzjonijiet ta’ din il-pożizzjoni fis-suq, peress li, skont dak li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet, dan l-aħħar suq ma kienx limitat biss għall-perindopril. Fil-fatt, peress li dawn iż-żewġt iswieq huma differenti, il-konstatazzjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fuq l-ewwel wieħed ma tiddependix mill-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tiegħu fit-tieni wieħed.

397    Permezz tat-tielet ilment, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-analiżi tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fil-premessi 2632 sa 2647, fir-rigward tal-karatteristiċi tad-domanda, u fil-premessi 2671 sa 2757, fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-motivi mressqa quddiemha.

398    Servier jirribatti li dan l-aggravju huwa, kollu kemm hu, ineffettiv, għaliex jikkritika evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril filwaqt li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar id-definizzjoni ta’ dan is-suq, iżda kkritikat il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq, minħabba żbalji fid-definizzjoni tas-suq tal-perindopril bħala prodott mediċinali.

399    Barra minn hekk, l-imsemmi aggravju ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li l-Kummissjoni naqset milli tikkontesta l-punti 1627 sa 1631 ta’ din is-sentenza li fuqhom huwa bbażat id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza. Minn dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, minn naħa, li “n-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq [tal-perindopril] biss jikkontesta, fih innifsu, l-eżistenza tal-abbuż li dwaru Servier huwa kkritikat” fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ssemmi ebda aġir ta’ din l-impriża li n-natura ta’ ksur tiegħu hija indipendenti mill-allegata pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-perindopril.

400    Barra minn hekk, Servier isostni li t-tliet ilmenti tal-Kummissjoni huma ineffettivi u nieqsa minn bażi fattwali.

401    L-ewwel ilment jikkonċerna żbalji fattwali u jiżnatura s-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punt 1615 ta’ din is-sentenza, li tikkonstata li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet użat id-definizzjoni tas-suq tal-perindopril sabiex tanalizza s-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali.

402    Bl-istess mod, it-tieni lment huwa bbażat fuq żnaturament tal-punti 1618 u 1619 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali enfasizzat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx eżaminat iż-żewġt iswieq inkwistjoni indipendentement minn xulxin. Għall-kuntrarju, mit-Taqsima 7.2.1.2.3 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li t-talba għat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril tirriżulta mit-talba għall-perindopril. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali sabiex tiddeduċi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża fis-suq tat-teknoloġija relatata mas-ingredjent attiv tal-imsemmi prodott mediċinali.

403    Fir-rigward tat-tielet ilment, dan huwa ineffettiv, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-iżbalji li jaffettwaw id-definizzjoni tas-suq tal-perindopril kellhom effett fuq id-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali. Servier iżid li l-Kummissjoni sempliċement tinvoka nuqqas li tirrispondi għal motiv, mingħajr ma tippreċiża b’liema mod dan huwa l-każ.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

404    Fil-punt 1615 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li “d-domanda għal [din] it-teknoloġija [...] ġejja mid-domanda għall-prodott mediċinali lest tal-perindopril (premessi 2648 sa 2651 ta’ [din id-deċiżjoni])” u li “[i]il-Kummissjoni għalhekk użat id-delimitazzjoni żbaljata tas-suq rilevanti li hija użat għas-suq tal-prodotti lesti fil-kuntest tal-analiżi tagħha tas-suq tat-teknoloġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-domanda f’dan l-aħħar suq”.

405    Madankollu, mill-qari tal-premessi 2648 sa 2651 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni kkonstatat li d-domanda għat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril tirriżulta mid-domanda għal dan il-prodott mediċinali, hija enfasizzat ukoll, fil-premessa 2649 ta’ din id-deċiżjoni, li din il-karatteristika ma tfissirx li l-kundizzjonijiet tad-domanda għal din it-teknoloġija jirriflettu eżattament dawk tad-domanda għall-perindopril.

406    Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 2651 tal-imsemmija deċiżjoni, li, fid-dawl tal-inelastiċità relattiva tad-domanda għall-perindopril, id-domanda għat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali kienet probabbilment ukoll inelastika. Minn dawn l-elementi jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-formulazzjoni tal-punt 1615 tas-sentenza appellata, l-elementi li jinsabu fil-premessi 2648 sa 2651 tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-karatteristiċi tad-domanda għal teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril ma humiex ibbażati fuq id-definizzjoni tas-suq tal-perindopril bħala tali, iżda fuq ir-rabtiet li jeżistu bejn id-domanda għal din it-teknoloġija u dik tal-imsemmi prodott mediċinali, peress li dawn iż-żewġ prodotti huma komplementari, fejn l-ewwel wieħed huwa fattur produttiv użat għall-produzzjoni tat-tieni wieħed.

407    Għalkemm huwa għalhekk minnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 1615 tas-sentenza appellata, irrapportat b’mod parzjali u ineżatt il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża billi implikat li l-Kummissjoni kienet iddefinixxiet is-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril sempliċement billi rriproduċiet id-definizzjoni tas-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, fil-punt 1616 ta’ din is-sentenza, hija llimitat il-portata ta’ dan l-iżball, billi indikat li, “kif issostni l-Kummissjoni, hija użat ukoll, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tas-suq tat-teknoloġija, elementi oħra sabiex tiddelimita s-suq tat-teknoloġija, b’mod partikolari analiżi tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-offerta (premessi 2657 et seq. tad-deċiżjoni [kontenzjuża])”.

408    Għaldaqstant, irrispettivament mill-iżball li għadu kif ġie rrilevat, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, li permezz tiegħu hija tinvoka, essenzjalment, żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn iż-żewġt iswieq, kemm min-naħa tal-offerta kif ukoll f’dak tad-domanda, huwa infondat.

409    Barra minn hekk, fil-punti 1617 sa 1619 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li tiddeċiedi dwar jekk id-delimitazzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril kinitx żbaljata sabiex tevalwa l-motiv ibbażat fuq żbalji fil-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq, minħabba li l-Kummissjoni “ibbażat ruħha b’mod determinanti” fuq id-delimitazzjoni tas-suq tal-perindopril sabiex tikkonstata l-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali. Fil-punt 1621 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali siltet il-konsegwenzi tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura żbaljata tad-definizzjoni tas-suq tal-perindopril. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx turi li Servier kien jokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali u qieset, konsegwentement, fil-punt 1622 tal-imsemmija sentenza, li kien hemm lok li jintlaqa’ l-motiv tal-ewwel istanza bbażat fuq żbalji fil-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril.

410    Mill-punti 380 sa 390 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura żbaljata tad-definizzjoni tas-suq tal-perindopril hija fiha nnifisha vvizzjata bi żball ta’ liġi. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1611 sa 1622 tas-sentenza appellata dwar il-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril huma bbażati fuq premessa żbaljata u huma, minħabba f’hekk, ivvizzjati b’illegalità. Peress li dawn l-evalwazzjonijiet kellhom influwenza diretta fuq il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din ikkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE mwettaq minn Servier, il-ħdax-il aggravju għandu jintlaqa’.

D.      Konklużjoni fuq l-appell

411    Peress li l-ewwel sat-tmien aggravju kif ukoll il-ħdax-il aggravju ntlaqgħu, hemm lok, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni, li jiġu annullati l-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kienet annullat, l-ewwel nett, l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn dan jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Servier fil-ftehimiet Krka, it-tieni nett, l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni, li jikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE mwettaq minn Servier, it-tielet nett, l-Artikolu 7(4)(b) u l-Artikolu 7(6) tal-imsemmija deċiżjoni, li jiffissaw l-ammont tal-multa imposta fuq Servier għall-ksur imsemmi, rispettivament, fl-Artikoli 4 u 6 tal-istess deċiżjoni.

VIII. Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

412    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew inkella tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni.

413    F’dan il-każ, fir-rigward tal-motivi tar-rikors fl-ewwel istanza intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, relatat mal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fl-intier tagħha. Fil-fatt, permezz tat-tieni parti tad-disa’ aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat il-ftehim dwar trasferiment u liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Kif jirriżulta mill-punt 307 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali invalidat din il-klassifikazzjoni għas-sempliċi raġuni li hija kienet eskludiet l-istess klassifikazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, mingħajr madankollu ma ddeċidiet fuq il-mertu ta’ din it-tieni parti. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tieni parti tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

414    Fir-rigward tal-motivi tar-rikors fl-ewwel istanza intiżi għall-annullament tal-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża, relatat mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, mir-risposta mogħtija għat-tmien aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, illimitat id-definizzjoni tas-suq rilevanti għal dak tal-perindopril. Il-Qorti Ġenerali qieset li din l-evalwazzjoni kienet suffiċjenti sabiex jintlaqa’ l-erbatax-il motiv tal-ewwel istanza, mingħajr ma kien neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel parti tiegħu, li permezz tagħha Servier invoka diversi irregolaritajiet li jaffettwaw l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni. Peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq din l-ewwel parti, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fuq dan il-punt.

415    Barra minn hekk, mir-risposta mogħtija għall-ħdax-il aggravju fil-punti 404 sa 410 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, b’mod awtonomu, is-sittax u s-sbatax-il motiv tal-ewwel istanza ta’ Servier intiżi kontra d-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril u l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq, iżda sempliċement irriproduċiet il-motivi li wassluha sabiex tilqa’ l-erbatax-il motiv tal-ewwel istanza ta’ Servier, ibbażat fuq żball fid-definizzjoni tas-suq tal-perindopril. Għaldaqstant, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi tal-ewwel istanza relatati mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

416    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi b’kompożizzjoni differenti minn dik li adottat is-sentenza appellata.

417    Madankollu, skont l-Artikolu 216(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza ta’ awla, il-kawża tista’ tiġi assenjata lil awla oħra sedenti bl-istess numru ta’ Mħallfin, u din id-deċiżjoni tittieħed mill-President tal-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, ma jidhirx li l-assenjazzjoni tal-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti kompost b’mod totalment differenti minn dak li jkun għamel l-ewwel eżami tal-kawża għandha u tista’ fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, titqies bħala obbligu ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 57). Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni.

418    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni parti tad-disa’ motiv tal-ewwel istanza ta’ Servier, relatat mal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka, dwar l-erbatax sas-sbatax-il motiv tal-ewwel istanza, relatati mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, u dwar il-motivi sussidjarji tal-ewwel istanza, intiżi li jikkontestaw l-ammont tal-multa.

IX.    Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

419    Fil-kuntest tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, Servier jikkontesta, permezz tal-ewwel parti tad-disa’ motiv tiegħu, il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Permezz tal-għaxar motiv tiegħu, Servier jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka u tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

420    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li dawn il-motivi kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tal-ewwel parti tad-disa’ motiv, kif ukoll tal-għaxar motiv.

A.      Fuq lewwel parti tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza

1.      Largumenti talpartijiet

421    Permezz tal-ewwel parti tad-disa’ motiv tiegħu, Servier jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u jesponi, f’dan ir-rigward, ħames ilmenti. Huwa jsostni, l-ewwel nett, li “d-deċiżjoni tiżnatura l-fatti billi tikkonkludi li Krka kellha l-kapaċità li tidħol fis-swieq f’terminu qasir”, it-tieni nett, li “d-deċiżjoni tiżnatura l-intenzjonijiet tal-partijiet u l-għanijiet imfittxija li kienu madankollu leġittimi”, it-tielet nett, li “d-deċiżjoni tikklassifika b’mod żbaljat il-ftehim dwar il-qsim tas-suq”, ir-raba’ nett, li “l-kontenut tal-ftehimiet ma jiġġustifikax iktar il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan iżda juri għall-kuntrarju n-natura leġittima tagħhom” u, il-ħames nett, li “d-deċiżjoni tikklassifika b’mod żbaljat il-ftehimiet bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mentri l-effetti restrittivi tagħhom kienu ipotetiċi”. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-ksur ikkostitwit minn qsim tas-swieq tal-perindopril permezz tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka hijiex ibbażata fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ fatt allegati minn Servier fil-kuntest ta’ dawn il-ħames ilmenti.

422    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

423    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tista’ biss tiġi evalwata korrettament jekk l-indizji invokati mid-deċiżjoni kkontestata ma jiġux ikkunsidrati waħidhom, iżda fl-intier tagħhom, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq tal-prodotti inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punt 68). Il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kemm fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 44, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).

424    F’dan ir-rigward, għalkemm l-ewwel parti tad-disa’ motiv tal-ewwel istanza hija maqsuma f’ħames ilmenti, l-argumenti kollha mressqa minn Servier f’dan il-kuntest jirrigwardaw jew il-kwistjoni dwar jekk Krka kinitx kompetitur potenzjali ta’ Servier fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, minkejja t-telfiet ġudizzjarji suċċessivi mġarbba minn Krka fit-tentattivi tagħha li tinvalida l-privattiva 947, jew jekk dawn il-ftehimiet, meħuda flimkien, kinux jikkostitwixxu ftehim ta’ qsim tas-suq li jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għandu jiġi enfasizzat li dan l-argument ta’ Servier, speċifiku għall-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, jikkoinċidi ma’ dak imressaq fil-kuntest tar-raba’ motiv tiegħu tal-ewwel istanza, dwar in-natura intrinsikament leġittima tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li jirrigwardaw privattivi u ftehimiet ta’ liċenzja ta’ privattivi.

425    Konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok u sa fejn Servier qajjem din il-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikklassifika l-ftehimiet Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata fuq Servier minn Krka. Għal dan l-għan, għandu jiġi eżaminat jekk fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kinux jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li Krka tidħol fis-suq tal-perindopril u tikkompeti ma’ Servier. Dan l-eżami jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk Krka kinitx ħadet passi suffiċjenti li jippermettu li jiġi stabbilit li hija kellha d-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità proprja li tidħol fis-suq f’terminu li jippermetti li tintefa’ pressjoni kompetittiva fuq Servier, kif ukoll li jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ eventwali ostakoli għal dan id-dħul li huma ta’ natura insormontabbli, filwaqt li l-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkorroborata minn elementi addizzjonali.

426    Jekk dan ikun il-każ, għandu għalhekk jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, jekk il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kinux jikkostitwixxu ftehim dwar il-qsim tas-suq li kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għal dan l-għan, ser ikun neċessarju li jiġu eżaminati l-għanijiet ta’ dawn il-ftehimiet kif ukoll ir-rabta ekonomika li, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, kienet teżisti bejniethom. B’mod iktar partikolari, hemm lok li jiġi evalwat jekk it-trasferiment ta’ valur minn Servier għall-benefiċċju ta’ Krka, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, kienx suffiċjentement importanti sabiex jinċentiva lil Krka taċċetta tqassim tas-swieq nazzjonali tal-perindopril ma’ Servier, billi tirrinunzja, anki jekk temporanjament, milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier bħala korrispettiv għall-assigurazzjoni li tkun tista’ tikkummerċjalizza l-verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril fis-swieq prinċipali tagħha stess, mingħajr ir-riskju li tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet għal kontrafazzjoni ta’ privattiva min-naħa ta’ Servier. Fl-aħħar nett, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn Servier iqajjem din il-kwistjoni b’mod rilevanti, l-intenzjonijiet tal-partijiet fil-ftehimiet Krka, sa fejn huma jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġu stabbiliti l-għanijiet oġġettivi li dawn il-ftehimiet huma intiżi li jilħqu.

a)      Fuq ilkompetizzjoni potenzjali eżerċitata fuq Servier minn Krka

427    Skont il-premessi 1672 sa 1700 tad-deċiżjoni kontenzjuża, Krka kienet l-ewwel manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li kkontestat il-pożizzjoni ta’ Servier fis-suq tal-perindopril. Dawn iż-żewġ impriżi kienu diġà kompetituri attwali fis-swieq fir-Repubblika Ċeka, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovenja, fejn Krka kienet bdiet tikkummerċjalizza verżjoni ġenerika tal-perindopril. Fis-swieq nazzjonali l-oħra fi ħdan l-Unjoni, Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier. Krka kienet qiegħda tipprepara d-dħul tagħha f’dawn is-swieq l-oħra permezz ta’ passi konkreti u suffiċjenti, peress li kienet kisbet b’mod partikolari awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll fir-Renju Unit, u kellha diġà prodott lest għat-tnedija. F’uħud minn dawn is-swieq l-oħra, hija bbenefikat mill-kooperazzjoni tal-imsieħba kummerċjali. Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1685 ta’ din id-deċiżjoni, li minn diversi provi dokumentali li jippreċedu d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kien jirriżulta li Krka kienet għalhekk konvinta li tirbaħ il-kawżi bejn Krka jew l-imsieħba kummerċjali tagħha u Servier dwar il-validità tal-privattivi 340 u 947.

428    B’hekk, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, Krka kienet diġà tikkompeti ma’ Servier f’ċerti swieq nazzjonali u, fuq dawk fejn hija kienet għadha ma kinitx preżenti, hija kellha mhux biss il-kapaċità li tidħol fi żmien qasir, iżda kienet ukoll determinata b’mod qawwi li tagħmel dan. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, Krka setgħet titqies bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier.

429    Servier ma jikkontestax dawn l-elementi bħala tali, anki jekk huwa jafferma li l-istrateġija ta’ Krka “kienet tiffoka fuq is-swieq tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u mhux fuq is-swieq tal-Ewropa tal-Punent”. Huwa jsostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tqis li, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, Krka kienet għadha tista’ titqies bħala l-kompetitur potenzjali tagħha. Servier jilmenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni żnaturat l-intenzjonijiet tal-partijiet, u b’mod iktar partikolari dawk ta’ Krka, billi rrifjutat li taċċetta li s-serje ta’ telfiet ġudizzjarji li kienet ġarrbet din l-impriża kienu kkonvinċewha li l-privattiva 947 kienet valida u li għalhekk kien preferibbli għaliha li tinnegozja ma’ Servier bl-għan li tikseb liċenzja ta’ din il-privattiva fis-swieq prinċipali tagħha. Dawn it-telfiet ġudizzjarji mġarrba minn Krka, li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u mid-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006, kienu jikkostitwixxu barriera insurmontabbli għad-dħul, fi żmien qasir, ta’ din l-impriża fis-swieq prinċipali ta’ Servier. Dokument intern ta’ Krka tat‑13 ta’ Settembru 2006 juri li, minħabba d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, din l-impriża kienet biddlet l-istrateġija tagħha billi ddeċidiet li tabbanduna l-kummerċjalizzazzjoni tal-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, sabiex tinvesti fl-iżvilupp ta’ forma li ma tagħtix lok għal kontrafazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali.

430    Barra minn hekk, Servier ifakkar li, immedjatament wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, huwa, minn naħa, ġie kkuntattjat minn Krka li xtaqet tevoka l-possibbiltà ta’ liċenzja ta’ privattiva għal ċerti swieq nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, huwa beda, fir-Renju Unit, proċedura għal kontrafazzjoni tal-privattivi 340 u 947, flimkien ma’ talba għal ordni, kontra Krka. Minkejja li Krka ressqet kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dawn il-privattivi, hija kellha biss, skont Servier, interess żgħir f’dawn l-azzjonijiet kontenzjużi, li barra minn hekk kienu onerużi u riskjużi.

431    Fil-każ ineżami, sabiex jiġi ddeterminat jekk Servier huwiex fondat li jinvoka l-fatt li, skont id-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u tad-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Krka la kellha iktar il-kapaċità u lanqas id-determinazzjoni soda li tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier, u għalhekk ma kinitx baqgħet tikkostitwixxi sors ta’ kompetizzjoni potenzjali, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li tkun daħlet fid-dominju pubbliku ma tistax, bħala tali, titqies bħala ostakolu insurmontabbli u ma tipprekludix li jiġi kklassifikat bħala kompetitur potenzjali tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur kkonċernat manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li għandu effettivament id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess li jidħol fis-suq u li, permezz tal-passi li jkunu ttieħdu, juri li huwa lest li jikkontesta l-validità ta’ din il-privattiva u li jieħu r-riskju, mad-dħul tiegħu fis-suq, li titressaq fil-konfront tiegħu azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa mill-proprjetarju ta’ din il-privattiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 46). Barra minn hekk, kif ġie deċiż fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, meta jkun hemm tilwimiet bejniethom li jikkonċernaw il-validità tal-privattiva li jkunu għadhom pendenti, għandhom jiġu eżaminati l-elementi rilevanti kollha qabel ma tinsilet il-konklużjoni li d-detentur tal-privattiva u tali manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma humiex kompetituri potenzjali.

432    Fil-fatt, fir-rigward tad-determinazzjoni soda ta’ Krka li tkompli bl-isforzi tagħha bil-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tal-perindopril tagħha, kif ukoll tal-kwistjoni dwar jekk it-telfiet ġudizzjarji mġarrba minn Krka kkostitwixxewx barriera insormontabbli għad-dħul tagħha f’terminu sabiex tintefa’ pressjoni kompetittiva fuq Servier fis-swieq prinċipali tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, mill-provi ċċitati mill-Kummissjoni fil-premessi 1686 sa 1691 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li la d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u lanqas barra minn hekk id-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 ma wasslu lil Krka twaqqaf l-isforzi tagħha sabiex tidħol f’dawn is-swieq. Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, kif jirriżulta mill-premessi 1687 u 1700 tad-deċiżjoni kontenzjuża li ma humiex ikkontestati minn Servier, Krka rnexxielha tikseb, fl-Ungerija, fix-xahar ta’ Settembru 2006, iċ-ċaħda ta’ talba għal miżuri provviżorji ta’ Servier relatata mal-privattiva 947, filwaqt li Krka kienet diġà tikkummerċjalizza, fis-suq Ungeriż, il-perindopril tagħha kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947.

433    B’mod iktar partikolari, fil-premessi 1687 u 1688 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rreferiet għal dokumenti li għall-kuntrarju juru li Krka kienet kritika fir-rigward tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u determinata li ma tkunx suġġett għaliha. Mit-testimonjanza ta’ impjegat ta’ Krka, iċċitata in extenso fil-premessi 895 u 1688 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta, fost l-oħrajn, li “[d]ak li jurtana b’mod partikolari huwa li dan il-proċess kien diskriminatorju fil-konfront tal-industrija tal-prodotti ġeneriċi u ma aħniex ser inħalluhielhom lixxa”. Tali affermazzjoni, magħmula għan-nom ta’ Krka, tinvalida l-allegazzjoni ta’ Servier li Krka kienet irrinunzjat milli tikkontesta l-validità tal-privattiva 947 bil-għan li tkun tista’ tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier. Barra minn hekk, l-azzjonijiet konkreti meħuda minn Krka wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 jikkonfermaw li din l-impriża ma kinitx aċċettat il-validità ta’ din il-privattiva, għaliex hija kompliet tikkontesta l-validità tagħha quddiem l-UEP u ressqet kontra Servier, fl‑1 u fit‑8 ta’ Settembru 2006, kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattivi 947 u 340 fil-kuntest tal-proċeduri għal kontrafazzjoni mressqa minn Servier fir-Renju Unit.

434    Barra minn hekk, ebda dokument kontemporanju tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka ma jindika li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u d-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 biddlu l-perċezzjoni minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 sal-punt li wassluha tirrinunzja għall-proġetti tagħha ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-perindopril proprju tagħha. B’mod partikolari, id-dokument intern ta’ Krka, tat‑13 ta’ Settembru 2006, li jirreferi għalih Servier, u li jipprovdi li l-attivitajiet relatati mal-perindopril ta’ Krka kellhom jieqfu favur xogħlijiet fuq l-iżvilupp ta’ verżjoni li ma tagħtix lok għal kontrafazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali, ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi r-riflessjoni ta’ deċiżjoni strateġika tad-diretturi ta’ Krka. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 1687 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan id-dokument intern sempliċement jinkludi pożizzjonijiet espressi waqt laqgħat operattivi fi ħdan id-dipartiment “Riċerka u Żvilupp” ta’ din l-impriża, li l-interpretazzjoni tiegħu mogħtija minn Servier hija, fi kwalunkwe każ, kontradetta mill-fatt li Krka ssoktat bil-produzzjoni tal-perindopril tagħha, komposta mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, kif jixhdu l-istess dokumenti interni ta’ Krka, kif irrilevat il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2260 ta’ din id-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-provi kuntrarji invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 1686 sa 1691 tal-imsemmija deċiżjoni, dan id-dokument intern ma jistabbilixxix b’mod konvinċenti li Krka, kif isostni Servier, irrinunzjat definittivament milli tidħol b’dan il-perindopril fis-swieq prinċipali ta’ Servier wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006. Fil-fatt, dawn il-provi juru b’mod oġġettiv li Krka kompliet ikollha kapaċità proprja li taċċedi għas-swieq prinċipali ta’ Servier kif ukoll l-intenzjoni li tidħol fihom.

435    Sa fejn Servier jikkritika lill-Kummissjoni talli “żnaturat” l-intenzjonijiet tal-partijiet, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessi 1688 u 1690 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Krka ma kinitx għadha konvinta b’mod sod bis-saħħa tal-pożizzjoni kontenzjuża tagħha wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u li kien b’reazzjoni għal din id-deċiżjoni li Krka kienet ħadet l-inizjattiva li tikkuntattja lil Servier sabiex tipprevedi l-possibbiltà li din tagħtih liċenzja fuq il-privattiva 947 għal ċerti swieq ġeografiċi.

436    Madankollu, din l-inizjattiva ta’ Krka lanqas ma turi li din l-impriża kienet irrinunzjat milli tikkompeti ma’ Servier fis-swieq prinċipali ta’ din tal-aħħar permezz tal-perindopril tagħha kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-provi invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 912 u 1688 tad-deċiżjoni kontenzjuża, Krka kienet konxja mill-fatt li Servier kien aċċetta li jinnegozja magħha wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 għaliex hija kienet tirrappreżenta “theddida serja” għal Servier li “kien jemmen li Krka kellha fost l-aħjar u l-iktar provi komprensivi fl-oppożizzjoni quddiem l-UEP u fir-revoka fir-Renju Unit”. Minn dan isegwi li l-eżistenza tat-tilwima bejn Krka u Servier dwar il-validità tal-privattiva 947, li kienet is-suġġett tal-kawżi pendenti quddiem l-UEP u fir-Renju Unit u li dawn iż-żewġ impriżi kienu jqisu bħala serji, tikkostitwixxi indizju supplimentari tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 52), peress li din il-kompetizzjoni tista’ barra minn hekk issir attwali f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq Servier fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 101 ta’ din is-sentenza. Dan huwa neċessarjament il-każ meta l-eżistenza ta’ din il-kompetizzjoni tkun effettivament influwenzat l-aġir kummerċjali ta’ Servier billi wasslitu jagħti liċenzja lil Krka fis-swieq prinċipali tiegħu.

437    Barra minn hekk, l-argument ta’ Servier, ibbażat fuq il-fatt li Krka kienet ħadet l-inizjattiva tan-negozjati dwar l-għoti ta’ liċenzja, jikkonfondi, minn naħa, l-intenzjonijiet ta’ Krka fil-każ fejn in-negozjati ma kinux ta’ suċċess ma’, min-naħa l-oħra, l-għanijiet kummerċjali li Krka kienet issegwi fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati. Madankollu, huma biss dawk tal-ewwel li huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u Krka fil-mument tal-iffirmar tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka. L-għanijiet kummerċjali allegatament leġittimi segwiti minn Krka fil-kuntest tal-imsemmija negozjati kienu rilevanti biss sabiex jiġi evalwat is-suġġett ta’ dawn l-istess ftehimiet.

438    Fil-fatt, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-konklużjoni ta’ ftehim bejn diversi impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni li wħud minnhom ma humiex preżenti fis-suq ikkonċernat tikkostitwixxi indizju qawwi tal-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn l-imsemmija impriżi (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

439    Jekk il-fatt li Krka nnegozjat ma’ Servier bl-għan li tikkonkludi ftehimiet bħall-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kien biżżejjed sabiex juri li Krka ma kellhiex iktar id-determinazzjoni soda li tikkompeti ma’ Servier permezz tal-perindopril tiegħu kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, jew anki li kien jeżisti ostakolu insurmontabbli għal tali dħul fis-swieq prinċipali ta’ Servier, minkejja l-eżistenza ta’ provi oġġettivi bħal dawk iċċitati mill-Kummissjoni fil-premessi 1686 sa 1691 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan ikun ifisser, b’mod kontradittorju meta mqabbel mal-ġurisprudenza li għadha kemm tfakkret fil-punt preċedenti, li d-deċiżjoni ta’ impriża li tinnegozja u sussegwentement li tikkonkludi ftehim ma’ impriża oħra li topera fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni, bl-għan li tissostitwixxi l-kooperazzjoni ma’ kompetizzjoni fuq il-merti, jista’ jkollha l-konsegwenza li hija ma kinitx għadha kompetitur potenzjali tal-kokontraent tagħha. Li kieku dan kien il-każ, l-għażla deliberata ta’ impriża li ssegwi politika kummerċjali li tikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim li jkollu għan antikompetittiv tkun tista’ teskludi dan l-istess ftehim mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE u b’hekk iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti importanti mill-effettività tagħha.

440    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument ta’ Servier ma jippermettix li tiġi invalidata l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 1700 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier.

441    Għaldaqstant, l-argument ta’ Servier dwar il-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq leżistenza ta’ ftehim ta’ qsim tassuq

442    Permezz tat-tieni lment, Servier isostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka kellhom l-għan li jaqsmu s-swieq ma’ Krka.

443    Servier isostni, fl-ewwel lok, li dawn il-ftehimiet ġew konklużi minħabba r-rikonoxximent tal-validità tal-privattiva 947 u kienu intiżi li tinstab soluzzjoni għat-tilwimiet li kellu ma’ Krka. Fil-fatt, din tal-aħħar ma setgħetx tikkummerċjalizza l-perindopril tagħha minħabba l-privattiva 947 u d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006.

444    Madankollu, permezz ta’ dan l-argument, Servier jillimita ruħu, essenzjalment, li jtenni l-allegazzjonijiet tiegħu, ibbażati fuq l-allegat rikonoxximent tal-validità ta’ din il-privattiva, dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka u l-eżistenza ta’ ftehim dwar qsim tas-suq. Dawn l-argumenti diġà ġew miċħuda għar-raġunijiet esposti, rispettivament, fil-punti 427 sa 440 u 178 sa 184 ta’ din is-sentenza.

445    Servier jikkontesta, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ ftehim ta’ qsim tas-suq li jgħid li Krka rrinunzjat għal dħul fis-swieq prinċipali ta’ Servier bħala korrispettiv għall-introduzzjoni ta’ duopolju de facto fis-swieq prinċipali ta’ Krka. Skont Servier, mill-klawżoli tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka jirriżulta li kull wieħed minn dawn il-ftehimiet kellu għan leġittimu. B’mod partikolari, ebda element ma jippermetti li jitqies li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien stabbilixxa tali duopolju. Għall-kuntrarju, diversi dokumenti kontemporanji tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka juru li l-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ impriżi kienet intensa. Il-Kummissjoni żbaljat meta affermat, fil-premessi 1724 u 1728 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Servier kien intrabat, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, li ma jintroduċix it-tielet kompetitur fis-swieq prinċipali ta’ Krka. Barra minn hekk, Servier isostni li d-deċiżjoni kontenzjuża tiżnatura dokument tad‑29 ta’ Settembru 2005, imsemmi b’mod partikolari fil-premessa 849 ta’ din id-deċiżjoni, li fih impjegat ta’ Krka kien jirreferi għal “attività konġunta bl-għan li jiġi kkontrollat is-suq”.

446    Servier jiċħad li l-ftehim ta’ liċenzja Krka seta’ jħeġġeġ lil Krka taċċetta r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni previsti mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka. Minkejja li dan il-ftehim ta’ liċenzja kien jikkostitwixxi inċentiv sabiex jintlaħaq kompromess, tali fatt huwa, fih innifsu, insuffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE, peress li mill-intenzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li dawn il-ftehimiet kellhom għanijiet leġittimi. Barra minn hekk, fil-premessa 1738 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni evalwat il-benefiċċji li Krka setgħet tikseb minn dan il-ftehim ta’ liċenzja, filwaqt li naqqset l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni tagħha, għar-raġuni, imsemmija fil-premessa 1833 ta’ din id-deċiżjoni, li “ma huwiex ċar f’liema proporzjon il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka fil-fatt saħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva fl-Istati Membri koperti bil-liċenzja, peress li Krka kienet diġà nediet il-perindopril tagħha f’ħamsa minn dawn l-Istati Membri qabel il-ftehim [dwar soluzzjoni bonarja Krka]”. Servier jinsisti wkoll fuq il-fatt li, anki wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, Krka baqgħet libera li tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier bi prodott li ma jagħtix lok għal kontrafazzjoni.

447    Sa fejn Servier jinvoka n-natura allegatament “leġittima” tal-klawżoli tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, għandu qabelxejn jitfakkar li, għalkemm l-għanijiet oġġettivi li l-ftehimiet huma intiżi li jilħqu fir-rigward tal-kompetizzjoni huma tabilħaqq rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk huma għandhomx għan antikompetittiv, il-fatt li impriżi involuti aġixxew mingħajr ma kellhom l-intenzjoni li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li strateġija kummerċjali li tikkonsisti f’impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni li jinnegozjaw tali ftehimiet bejniethom sabiex itemmu kawża dwar il-validità ta’ privattiva tkun loġika u razzjonali mill-perspettiva ta’ dawn l-impriżi bl-ebda mod ma juri li t-tkomplija ta’ din l-istrateġija tkun ġustifikabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.

448    Barra minn hekk, huwa ċertament minnu, kif ġie deċiż fil-punt 226 ta’ din is-sentenza, li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi, l-istess bħall-ftehimiet ta’ liċenzja assoċjati ma’ tali ftehimiet, jistgħu jiġu konklużi b’għan leġittimu u b’legalità sħiħa abbażi tar-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva inkwistjoni. Barra minn hekk, il-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja huma mħeġġa mill-awtoritajiet pubbliċi sa fejn dawn jippermettu ffrankar f’termini ta’ riżorsi u huma għalhekk vantaġġużi għall-pubbliku ġenerali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 79). Bl-istess mod, kif jirrileva ġustament Servier fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, ma jistax jiġi miċħud li ftehim ta’ liċenzja li jippermetti lil manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jidħol f’ċerti swieq li huma magħluqa għall-kompetizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ privattiva jista’, pereżempju, jipproduċi effetti favorevoli għall-kompetizzjoni fuq dawn l-istess swieq.

449    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 226 ta’ din is-sentenza, il-fatt li ftehimiet isegwu għan li, fl-astratt, jista’ jkun leġittimu ma jistax jeskludi dawn il-ftehimiet mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk jirriżulta li l-imsemmija ftehimiet huma intiżi wkoll sabiex jaqsmu swieq jew sabiex iwettqu restrizzjonijiet oħra għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 178 sa 184 ta’ din is-sentenza, il-fatt li ftehim jieħu forma legali bħala prinċipju leġittimu u li t-termini ta’ dan il-ftehim ma jiżvelawx għan antikompetittiv apparenti ma huwiex, fih innifsu, determinanti għall-kwistjoni dwar jekk jagħtix lok għal ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, kull ftehim għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kontenut speċifiku tiegħu u tal-kuntest ekonomiku tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat.

450    F’dan il-każ, l-argumenti mressqa minn Servier fil-kuntest tad-disa’ motiv tiegħu tal-ewwel istanza, relatati mal-kontenut tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, ma jiħdux inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, il-fatt li r-rabtiet bejn dawn il-ftehimiet huma tali li kien indispensabbli li jiġu eżaminati l-klawżoli tagħhom mhux b’mod iżolat, iżda fl-intier tagħhom. It-tieni nett, dawn l-argumenti ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien jawtorizza lil Krka tikkummerċjalizza l-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, fis-swieq prinċipali tagħha, li ma kinux is-suġġett tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja kien jipprojbixxi lil Krka milli tikkummerċjalizza dan il-prodott mediċinali fis-swieq prinċipali ta’ Servier, li huma s-suġġett ta’ dan il-ksur.

451    Fir-rigward tar-rabtiet bejn il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, mill-kliem ta’ dawn il-ftehimiet u miċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tagħhom, kif irrapportati mill-Kummissjoni fil-premessa 1703 tad-deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta b’mod ċar li, fuq il-livell ekonomiku, dawn il-ftehimiet huma marbuta fis-sens li, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 1702 ta’ din id-deċiżjoni, wieħed ma setax jiġi konkluż fin-nuqqas tal-ieħor. Barra minn hekk, din ir-rabta hija kkonfermata mill-provi dokumentali invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 1746 u 2103 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li minnhom jirriżulta li Krka kienet tqis li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien prerekwiżit sabiex taċċetta li tastjeni milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier, peress li r-restrizzjonijiet previsti mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka kienu indispensabbli sabiex tinkiseb din il-liċenzja. B’hekk, sa fejn Servier jipprova, mingħajr ma jikkontesta l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet bħala tali, jikkontesta l-analiżi ta’ dawn il-ftehimiet imwettqa mill-Kummissjoni abbażi ta’ argument li jeżamina l-imsemmija ftehimiet separatament sabiex tiġi stabbilita n-natura allegatament leġittima tal-kontenut tagħhom, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa falza. Minn dan jirriżulta wkoll, kif ġie deċiż fil-punt 195 ta’ din is-sentenza, u kuntrarjament għall-argument ta’ Servier, li, indipendentement mil-livell adegwat jew le tal-ħlas previst mill-ftehim ta’ liċenzja ta’ Krka fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, huwa l-aċċess għas-swieq prinċipali tagħha mingħajr riskju ta’ kontrafazzjoni li mmotiva lil Krka tirrinunzja milli tbigħ il-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, fis-swieq prinċipali ta’ Servier.

452    Barra minn hekk, l-argument ta’ Servier ibbażat fuq in-natura allegatament favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka huwa invalidat mill-fatt li dan il-ftehim ma jkoprix is-swieq prinċipali ta’ Servier, l-uniċi kkonċernati mill-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, din in-natura favorevoli għall-kompetizzjoni, jekk tiġi stabbilita, ikollha effett pożittiv fuq il-kompetizzjoni biss fis-swieq prinċipali ta’ Krka. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li l-għoti ta’ liċenzja fuq ċerti swieq inkambju għal impenn tal-benefiċjarju ta’ din il-liċenzja li jirrinunzja milli jikkontesta l-validità tal-privattiva tal-kontraent fir-rigward ta’ dawn l-istess swieq jista’, bla ħsara għal evalwazzjoni tal-kontenut speċifiku tagħha u tal-kuntest ekonomiku tagħha, jitqies li huwa leġittimu fuq il-livell kompetittiv, dan ma huwiex il-każ meta sett ta’ ftehimiet jippermetti lil dan il-benefiċjarju jidħol mingħajr riskju ta’ kontrafazzjoni f’ċerti swieq ġeografiċi filwaqt li jipprojbixxih milli jidħol fi swieq oħra.

453    Tali sett ta’ ftehimiet jimplika, fil-prinċipju, qsim ta’ dawn is-swieq u, għalhekk, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li ma tistax tiġi rrelativizzata jew ikkumpensata b’eventwali effetti pożittivi jew effetti favorevoli għall-kompetizzjoni f’suq li jkun. Il-Kummissjoni ma għandhiex teżamina l-effetti ta’ ftehim jew ta’ aġir fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom ta’ eventwali eżistenza ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 159 u 166, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

454    Barra minn hekk, kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessa 1745 tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa preċiżament minħabba l-fatt li l-ftehim ta’ liċenzja Krka u l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kontrafazzjoni ta’ privattiva li jirriżulta mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka ma jkoprux l-istess swieq nazzjonali li, fil-fehma tagħha, dan il-ftehim ta’ liċenzja ma kienx leġittimu, iżda kien pjuttost jikkostitwixxi inċentiv ekonomiku sinjifikattiv għal Krka sabiex taċċetta r-restrizzjonijiet previsti mill-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka u, għaldaqstant, sabiex taqsam dawn is-swieq ġeografikament ma’ Servier. Dan il-quid pro quo huwa għalhekk paragunabbli, minn perspettiva ekonomika, ma’ trasferiment ta’ valur fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 104 ta’ din is-sentenza. Sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza ta’ din l-analiżi, hemm lok, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, li jiġi evalwat jekk dan it-trasferiment ta’ valur ta’ Servier favur Krka huwiex spjegat biss mill-interess ta’ Servier u Krka li ma jikkompetux fuq il-merti.

455    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punti 427 u 428 ta’ din is-sentenza, mhux biss Krka kienet diġà tbigħ il-perindopril tagħha f’uħud mis-swieq prinċipali tagħha iżda, barra minn hekk, hija kienet tissupera lill-kompetituri potenzjali ta’ Servier fil-proġetti tagħha ta’ kummerċjalizzazzjoni verżjoni ġenerika tal-perindopril, b’mod partikolari fi Franza u fir-Renju Unit, tnejn mis-swieq prinċipali ta’ Servier. Barra minn hekk, mid-data relatata mal-bejgħ tal-perindopril li tinsab b’mod partikolari fil-premessi 2273 sa 2401 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-prezz li bih Servier kien ibigħ dan il-prodott mediċinali fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit kien ferm ogħla minn dak li bih Krka kienet tbigħ il-perindopril tagħha fis-suq fil-Polonja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inċentiv ta’ Servier li jdewwem id-dħul ta’ dan il-prodott mediċinali fis-swieq prinċipali tiegħu kien manifest u barra minn hekk ma ġiex ikkontestat.

456    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tqis li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien jikkostitwixxi korrispettiv għall-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-ftehim ta’ liċenzja Krka kien jagħti, esklużivament u irrevokabbilment, id-drittijiet tal-privattiva 947 għall-benefiċċju ta’ Krka fis-swieq prinċipali ta’ din tal-aħħar, minkejja l-possibbiltà li Servier kien żamm il-possibbiltà għalih li jisfrutta wkoll dawn id-drittijiet, direttament jew permezz tas-sussidjarji tiegħu, jew permezz ta’ terz wieħed għal kull pajjiż. Minn dan l-arranġament jirriżulta li, fuq kull wieħed minn dawn is-swieq, minbarra Servier, is-sussidjarji tagħha jew terz indikat minnha, Krka kienet l-unika impriża li setgħet tikkummerċjalizza l-perindopril tal-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947 mingħajr ma tirriskja li twettaq att ta’ kontrafazzjoni ta’ din il-privattiva.

457    Sussegwentement, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessi 1721, 1724, 1728 sa 1730 u 1819 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rinunzja ta’ Servier milli jopponi l-kummerċjalizzazzjoni minn Krka, fis-swieq prinċipali ta’ din tal-aħħar, ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril hija effettivament ekwivalenti, minn perspettiva ekonomika, għal trasferiment ta’ valur favur Krka. Permezz ta’ tali quid pro quo, Servier u Krka setgħu jżommu, fis-swieq prinċipali rispettivi tagħhom, pożizzjoni iktar favorevoli, peress li Servier kien irnexxielu jeskludi l-kompetizzjoni potenzjali li tirriżulta minn dħul tal-perindopril ta’ Krka, komposta mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, fis-swieq prinċipali tiegħu u Krka kisbet iċ-ċertezza li tkun tista’ tikkummerċjalizza dan il-prodott mediċinali fis-swieq prinċipali tagħha stess, mingħajr riskju ta’ kontrafazzjoni.

458    F’dan il-kuntest, Servier jinvoka l-fatt li l-Kummissjoni mminimizzat l-effett favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fis-swieq prinċipali ta’ Krka kif ukoll il-vantaġġ li huwa rrappreżenta għal din l-impriża, sa fejn Krka kienet diġà preżenti f’ħamsa minn dawn is-swieq. Servier jiddeduċi minn dan li ċ-ċertezza miksuba minn Krka li tkun tista’ tikkummerċjalizza l-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, mingħajr riskju ta’ kontrafazzjoni kien l-uniku vantaġġ li Krka kienet tislet minn dan il-ftehim, skont ir-raġunament adottat mill-Kummissjoni stess, u jsostni li dan il-vantaġġ ma kienx suffiċjenti sabiex jinċentiva lil Krka tirrinunzja milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier. Madankollu, mill-provi invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 913 u 1748 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li Krka stess indikat lill-Kummissjoni, fl‑4 ta’ Awwissu 2009, b’risposta għal talba għal informazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, li hija kienet “issagrifikat” is-swieq prinċipali ta’ Servier, li “kienu inqas sinfikattivi għal Krka”, “bil-korrispettiv ta’ dħul immedjat fis-swieq tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant”. Għalhekk mill-atti tal-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prospett hekk offrut lil Krka li tkun l-uniku manifattur ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril fis-swieq prinċipali tagħha kien preferibbli, mill-perspettiva suġġettiva ta’ Krka – anki jekk hija ma kinitx irrinunzjat milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier fin-nuqqas tal-għoti ta’ liċenzja li tkopri s-swieq prinċipali tagħha stess – għal dik ta’ azzjonijiet ġudizzjarji fis-swieq prinċipali ta’ Servier li probabbilment kienu ser ikunu onerużi, li l-eżitu tagħhom kien inċert u li, f’każ ta’ suċċess, kienu jibbenefikaw lill-produtturi kollha ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 844, 874, 914, 1759 u 1763 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

459    Fir-rigward tal-argument ta’ Servier li jgħid li l-eżistenza ta’ duopolju de facto fis-swieq prinċipali ta’ Krka hija invalidata mill-possibbiltà li kienet teżisti għal sussidjarja ta’ Servier jew terz awtorizzat minn din tal-aħħar li jidħlu fis-swieq prinċipali ta’ Krka, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie deċiż fil-punt 232 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm duopolju “de facto” u mhux “de jure” u li, fi kwalunkwe każ, Servier irrinunzja għall-monopolju tiegħu de jure billi impenja ruħu li jaqsmu ma’ Krka b’mod esklużiv. Sa fejn Servier isemmi kompetizzjoni intensa bejn Krka u Servier f’dawn is-swieq, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, fil-premessi 1728 u 1744 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ kompetizzjoni, il-livell preċiż ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq huwa irrilevanti għaliex ma jbiddel xejn mill-fatt li Servier neċessarjament irrinunzja għal ishma tas-suq, u għalhekk għal parti mill-profitti tiegħu, favur Krka.

460    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ valur imsemmi fil-punt 457 ta’ din is-sentenza kienx suffiċjentement importanti sabiex jinċita lil Krka tikkonkludi l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, mill-premessa 1738 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li Krka, hija stess, evalwat il-valur ekonomiku ttrasferit b’dan il-mod minn Servier bħala korrispettiv tal-impenn tagħha li tirrinunzja milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ din l-impriża għal madwar għaxar miljun euro fuq perijodu ta’ tliet snin. Din l-istima rriżultat li hija affidabbli peress li, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4112 ta’ din id-deċiżjoni, matul il-perijodu tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, il-benefiċċju miksub minn Krka mill-bejgħ tal-perindopril fis-swieq fl-Ungerija, fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka biss, laħqu s-somma ta’ għaxar miljun euro. Anki jekk minn dan l-ammont ta’ għaxar miljun euro jitnaqqsu l-ammonti tar-royalty dovuta kull sena minn Krka lil Servier abbażi tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, xorta jibqa’ l-fatt li trasferiment ta’ valur minn Servier lil Krka ta’ tali importanza ma jista’ jiġi spjegat minn ebda korrispettiv ieħor min-naħa ta’ Krka għajr l-impenn tagħha li ma tikkompetix ma’ Servier fis-swieq prinċipali tagħha.

461    Għandu jingħad ukoll li l-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra iktar speċifiċi mressqa minn Servier ma jinvalida l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka stabbilixxew qsim tas-suq li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

462    Skont Servier, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, fil-premessa 1747 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li “l-portata ġeografika tal-liċenzja mogħtija lil Krka ma tistax tiġi spjegata mid-differenzi bejn il-privattivi f’dawn it-territorji” peress li, fir-realtà, kienu jeżistu tali differenzi, fid-dawl tal-fatt li Krka kienet diġà daħlet, fid-data tal-għoti ta’ din il-liċenzja, f’diversi swieq koperti mill-imsemmija liċenzja, fatt li kien jesponiha għar-riskju konkret u immedjat ta’ azzjonijiet għal ksur ta’ privattiva. Billi jressaq dan l-argument, Servier jiżbalja dwar ir-rilevanza ta’ eventwali differenzi li jistgħu jeżistu, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ privattiva, bejn swieq ġeografiċi.

463    Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 1754 tad-deċiżjoni kontenzjuża, tali differenzi huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-leġittimità, minn perspettiva kompetittiva, tal-portata ġeografika ta’ liċenzja biss jekk dawn ikunu relatati mal-livell tar-riskju oġġettiv, f’kull wieħed minn dawn is-swieq, tal-annullament tal-privattiva jew tal-privattivi li huma s-suġġett tal-liċenzja mogħtija. Dan huwa spjegat mill-fatt li ma huwiex leġittimu li ċerti swieq jiġu “ssagrifikati”, għad-detriment tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq, bl-għan li tinkiseb liċenzja fi swieq oħra għal raġunijiet suġġettivi ta’ opportunità kummerċjali. Għall-istess raġuni, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Servier dwar l-allegat “paradoss” li jirriżulta mill-fatt li l-għoti ta’ liċenzja li tkopri numru ogħla ta’ swieq jista’ iktar jikkostitwixxi inċentiv għar-rinunzja tas-swieq mhux koperti minn din il-liċenzja. Fil-fatt, ikun xi jkun in-numru ta’ swieq mhux koperti mill-imsemmija liċenzja, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dawn is-swieq, il-kompetizzjoni hija ristretta.

464    Servier isostni li l-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kontrafazzjoni fis-swieq prinċipali ta’ Servier ma wasslux għal qsim tas-suq. Minkejja li Krka kienet ipprojbita milli tikkummerċjalizza l-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, abbażi tal-allegat fatt li din tagħti lok għal kontrafazzjoni, Krka baqgħet libera li tikkummerċjalizza verżjoni li ma tagħtix lok għal kontrafazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali, li barra minn hekk hija kienet fil-proċess li tiżviluppa. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li ftehim ta’ qsim tas-suq jillimita l-possibbiltajiet għal kompetitur potenzjali li jikkompeti mal-proprjetarju ta’ privattiva mingħajr, madankollu, ma jeskludi kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni min-naħa ta’ dan il-kompetitur għal żmien twil billi jiżviluppa prodott li ma jagħtix lok għal kontrafazzjoni, ma jistax jinvalida l-konklużjoni li tali ftehim jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

465    Servier jinvoka l-allegati effetti favorevoli għall-kompetizzjoni fis-swieq prinċipali ta’ Servier minħabba l-fatt li l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka ma kienx jipprekludi lil Krka milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier permezz tal-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, qabel l-iskadenza tal-privattiva 340. Madankollu, dan il-ftehim kien jipprojbixxi lil Krka milli tikkummerċjalizza dan il-perindopril f’dawn is-swieq sakemm il-privattiva 947 ma tkunx skadiet. Għalhekk, il-“konċessjoni” magħmula minn Servier fir-rigward tal-privattiva 340 ma tinvalidax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-imsemmi ftehim, peress li dan tal-aħħar kien jipprekludi lil Krka milli tidħol fis-swieq prinċipali ta’ Servier għal żmien qasir, jew saħansitra fi żmien medju.

466    Fir-rigward tal-argument ta’ Servier li l-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka ma kienx jipprekludi lill-kompetituri potenzjali l-oħra ta’ Servier milli jkomplu bir-rikorsi tagħhom intiżi li tiġi invalidata l-privattiva 947, għandu jiġi kkonstatat li tali ċirkustanza ma tistax tiġġustifika, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatt li dan il-ftehim kien jobbliga lil Krka tirrinunzja għall-kawżi pendenti kontra Servier dwar dan is-suġġett. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, kif jirriżulta mill-provi msemmija fil-punt 436 ta’ din is-sentenza, Servier “kien jemmen li Krka kellha fost l-aħjar u l-iktar provi komprensivi fl-oppożizzjoni quddiem l-UEP u fir-revoka fir-Renju Unit”, li jfisser li l-irtirar tal-azzjonijiet ġudizzjarji tagħha seta’ jnaqqas b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet li din il-privattiva tiġi invalidata u għalhekk isaħħaħ il-kontroll li Servier seta’ jeżerċita fis-swieq ikkonċernati.

467    Fir-rigward tal-argument ta’ Servier ibbażat fuq allegat żnaturament ta’ dokument tad‑29 ta’ Settembru 2005, li fih impjegat ta’ Krka għamel riferiment għal “attività konġunta [ma’ Servier] bl-għan li jikkontrolla s-suq”, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument jindika, tal-inqas, li Krka kienet miftuħa, sena qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, għall-idea ta’ kooperazzjoni ma’ Servier f’ċerti swieq bl-għan li jiġu kkontrollati flimkien, mingħajr ma dan id-dokument jippermetti li jiġu identifikati bi preċiżjoni s-swieq hekk imsemmija. Fi kwalunkwe każ, dan l-element jaqa’ taħt sensiela ta’ indizji konkordanti li jistabbilixxu n-natura antikompetittiva ta’ dawn il-ftehimiet iżda ma jikkostitwixxux, fihom infushom, sostenn indispensabbli għall-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. B’hekk, anki jekk jitqies li l-allegazzjonijiet ta’ Servier relatati ma’ din il-prova huma parzjalment eżatti, dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex jintlaqa’ dan il-motiv.

468    Għandu jingħad ukoll, għal kull fini utli, li, sa fejn Servier għandu l-għan, permezz ta’ xi wħud mill-argumenti tiegħu, li jimminimizza l-grad ta’ noċività tal-ftehimiet Krka, ma jeżisti ebda dubju li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata mill-Kummissjoni kienet ta’ dannu suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 97 u 238 ta’ din is-sentenza, il-ftehimiet li jirrigwardaw it-tqassim tas-swieq għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni fihom infushom u jaqgħu taħt kategorija ta’ ftehimiet espressament ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE.

469    L-evalwazzjoni tal-argumenti kollha tal-partijiet u tal-provi tal-proċess twassal għalhekk sabiex jitqies li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1745 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, għalkemm liċenzja ta’ privattiva tista’ tkun mezz leġittimu għall-proprjetarju ta’ din il-privattiva li jagħti lil terz id-dritt li jisfrutta l-invenzjoni protetta mill-imsemmija privattiva, il-ftehim ta’ liċenzja Krka kien serva bħala inċentiv sabiex jinkiseb l-impenn ta’ Krka li tirrinunzja għad-dħul tagħha fis-swieq prinċipali ta’ Servier, u b’hekk ippermettiet lil dawn iż-żewġ impriżi jorganizzaw qsim tas-suq bejniethom.

470    Sussegwentement, l-argument ta’ Servier dwar l-eżistenza ta’ ftehim ta’ qsim tas-suq għandu jiġi miċħud.

471    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-provi prodotti fid-deċiżjoni kontenzjuża juru l-eżistenza tal-prattika intiża, għal Servier u Krka, li jaqsmu s-suq tal-perindopril u huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ din il-prattika bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 96 u 97 ta’ din is-sentenza.

472    Sa fejn Servier jitlob, sussidjarjament, li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata sa fejn hija kkonstatat restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan speċifikament fis-suq tar-Renju Unit, minkejja l-eżistenza ta’ ordni provviżorja li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-High Court tat‑3 ta’ Ottubru 2006 li tipprojbixxi lil Krka milli tidħol f’dan is-suq bil-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, għandu jitfakkar li tali ordni tikkostitwixxi miżura provviżorja li bl-ebda mod ma tippreġudika n-natura fondata ta’ azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva, imressqa mill-proprjetarju tal-privattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 53). B’hekk, il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-possibbiltà ta’ dħul ta’ Krka f’dan is-suq ma spiċċatx wara li ngħatat din l-ordni u din iċ-ċirkustanza għalhekk ma tistax tinvalida l-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza fir-rigward tas-suq tar-Renju Unit.

473    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza u li jiġi kkonstatat li Servier ma rnexxilux jinvalida l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan magħmula, fid-deċiżjoni kontenzjuża, fir-rigward tal-prattika intiża, għal Servier u Krka, li jaqsmu s-suq tal-perindopril permezz tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka.

474    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif issemma fil-punt 424 ta’ din is-sentenza, sa fejn l-ewwel parti tar-raba’ motiv tal-ewwel istanza, meħuda, essenzjalment, min-natura intrinsikament leġittima tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u tal-ftehimiet ta’ liċenzja b’mod ġenerali, hija marbuta speċifikament mal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, din tikkoinċidi mal-argumentazzjoni legali mressqa minn Servier fil-kuntest tad-disa’ motiv tiegħu tal-ewwel istanza. Konsegwentement, mill-motivi esposti fil-punti 423 sa 473 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn l-ewwel parti tar-raba’ motiv tal-ewwel istanza tikkonċerna l-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, din għandha wkoll tiġi miċħuda.

B.      Fuq lgħaxar motiv tarrikors flewwel istanza

1.      Largumenti talpartijiet

475    Permezz tal-għaxar motiv tiegħu tar-rikors fl-ewwel istanza, Servier jikkritika qabelxejn lill-Kummissjoni talli kkonstatat, fil-premessa 1817 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Servier kellu pożizzjoni dominanti fis-suq kif iddefinit f’din id-deċiżjoni, liema definizzjoni Servier jikkontesta fil-kuntest ta’ motivi oħra. Hija tinvoka wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni peress li, fil-fehma tagħha, ma huwiex possibbli li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni wettqitx analiżi kontrofattwali fid-deċiżjoni kontenzjuża. Servier jikkritika, sussegwentement, lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi fl-analiżi tagħha tax-xenarju kontrofattwali. Qabelxejn, il-Kummissjoni kellha teżamina l-kompetizzjoni kif probabbilment kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest reali li fih dawn ipproduċew l-effetti tagħhom. Servier isostni, f’dan ir-rigward, li l-irtirar ta’ Krka mill-proċeduri relatati mal-validità tal-privattiva 947 ma kellu ebda effett sinjifikattiv fuq l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri.

476    Fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, Krka probabbilment ma kinitx tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit. Skont Servier, tali dħul kien imblokkat fir-Renju Unit permezz ta’ ordni ġudizzjarja. Fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi, Krka kienet abbandunat il-pjanijiet tagħha ta’ tnedija tal-perindopril tagħha. Madankollu, il-ftehimiet Krka ma eliminawx lil Krka bħala kompetitur potenzjali ta’ Servier fil-każ ta’ annullament possibbli tal-privattiva 947 jew tal-iżvilupp ta’ verżjoni li ma tiksirx privattiva tal-perindopril. Fir-rigward tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka, Servier iqis li dan ma kellu ebda effett fuq il-kompetizzjoni, peress li t-teknoloġija ta’ Krka ma kinitx tippermetti li tiġi evitata l-privattiva 947. Servier jenfasizza li, wara r-revoka tal-privattiva 947 permezz tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑6 ta’ Mejju 2009, diversi manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi daħlu fis-suq tal-perindopril, u dan juri n-nuqqas ta’ effett antikompetittiv ta’ dan il-ftehim b’mod distint minn din il-privattiva.

477    Servier jikkritika wkoll il-premessa 1831 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-miżuri li setgħu jieħdu Servier u Krka, fil-mument tan-negozjar u tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka, sabiex jevitaw li dawn il-ftehimiet jagħtu lok għal qsim tas-suq. Huwa jsostni li l-Kummissjoni ma wrietx li l-partijiet setgħu jilħqu kompromess taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi.

478    Fl-aħħar nett, Servier isostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka fl-analiżi tal-effetti tal-ftehimiet Krka.

479    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

480    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ Servier żviluppat fil-kuntest tal-għaxar motiv tiegħu tal-ewwel istanza jikkoinċidi ma’ dak imressaq fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tiegħu, li jgħid li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-ftehimiet Krka huma żbaljati. Fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu Servier jikkontesta l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tiegħu f’allegat suq awtonomu tal-perindopril, pożizzjoni li għaliha l-Kummissjoni għamlet riferiment fil-premessa 1817 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-riferiment, li sar fil-kuntest ta’ deskrizzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ Servier, ma huwiex determinanti għall-analiżi segwenti, fil-premessi 1820 et seq. ta’ din id-deċiżjoni, tal-effetti tal-ftehimiet Krka fuq il-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka fuq Servier.

481    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-fatt li ma huwiex possibbli li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni wettqitx analiżi kontrofattwali fid-deċiżjoni kontenzjuża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-premessa 1814 tagħha, il-Kummissjoni indikat li kien neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni “il-kompetizzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim”, jiġifieri, b’mod partikolari, “l-aġir kompetittiv li Krka setgħet tadotta fin-nuqqas tal-ftehim”. Għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

482    Mill-punti ta’ liġi esposti fil-punti 339 sa 358 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-argumenti l-oħra relatati max-xenarju kontrofattwali mressaq minn Servier fil-kuntest ta’ dan il-motiv huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-prova tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni ta’ ftehimiet li, bħall-ftehimiet Krka, huma intiżi li jistabbilixxu qsim tas-swieq billi jdewwmu d-dħul ta’ prodott mediċinali ġeneriku fis-suq.

483    Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż fil-punt 354 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li x-xenarju kontrofattwali kkunsidrat ma kienx probabbli, iżda realistiku u probabbli, jiġifieri kredibbli. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 355 ta’ din is-sentenza, sa fejn, f’dan il-każ, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni kienet tirrigwarda l-eliminazzjoni tas-sors ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka fuq Servier, l-analiżi tax-xenarju kontrofattwali kienet tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tal-eżistenza ta’ din il-kompetizzjoni potenzjali, li ġiet eliminata bil-ftehimiet Krka. B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehimiet Krka, li kienu jipprojbixxu lil Krka milli tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, ipproduċewx effett reali fuq il-kompetizzjoni potenzjali, kien hemm lok għall-Kummissjoni li tivverifika jekk Krka kellhiex, fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, possibbiltà reali u konkreta li tintegra dawn is-swieq f’terminu li jippermetti li titfa’ pressjoni kompetittiva fuq Servier, b’tali mod li t-theddida ta’ tali dħul setgħet titqies bħala realistika u probabbli, jiġifieri kredibbli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 117 sa 120).

484    Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx obbligata turi li, fin-nuqqas tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja Krka, Krka kienet tirbaħ il-kawża fil-proċeduri ġudizzjarji kontra l-privattiva 947 b’mod iktar rapidu jew iktar komplet.

485    Billi ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessi 1826, 1829 u 1835 sa 1846 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehimiet Krka, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li Krka kienet tirrappreżenta waħda mill-iktar theddidiet immedjat għal Servier, minħabba l-fatt li hija kellha possibbiltajiet reali u konkreti li tidħol fis-swieq fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit. Il-fatt li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk Krka kinitx effettivament daħlet f’dawn is-swieq ma jaffettwax il-fatt li, minkejja li xtaqet tidħol fl-imsemmija swieq u kellha l-mezzi sabiex tagħmel dan, hija ftiehmet ma’ Servier sabiex tirrinunzja għal tali possibbiltà, f’termini reċiprokament benefiċjali għal dawn iż-żewġ impriżi.

486    Fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka, din il-possibbiltà ta’ dħul min-naħa ta’ Krka, permezz tal-perindopril tagħha, kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947, ma kinitx tiġi eliminata. Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-eliminazzjoni, permezz tal-implimentazzjoni tal-imsemmija ftehimiet, ta’ dan is-sors ta’ kompetizzjoni potenzjali kellha l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Tali eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali kienet għalhekk tikkostitwixxi effett li la kien ipotetiku u lanqas potenzjali, iżda reali, u ta’ natura li jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett imsemmija fil-premessa 1850 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

487    Fir-rigward tal-argument ta’ Servier li jikkritika l-premessa 1831 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-mżuri li Servier u Krka setgħu jieħdu, fil-mument tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-ftehimiet Krka, sabiex jiġi evitat li dawn il-ftehimiet jagħtu lok għal qsim tas-suq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-premessa, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrileva, ġustament, li xejn ma pprekluda lil Servier u Krka milli jikkonkludu ftehimiet differenti li ma jagħtux lok għall-qsim tas-suq ikkonstatat fil-punti 442 sa 473 ta’ din is-sentenza. B’hekk, dan l-argument ta’ Servier huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-ftehimiet Krka ma kinux jikkostitwixxu qsim tas-suq u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

488    Minn dan isegwi li l-eżami tal-għaxar motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Servier ma żvela l-eżistenza ta’ ebda żball li jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 1850 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-ftehimiet Krka kellhom l-effett li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka fuq Servier.

489    Fir-rigward tal-invokazzjoni, minn Servier, tal-allegati effetti favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja Krka, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 175, 289, 452 u 454 ta’ din is-sentenza, li dan il-ftehim jikkonċerna swieq li ma jaqgħux fil-kamp ġeografiku tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, minħabba restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett ikkonstatata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, eventwali effetti favorevoli għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-imsemmi ftehim fuq swieq differenti minn dawk koperti minn dan il-ksur ma jistgħux jiġġustifikaw il-preżenza ta’ effetti antikompetittivi fis-swieq li fihom ġie kkonstatat l-imsemmi ksur.

490    Għaldaqstant, l-għaxar motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Servier għandu jiġi miċħud.

491    Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 480 ta’ din is-sentenza, l-argument żviluppat minn Servier fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tal-ewwel istanza, li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi meta ddefinixxiet ix-xenarju kontrofattwali u billi eżaminat ex ante l-effetti tal-ftehimiet Krka, jikkoinċidi ma’ dak imressaq minn Servier fil-kuntest tal-għaxar motiv tiegħu tal-ewwel istanza. Konsegwentement, mill-motivi esposti fil-punti 480 sa 490 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn din it-tieni parti tar-raba’ motiv tal-ewwel istanza tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, din għandha tiġi miċħuda wkoll.

492    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li għalkemm, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar ċerti motivi tal-ewwel istanza skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fl-intier tagħha, b’tali mod li l-Kawża T‑691/14 għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar teżamina l-motivi ta’ Servier li fir-rigward tagħhom għad ma hemmx deċiżjoni definittiva.

493    Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, imsemmi fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni, tat deċiżjoni dwar diversi motivi tal-ewwel istanza, jiġifieri r-raba’ motiv, biss sa fejn dan jirrigwarda speċifikament il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja Krka, l-ewwel parti tad-disa’ aggravju, u l-għaxar aggravju. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-aggravji b’mod definittiv, ma hemmx iktar lok li l-Qorti Ġenerali teżaminahom.

494    Madankollu, permezz tat-tieni parti tad-disa’ motiv tal-ewwel istanza, Servier isostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat il-ftehim dwar trasferiment u liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina dan il-motiv meta l-kawża tintbagħat lura quddiemha.

495    Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ Servier, hija l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-motivi esposti fil-punti 380 sa 390 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tmien aggravju dwar id-definizzjoni tas-suq tal-perindopril u, konsegwentement, il-ħdax-il aggravju, li għandha tiddeċiedi dwar l-erbatax sas-sbatax-il motiv tal-ewwel istanza relatati ma’ dan il-ksur kif ukoll dwar il-motivi invokati sussidjarjament, sa fejn dawn jirrigwardaw il-kalkolu tal-multa imposta għall-istess ksur.

496    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni parti tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, marbut mal-klassifikazzjoni tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, dwar l-erbatax sas-sbatax-il motiv marbuta mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, u dwar il-motivi sussidjarji, sa fejn dawn jirrigwardaw il-kalkolu tal-multa imposta fir-rigward ta’ dan il-ksur.

 Fuq l-ispejjeż

497    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T691/14, EU:T:2018:922), huma annullati.

2)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni parti tad-disa’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, marbut mal-klassifikazzjoni tal-ftehim dwar trasferiment u ta’ liċenzja Krka konkluż fil5 ta’ Jannar 2007 bejn Les Laboratoires Servier u KRKA, tovarna zdravil, d.d., bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, dwar l-erbatax sas-sbatax-il motiv marbuta mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE previst fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 final tad9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 102 [TFUE] [Każ AT/39612 – Perindopril (Servier)], kif ukoll dwar il-motivi tal-ewwel istanzi invokati sussidjarjament, sa fejn dawn jirrigwardaw il-kalkolu tal-multa imposta fir-rigward ta’ dan il-ksur.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża : il-Franċiż.

OSZAR »
OSZAR »