Language of document : ECLI:EU:C:2024:554

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Membri tal-ġudikatura onorarji u membri tal-ġudikatura ordinarji – Klawżola 5 – Miżuri intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas”

Fil-Kawża C‑41/23 Peigli(i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

AV,

BT,

CV,

DW

vs

Ministero della Giustizia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tas-Sitt Awla, u I. Ziemele, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AV, BT, CV u DW, minn G. Graziani u C. Ingrillì, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis u F. Sclafani, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381) kif ukoll tal-Klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AV, BT, CV u DW, membri tal-ġudikatura onorarji, u l-Ministero della Giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Italja) dwar it-talba ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura intiża sabiex jinkiseb l-istess trattament ekonomiku u ġuridiku bħal dak applikabbli għall-membri tal-ġudikatura ordinarji.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Il-Ftehim qafas

3        Il-Klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprovdi:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

4        Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tistabbilixxi:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tal-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi [għal raġuni] oġġettiva.

2.      Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

[...]”.

5        Skont il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

 IdDirettiva 2003/88

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

 Id-dritt Taljan

7        L-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Il-membri tal-ġudikatura jinħatru permezz ta’ kompetizzjoni.

Il-liġi dwar l-ordinament ġudizzjarju tista’ tippermetti l-ħatra, ukoll permezz ta’ elezzjoni, ta’ membri tal-ġudikatura onorarji għall-funzjonijiet kollha attribwiti lil membri tal-imħallfin uniċi.

[...]”

8        Ir-regio decreto n. 12 – Ordinamento giudiziario (id-Digriet Irjali Nru 12, dwar is-sistema ġudizzjarja), tat-30 ta’ Jannar 1941 (GURI Nru 28, tal-4 ta’ Frar 1941), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 12”), kien jipprovdi, fl-Artikolu 4(1) u (2) tiegħu:

“1. Il-ġudikatura ordinarja hija magħmula minn membri tal-ġudikatura bi prova, imħallfin fi kwalunkwe grad ta’ tribunali u qrati kif ukoll membri tal-ġudikatura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

2. Jappartjenu għall-ġudikatura ordinarja bħala membri tal-ġudikatura onorarji: l-imħallfin konċiljaturi, il-viċi mħallfin konċiljaturi, il-membri tal-ġudikatura onorarji tal-qrati, il-viċi prosekuturi, l-esperti tal-qorti ordinarja u tat-taqsima tal-Qorti tal-Appell tal-minuri u, barra minn hekk, l-assessuri tal-Qorti tal-Kassazzjoni u l-periti tal-ġustizzja tax-xogħol fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.”

9        L-Artikolu 42 bis ta’ dan id-digriet kien jipprovdi “[...] membri tal-ġudikatura onorarji jistgħu jiġu assenjati lill-qorti ordinarja”.

10      Skont l-Artikolu 42 ter tal-imsemmi digriet:

“Il-membri tal-ġudikatura onorarji tal-qorti jinħatru permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja, b’konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, fuq proposta tal-kunsill ġudizzjarju li għandu ġurisdizzjoni territorjali fil-kompożizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-[legge n. 374 – Istituzione del giudice di pace (il-Liġi Nru 374, dwar il-l-istituzzjoni ta’ imħallef konċiljatorju), tal-21 ta’ Novembru1991 (GURI Nru 278, tas-27 ta’ Novembru 1991)]”.

11      L-Artikolu 42 quinquies tad-Digriet Irjali Nru 12 kien jipprovdi li “l-ħatra bħala membru tal-ġudikatura onorarju tal-qorti hija għal tliet snin” u li “[i] id-detentur jista’ jiġi kkonfermat, mal-iskadenza, darba biss”. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li serje ta’ dispożizzjonijiet adottati mis-sena 2005 introduċew derogi għall-possibbiltà li l-membri tal-ġudikatura onorarji jiġu kkonfermati darba biss.

12      L-Artikolu 42 sexies ta’ dan id-digriet kien jipprovdi:

“Il-membru tal-ġudikatura onorarju tal-qorti għandu jieqaf mill-kariga tiegħu:

a)      meta jilħaq l-età ta’ 72 sena;

b)      mal-iskadenza tat-terminu li għalih ikun inħatar jew ġie kkonfermat;

[...]”

13      L-Artikolu 42 septies tal-imsemmi digriet kien jipprovdi:

“Il-membru tal-ġudikatura onorarju tal-qorti għandu josserva, mutatis mutandis, l-obbligi previsti għall-membri tal-ġudikatura ordinarji. Il-membru tal-ġudikatura onorarju għandu dritt biss għall-kumpens u drittijiet oħra espressament mogħtija mil-liġi għal dak li jirrigwarda speċifikament ir-relazzjoni ta’ servizz onorarju.”

14      L-Artikolu 43 bis tal-istess digriet kien jistabbilixxi:

“Il-membri tal-ġudikatura ordinarji u onorarji għandhom jeżerċitaw fil-qorti ordinarja x-xogħol ġudizzjarju fdat lilhom mill-President tal-qorti jew, jekk il-qorti tkun magħmula minn awli, mill-President jew minn membru ieħor li jippresjedi l-awla.

Il-membri tal-ġudikatura onorarji tal-qorti ma jistgħux iżommu seduta, ħlief fil-każ ta’ impediment jew insuffiċjenza ta’ membri tal-ġudikatura ordinarji.

Fil-qafas tal-modalitajiet tal-għoti msemmija fl-ewwel paragrafu, għandu jiġi applikat il-kriterju li ma jingħatax lill-membri tal-ġudikatura onorarji:

a)      f’materji ċivili, it-trattament ta’ proċeduri kawtelatorji u possessorji, bl-eċċezzjoni tat-talbiet imressqa matul il-proċedimenti prinċipali jew tal-kawża li tkun tressqet quddiemha;

b)      f’materji kriminali, il-funzjonijiet ta’ mħallef inkarigat mill-investigazzjoni kriminali u bħala mħallef għas-smigħ preliminari, kif ukoll it-trattament tal-proċeduri minbarra dawk previsti fl-Artikolu 550 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.”

15      L-Artikolu 71 tad-Digriet Irjali Nru 12 kien jipprovdi:

“Membri tal-ġudikatura onorarji jistgħu jiġu assenjati lill-Uffiċċji tal-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan il-qrati ordinarji, bħala viċi prosekuturi, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet indikati fl-Artikolu 72 tal-funzjonijiet l-oħra mogħtija lilhom b’mod speċjali mil-liġi.

Il-viċi prosekuturi onorarji għandhom jinħatru bl-istess mod bħal dak applikabbli għall-membri tal-ġudikatura onorarji tal-qrati. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 42 ter, 42 quater, 42 quinquies u 42 sexies huma applikabbli għalihom.”

16      L-Artikolu 72 ta’ dan id-digriet kien jipprovdi:

“Fil-proċeduri li għalihom il-qorti tiddeċiedi f’kulleġġ ġudikanti b’Imħallef uniku, il-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jistgħu jiġu eżerċitati, permezz ta’ delega nominattiva tal-prosekutur tar-Repubblika lill-qorti ordinarja:

a)      waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, minn imħallfin bi prova, minn viċi prosekuturi onorarji assenjati lis-servizz kompetenti, minn persunal irtirat għal mhux iktar minn sentejn u li eżerċitaw, matul il-ħames snin preċedenti, il-funzjoni ta’ uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, jew permezz ta’ gradwati fid-dritt iskritti fit-tieni sena tal-iskola ta’ speċjalizzazzjoni ta’ sentejn għall-professjonijiet legali msemmija fl-Artikolu 16 tad-[decreto legislativo n. 398 – Modifica alla disciplina del concorso per uditore giudiziario e norme sulle scuole di specializzazione per le professioni legali, a norma dell’articolo 17, commi 113 e 114, della legge 15 maggio 1997, n. 127 (Digriet Leġiżlattiv Nru 398, dwar modifika tar-Regolament tal-Kompetizzjoni għall-imħallfin bi prova u tar-regolament dwar l-iskejjel ta’ speċjalizzazzjoni għall-professjonijiet legali, skont l-Artikolu 17(113) u (114) tal-Liġi Nru 127), tal-15 ta’ Mejju 1997 (GURI Nru 269, tat-18 ta’ Novembru 1997);

b)      waqt is-seduta tal-validazzjoni tal-arrest jew tad-detenzjoni, minn imħallfin bi prova li jkunu lestew perijodu ta’ prova ta’ mill-inqas sitt xhur, u, biss għall-validazzjoni tal-arrest b’dehra diretta, minn viċi prosekuturi onorarji assenjati lis-servizz kompetenti għal mill-inqas sitt xhur;

c)      għat-talba għall-ħruġ ta’ digriet ta’ kundanna kriminali skont l-Artikolu 459(1) u l-Artikolu 565 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, minn viċi prosekuturi onorarji assenjati lis-servizz kompetenti;

d)      fil-proċeduri in camera msemmija fl-Artikolu 127 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-punt (b), fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni għall-finijiet ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 655(2) tal-istess kodiċi, u fil-proċeduri ta’ oppożizzjoni għad-digriet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur dwar il-likwidazzjoni tar-remunerazzjoni tal-esperti, tal-konsulenti tekniċi u tat-tradutturi skont l-Artikolu 11 tal-[legge n. 319 – Compensi spettanti ai periti, ai consulenti tecnici, interpreti e traduttori per le operazioni eseguite a richiesta dell’autorità giudiziaria.(il-Liġi Nru 319, dwar ir-remunerazzjonijiet dovuti lill-esperti, konsulenti tekniċi, interpreti u tradutturi għall-operazzjonijiet imwettqa fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja), tat-8 ta’ Lulju 1980 (GURI Nru 192, tal-15 ta’ Lulju 1980), minn viċi prosekuturi onorarji assenjati lis-servizz kompetenti;

e)      fil-proċedimenti ċivili, minn imħallfin bi prova, viċi prosekuturi onorarji assenjati lis-servizz kompetenti jew gradwati fid-dritt imsemmija fil-punt (a).

Fil-qasam kriminali, jiġi applikat ukoll il-kriterju li jikkonsisti fil-fatt li l-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jiġux iddelegati fir-rigward tal-proċeduri relatati mar-reati minbarra dawk li għalihom il-proċeduri jinbdew permezz ta’ taħrika diretta skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 550 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.”

17      Permezz tad-decreto legislativo Nru 116 – Riforma organica della magistratura onoraria e altre disposizioni sui giudici di pace, nonché disciplina transitoria relativa ai magistrati onorari in servizio, a norma della legge 28 aprile 2016, n. 57 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 – dwar ir-riforma organika tal-ġudikatura onorarja u dispożizzjonijiet oħra dwar il-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja, kif ukoll sistema tranżitorja applikabbli għall-membri tal-ġudikatura onorarji fis-servizz, skont il-Liġi Nru 57, tat-28 ta’ April 2016), tat-13 ta’ Lulju 2017 (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 2017, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 116”), il-leġiżlatur Taljan abroga d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali msemmi fil-punti 8 sa 16 ta’ din is-sentenza.

18      L-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116, kif emendat bil-legge n. 234 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2022 e bilancio pluriennale per il triennio 2022-2024 (il-Liġi Nru 234, dwar il-baġit tal-Istat għas-sena baġitarja 2022 u l-baġit pluriannwali 2022-2024), tat-30 ta’ Diċembru 2021 (GURI no 310, tal-31 ta’ Diċembru 2021, p. 1) jipprovdi:

“1.      Il-membri tal-ġudikatura onorarji fis-servizz fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet jistgħu, fuq talba, jiġu kkonfermati sakemm jilħqu l-età ta’ 70 sena.

2.      Il-membri tal-ġudikatura onorarji fis-servizz fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet li ma jiksbux il-konferma tagħhom, jew minħabba li ma jkunux ressqu talba jew minħabba li ma jkunux eliġibbli abbażi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, għandhom dritt, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ rifjut, għal kumpens ta’ EUR 2 500 gross, qabel it-tnaqqis fiskali għal kull sena ta’ servizz li matulha jkunu pparteċipaw f’seduti għal mill-inqas 80 jum, u għal EUR 1 500 gross, qabel it-tnaqqis tat-taxxa għal kull sena ta’ servizz li matulha jkunu pparteċipaw f’seduti inqas minn 80 jum u, fi kwalunkwe każ fil-limitu globali għal kull persuna ta’ EUR 50 000, gross ta’ tnaqqis fiskali. Is-servizz imwettaq għal perijodi ta’ iktar minn sitt xhur għandu jitqies bħala sena għall-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għall-perijodu preċedenti. Il-fatt li jingħata kumpens iwassal għar-rinunzja għal kull pretensjoni oħra ta’ kwalunkwe natura li tirriżulta mit-tmiem tal-kariga ta’ membru tal-ġudikatura onorarju eżerċitata preċedentement.

3.      Għall-finijiet tal-konferma msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura permezz ta’ deċiżjoni jorganizza tliet proċeduri ta’ evalwazzjoni separati li għandhom isiru kull sena matul il-perjodu ta’ tliet snin 2022–2024. Dawn jikkonċernaw il-membri tal-ġudikatura onorarji fil-funzjoni li, rispettivament, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, ikunu wettqu:

a)      iktar minn 16-il sena ta’ servizz;

b)      bejn 12 u 16-il sena ta’ servizz;

c)      inqas minn 12-il sena ta’ servizz.

[...]

5.      It-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 timplika r-rinunzja ta’ kull pretensjoni oħra, ta’ kwalunkwe natura, li tirriżulta mill-karigi ta’ membru tal-ġudikatura onorarju eżerċitati preċedentement, bla ħsara għad-dritt għall-kumpens previst fil-paragrafu 2 fil-każ ta’ nuqqas ta’ konferma.

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19      AV, BT, CV u DW huma membri tal-ġudikatura onorarji Taljani. Din il-kategorija ta’ membri tal-ġudikatura hija magħmula minn ġuristi li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji barra mill-attività professjonali prinċipali tagħhom, għal perijodu teoretikament limitat, u li ma humiex membri tal-korp tal-ġudikatura. B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ procuratore onorario aggiunto (viċi prosekutur onorarju) u ta’ giudice onorario (membru tal-ġudikatura onorarju).

20      Filwaqt li kienu ilhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għal iktar minn sittax-il sena, dawn tal-aħħar fit-23 ta’ Marzu 2016, adixxew b’rikors lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tal-ewwel istanza fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, intiża, b’mod partikolari, li jiġi rrikonoxxut lilhom l-istess trattament ekonomiku u ġuridiku bħal dak applikabbli għall-membri tal-ġudikatura ordinarji.

21      Peress li dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza ta’ din il-qorti tal-1 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minnha quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

22      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li s-sistema applikabbli għall-membri tal-ġudikatura ordinarji ma hijiex awtomatikament trasponibbli għall-membri tal-ġudikatura onorarji, minħabba d-differenzi, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet Irjali Nru 12, li jikkaratterizzaw il-funzjonijiet, il-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll it-tip ta’ relazzjoni bejn dawn il-membri tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika.

23      B’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-membri tal-ġudikatura onorarji hija distinta minn dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji permezz ta’ diversi elementi essenzjali, jiġifieri, il-mod ta’ reklutaġġ tagħhom, in-natura mhux esklużiva u mhux kontinwa tal-attività ġudizzjarja tagħhom, is-sistema ta’ inkompatibbiltà tal-attivitajiet, it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-limiti tal-attività ġudizzjarja tagħhom, is-sistema tagħhom ta’ remunerazzjoni u ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll in-natura tar-relazzjoni tagħhom mal-amministrazzjoni pubblika.

24      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-membri tal-ġudikatura onorarji jwettqu servizzi reali u effettivi, li la huma purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huma jirċievu kumpens li huwa ta’ natura remuneratorja, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-Klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas.

25      F’dan ir-rigward, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iskema applikabbli għall-membri tal-ġudikatura onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, l-ewwel nett, din l-iskema ċċaħħad lil dawn il-membri tal-ġudikatura mill-possibbiltà li jibbenefikaw mid-dritt għal-leave imħallas kif ukoll minn kull forma ta’ protezzjoni soċjali.

26      It-tieni nett, din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sistema mad-dritt tal-Unjoni peress li diversi atti leġiżlattivi nazzjonali li jidderogaw mill-Artikolu 42 quinquies tad-Digriet Irjali Nru 12, ippermettew li jsir tiġdid suċċessiv tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji u, għalhekk, estensjoni tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-motivi invokati mil-leġiżlatur Taljan sabiex jiġġustifika t-tiġdid suċċessiv tar-relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ dawn il-maġistrati, jiġifieri b’mod partikolari n-neċessità li wieħed jistenna r-riforma strutturali tal-ġudikatura onorarja u li tiġi żgurata, fil-frattemp, il-kontinwità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jistgħux jiġu kklassifikati bħala raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-opportunità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumpensatorji vantaġġużi għall-persuni kkonċernati li jirriżultaw mid-derogi għar-regola prevista fl-Artikolu 42 quinquies tad-Digriet Irjali Nru 12, peress li, bis-saħħa ta’ dawn id-derogi, il-membri tal-ġudikatura onorarji ġew estiżi fil-funzjonijiet tagħhom b’mod kważi awtomatiku.

27      Huwa f’dan iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 2003/88] u l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-giudici onorari (Imħallfini onorarji) tal-qrati u għall-vice procuratori onorari (Viċi-Prosekuturi onorarji) tar-Repubblika, ma tipprevedi ebda dritt għal kumpens matul il-perijodu tal-vaganzi ta’ sospensjoni tal-attivitajiet u għaż-żamma tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni obbligatorja kontra l-inċidenti u l-mard ikkaġunat mix-xogħol?

2)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tal-giudici onorari, li tikklassifika bħala relazzjoni ta’ servizz u mhux bħala relazzjoni ta’ impjieg ma’ amministrazzjoni pubblika, li għaliha tkun prevista sistema bbażata fuq att inizjali ta’ ħatra u fuq konferma mill-ġdid suċċessiva waħda biss, tista’ ssir is-suġġett ta’ estensjonijiet varji stabbiliti minn liġijiet ta’ livell statali, fl-assenza ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi u fin-nuqqas tal-possibbiltà li tali relazzjonijiet jinbidlu f’kuntratti ta’ impjieg ma’ amministrazzjoni pubblika għal żmien indeterminat, f’sitwazzjoni li setgħet toħloq effetti ta’ kumpens favorevoli fl-isfera legali tad-destinatarji, peress li kienu ngħataw, huma stess, estensjoni fil-funzjoni tagħhom b’mod sostanzjalment awtomatiku għal perijodu ta’ żmien ulterjuri?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

28      Skont il-Gvern Taljan, id-domandi preliminari huma inammissibbli.

29      Fir-rigward tal-ewwel domanda, dan il-gvern jenfasizza li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), fid-deċiżjoni tar-rinviju, jindika li d-differenza fit-trattament bejn il-membri tal-ġudikatura ordinarji u l-membri tal-ġudikatura onorarji, fir-rigward tad-dritt għal-leave imħallas u tad-dritt għal skema ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assigurazzjoni obbligatorja li tkopri l-inċidenti u l-mard fuq ix-xogħol, ġiet eliminata wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116, u li jista’ jkun li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni b’analoġija ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv għar-relazzjonijiet li huma s-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali huma ssodisfatti.

30      Għalhekk, qabel ma adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, din il-qorti kellha tanalizza b’mod iktar iddettaljat il-possibbiltà li tapplika fil-kuntest tal-kawża prinċipali, b’analoġija, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 116. Fil-fatt, is-sempliċi evokazzjoni ta’ din l-applikabbiltà possibbli ma tippermettix li tinftiehem ir-rabta li, skont l-imsemmija qorti, teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati u dawk tad-dritt Taljan rilevanti.

31      Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Gvern Taljan iqis li l-istabbilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji, li tirriżulta mill-emenda tal-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju qabel ma tressaq dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-istabbilizzazzjoni trendi l-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-membri tal-ġudikatura onorarji kompatibbli mal-Klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas, li tagħti lit-tieni domanda natura ipotetika.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary (C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 27).

33      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary (C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 28).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod ċar il-kuntest fattwali u ġuridiku tad-domandi preliminari, fil-kuntest ta’ tilwima li ma tidhirx ipotetika jew fittizja. Barra minn hekk, hija rrilevat espressament li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 ma kienx applikabbli, ratione temporis, għall-kawża prinċipali.

35      Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk il-qorti tar-rinviju, li esponiet il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi preliminari, kellhiex twettaq analiżi iktar fil-fond tal-kuntest ġuridiku nazzjonali, li hija tistabbilixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, qabel ma tressaq dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq lewwel domanda

37      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’differenza minn dak li hija tipprevedi għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, teskludi, għall-membri tal-ġudikatura onorarji, kull dritt għall-ħlas ta’ kumpens matul il-perijodu tal-leave li matulu l-attivitajiet ġudizzjarji huma sospiżi kif ukoll għall-benefiċċju ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assigurazzjoni obbligatorja li tkopri inċidenti u mard fuq ix-xogħol.

38      Għandu jitfakkar li l-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprevedi projbizzjoni ta’ trattament, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat li jkun inqas favorevoli minn dak tal-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, biss għar-raġuni li huma jeżerċitaw attività taħt kuntratt għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 32).

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, imsemmi fil-Klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja, maħtur għal perijodu limitat, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 30).

40      Sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja huma membri tal-ġudikatura “onorarji” li jappartjenu għall-ġudikatura ordinarja Taljana, din il-ġurisprudenza tista’ tapplika wkoll għall-membri tal-ġudikatura inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-membri tal-ġudikatura jistgħu għalhekk, bħala prinċipju, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, imsemmi fil-Klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, bil-kundizzjoni li huma jeżerċitaw servizzi reali u effettivi, li la huma purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huma jirċievu kumpens li huwa ta’ natura remuneratorja, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

41      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” fis-sens tal-Klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-kundizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet kif ukoll mal-pensjonijiet li jiddependu fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg, bl-esklużjoni tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-pensjonijiet li jirriżultaw minn skema legali ta’ sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni tax-xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Vega González, C‑158/16, EU:C:2017:1014, punt 30, u tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 36).

42      Konsegwentement, sistema ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assigurazzjoni obbligatorja li tkopri inċidenti u mard fuq ix-xogħol bħal dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji, jekk tiddependi mir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjoni tal-impjieg”, fis-sens tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

43      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens matul il-leave fil-każ ta’ sospensjoni tal-attività ġudizzjarja, bħal dik li jibbenefikaw minnha il-membri tal-ġudikatura ordinarji, għandu jitfakkar li l-“kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmija fil-Klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas jinkludu d-dritt għal-leave annwali mħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 38).

44      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li l-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblika italiana (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 141).

45      Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu, skont il-punt 2 tal-Klawżola 3(2) u l-Klawżola 4(1) ta’ dan il-Ftehim qafas, jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ sett ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblika italiana (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 143).

46      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, minn naħa, issemmi sensiela ta’ differenzi bejn is-sistemi legali u ekonomiċi applikabbli għall-membri tal-ġudikatura inkwistjoni, u tenfasizza, b’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura onorarji, it-tul teoretikament temporanju tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, it-tip ta’ kawżi li dawn il-membri tal-ġudikatura huma awtorizzati jittrattaw kif ukoll ir-remunerazzjoni speċifika tagħhom.

47      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-membri tal-ġudikatura onorarji u il-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom l-istess obbligi u responsabbiltajiet u huma suġġetti għall-istess stħarriġ. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-membri tal-ġudikatura onorarji jeżerċitaw attività ġudizzjarja.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, tiddetermina jekk il-membri tal-ġudikatura onorarji bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblika italiana (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-differenza fit-trattament bejn il-membri tal-ġudikatura ordinarji u l-membri tal-ġudikatura onorarji, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tinsab fil-fatt li, meta mqabbla mal-membri tal-ġudikatura ordinarji li jeżerċitaw funzjonijiet paragunabbli ma’ dawk tal-membri tal-ġudikatura onorarji, dawn tal-aħħar huma mċaħħda kemm minn kull kumpens matul il-perijodu tal-vaganzi li matulu l-attivitajiet ġudizzjarji huma sospiżi kif ukoll mill-benefiċċju tal-iskema ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

50      Għalkemm huwa stabbilit li membri tal-ġudikatura onorarji bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji, għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ikkonstatata għandha tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku li hija tkun tinsab fih u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax bżonn ġenwin, hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura speċifika tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u karatteristiċi inerenti f’dawn jew, jekk ikun il-każ, mill-fatt li qiegħed jiġi segwit għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel nett, li l-għanijiet intiżi mil-leġiżlatur Taljan, jiġifieri li jiġu riflessi d-differenzi fl-eżerċizzju professjonali bejn membri tal-ġudikatura onorarji u membri tal-ġudikatura ordinarji jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas, sakemm ikunu jissodisfaw bżonn ġenwin, ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jkunu neċessarji għal dan il-għan. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-differenzi bejn il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-membri tal-ġudikatura onorarji u tal-membri tal-ġudikatura ordinarji u, b’mod partikolari, l-importanza speċifika mogħtija mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, u b’mod iktar partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni, lill-kompetizzjonijiet speċifikament maħsuba għall-finijiet tar-reklutaġġ tal-membri tal-ġudikatura ordinarji donnhom jindikaw natura partikolari tal-kompiti li għalihom dawn tal-aħħar huma responsabbli u livell differenti tal-kwalifiki mitluba għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn il-kompiti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punti 45 u 46).

53      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inizjali maħsuba speċifikament għall-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-aċċess għall-ġudikatura, li ma hijiex inerenti għall-ħatra tal-membri tal-ġudikatura onorarji, tippermetti li jiġi eskluż li dawn tal-aħħar jibbenefikaw integralment mid-drittijiet tal-membri tal-ġudikatura ordinarji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 47).

54      Madankollu, għalkemm ċerti differenzi fit-trattament jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u min-natura tal-kompiti li l-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom jassumu r-responsabbiltà għalihom, l-esklużjoni ta’ kull dritt għal-leave mħallas kif ukoll ta’ kull forma ta’ protezzjoni soċjali u ta’ previdenza fir-rigward tal-membri tal-ġudikatura onorarji ma tistax tiġi aċċettata fid-dawl tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani), (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 53).

55      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal-leave, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat”.

56      Barra minn hekk, mill-kliem tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom jastjenu ruħhom milli jissuġġettaw għal kwalunkwe kundizzjoni l-eżistenza nfisha tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas, meta jkun xieraq, japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li d-differenza fit-trattament imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza tissodisfa bżonn veru, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hija neċessarja għal dan l-għan, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

59      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’differenza minn dak li hija tipprevedi għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, teskludi, għall-membri tal-ġudikatura onorarji li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, kull dritt għall-ħlas ta’ kumpens matul il-perijodu tal-leave li matulu l-attivitajiet ġudizzjarji huma sospiżi kif ukoll għall-benefiċċju ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assigurazzjoni obbligatorja li tkopri l-inċidenti u l-mard fuq ix-xogħol.

 Fuq ittieni domanda

60      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha r-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji tista’ tiġi sussegwentement imġedda mingħajr ma jkunu previsti, sabiex jiġi limitat l-użu abbużiv ta’ dan it-tiġdid, sanzjonijiet effettivi u dissważivi jew it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

61      Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas jimponi lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol u n-numru ta’ drabi li dawn jistgħu jiġġeddu (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 74).

62      Hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbużi fir-rigward ta’ dan it-tiġdid, madankollu huma ma jistgħux jimminaw l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, (Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 58).

63      B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-Kalwżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandu jinftiehem bħala li huwa intiż għaċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 87).

64      F’dan il-kuntest, it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet li huma, fil-fatt, ta’ natura mhux provviżorja, iżda, għal kuntrarju, permanenti u li jdumu fiż-żmien ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, tali użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat imur direttament kontra l-premessa li fuqha huwa bbażat dan il-ftehim qafas, jiġifieri li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, anki jekk il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      L-osservanza tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas tirrikjedi għalhekk li jkun jista’ jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat huwa intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li dispożizzjoni nazzjonali ma tiġix użata, fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-derogi introdotti mil-leġiżlazzjoni Taljana għar-regola stabbilita mill-Artikolu 42 quinqies tad-Digriet Irjali Nru 12, li tipprovdi li l-membru tal-ġudikatura onorarju jinħatar għal perijodu ta’ tliet snin u li r-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tiġġedded darba biss, ippermettew li r-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġġedded diversi drabi. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li din il-leġiżlazzjoni pprovdiet “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi jew il-possibbiltà li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi ttrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

67      Skont il-Gvern Taljan, dawn id-derogi ġew introdotti bħala “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, sabiex jiġġustifikaw it-tiġdid tar-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji. Fil-fatt, dan it-tiġdid kien neċessarju, fl-istennija ta’ riforma strutturali tal-maġistratura onorarja, li seħħet biss fl-2021, sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-kontinwità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jintlaħaq mir-Repubblika Taljana, li jiġġustifika t-tiġdid ta’ ċerti relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ membri tal-ġudikatura onorarji.

69      Madankollu, għandu jitfakkar li r-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li daħlu fis-servizz mis-sena 1995, ġiet imġedda diversi drabi u li kien biss fl-2021, wara r-reviżjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116, li l-leġiżlatur Taljan introduċa mekkaniżmu li jippermetti l-istabbilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-tiġdid tar-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tan-numru tagħhom, jidher li ntuża sabiex ikopri bżonnijiet li ma humiex ta’ natura provviżorja, minħabba, pereżempju, żieda f’daqqa u imprevedibbli tal-kontenzjuż, iżda sabiex jiġu kkumpensati l-bżonnijiet permanenti u fit-tul tas-sistema ġudizzjarja Taljana.

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ kull sanzjoni ta’ natura li tipprevjeni u, skont il-każ, li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja Taljani) (C‑236/20, EU:C:2022:263), dwar leġiżlazzjoni applikabbli għall-membri tal-ġudikatura onorarji, ċertament differenti minn dik li tirriżulta mid-Digriet Irjali Nru 12, iddeċidiet li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tista’ tkun is-suġġett, bħala massimu, ta’ tliet istanzi ta’ tiġdid suċċessivi, kull tiġdid ta’ erba’ snin, għal tul totali ta’ mhux iktar minn sittax-il sena, u li ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi ssanzjonat b’mod effettiv u dissważiv it-tiġdid abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol.

72      Konsegwentement, bla ħsara għall-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex iġġustifikata minn “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, li tippermetti li jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

73      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-argument li t-tiġdid tar-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom effetti allegatament pożittivi, peress li tali effetti ma jikkostitwixxux ċirkustanzi li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, kif interpretata mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha r-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji tista’ tiġi sussegwentement imġedda mingħajr ma jkunu previsti, sabiex jiġi limitat l-użu abbużiv ta’ dan it-tiġdid, sanzjonijiet effettivi u dissważivi jew it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

 Fuq lispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’differenza minn dak li hija tipprevedi għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, teskludi, għall-membri tal-ġudikatura onorarji li jinsabu f’kundizzjoni paragunabbli, kull dritt għall-ħlas ta’ kumpens matul il-perijodu tal-leave li matulu l-attivitajiet ġudizzjarji huma sospiżi kif ukoll għall-benefiċċju ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assigurazzjoni obbligatorja li tkopri l-inċidenti u l-mard fuq ix-xogħol.

2)      Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha r-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura onorarji tista’ tiġi sussegwentement imġedda mingħajr ma jkunu previsti, sabiex jiġi limitat l-użu abbużiv ta’ dan it-tiġdid, sanzjonijiet effettivi u dissważivi jew it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


iL-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

OSZAR »
OSZAR »