Language of document : ECLI:EU:C:2024:561

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C579/23 P

Cunsorziu di i Salamaghji Corsi — Consortium des Charcutiers Corses,

Charcuterie Fontana,

Costa et fils,

L’Aziana,

Charcuterie Passoni,

Orezza — Charcuterie la Castagniccia,

Salaisons réunies,

Salaisons Joseph Pantaloni,

Antoine Semidei,

L’Atelu Corsu

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell — Agrikoltura — Regolament (UE) Nru 1151/2012 — Protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini (DOP) u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠP) — Ċaħda tal-applikazzjonijiet għal ‘Jambon sec de l’Île de Beauté’, ‘Lonzo de l’Île de Beauté’ u ‘Coppa de l’Île de Beauté’ — Eliġibbiltà tal-ismijiet — Evokazzjoni tad-DOP preċedenti ‘Jambon sec de Corse/Prisuttu’, ‘Lonzo de Corse/Lonzu’ u ‘Coppa de Corse/Coppa di Corsica’ — Portata tal-kontroll tal-Kummissjoni Ewropea tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”






1.        Dan l-appell huwa ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2023 (2), li ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1879 (3), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta’ tliet indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (iktar ’il quddiem l-“IĠP”).

2.        L-Unjoni Ewropea għandha sistema żviluppata ħafna ta’ protezzjoni tal-ismijiet irreġistrati ta’ prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel (4). Din is-sistema għadha kemm ġiet imsaħħa, mibdula u unifikata mit‑13 ta’ Mejju 2024 permezz tar-Regolament (UE) 2024/1143 (5) li jistabbilixxi sistema iktar unifikata għall-indikazzjonijiet ġeografiċi dwar l-inbejjed, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli u li jidderoga mir-Regolament Nru 1151/2012. Dan ir-Regolament 2024/1143 ġdid ma huwiex applikabbli għal din il-kawża, madankollu d-dispożizzjonijiet tiegħu huma kważi għalkollox simili għal dawk tar-Regolament Nru 1151/2012 fir-rigward ta’ kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża.

3.        Ir-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni komuni u ċentralizzata għall-Unjoni kollha, kemm jekk tikkonċerna denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (iktar ’il quddiem “DOP”) jew IĠP.

4.        L-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-IĠP jiġu pproċessati permezz ta’ proċedura amministrattiva komposta, li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.

5.        Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat prinċipalment tilwim dwar il-fażi “nazzjonali” ta’ din il-proċedura. Dan l-appell ser jippermettilha tanalizza sa liema punt il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta, fil-fażi “Ewropea” tal-proċedura, l-inklużjoni fir-reġistru (6) ta’ diversi IĠP approvati qabel mill-awtoritajiet Franċiżi.

I.      Ilkuntest ġuridiku: irRegolament Nru 1151/2012

6.        Il‑premessa 58 tgħid:

“Sabiex ikun żgurat li l-ismijiet irreġistrati ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi kif ukoll ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet minimi komuni, li jinkludu proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-applikazzjonijiet biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti u li jkun ittieħed kont tal-liġi tal-Unjoni u tal-interessi tal-partijiet interessati barra l-Istat Membru tal-applikazzjoni”.

7.        L-Artikolu 13 (“Protezzjoni”) jindika:

“1.      L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

[…]

b)      kwalunkwe użu skorrett, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat b’espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’ jew xi espressjoni simili, inkluż il-każ meta dawk il-prodotti jintużaw bħala ingredjent;

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji adatti biex jimpedixxu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li huma prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru.

[…]”.

8.        L-Artikolu 49 (“Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet”) jipprovdi:

“1.      L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet taħt l-iskemi tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 48 jistgħu jiġu ppreżentati biss minn gruppi li jaħdmu bil-prodotti bl-isem li għandu jiġi rreġistrat.

[…]

2.      Fejn l-applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II tkun relattiva għal żona ġeografika fi Stat Membru, jew fejn applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III tkun imħejjija minn grupp stabbilit fi Stat Membru, l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru għandu jiskrutinja bir-reqqa l-applikazzjoni b’mezzi adatti sabiex jivverifika li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva.

3.      Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni u li tipprovdi għal perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni.

L-Istat Membru għandu jeżamina l-ammissibbiltà tal-oppożizzjonijiet riċevuti taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 10(1), jew l-ammissibbiltà ta’ oppożizzjonijiet riċevuti taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 21(1).

4.      Jekk, wara li jivvaluta kull oppożizzjoni li jkun irċieva, l-Istat Membru jqis bħala li ġew sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta dossier ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni. F’tali każ huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-oppożizzjonijiet ammissibbli riċevuti minn xi persuna naturali jew ġuridika li tkun legalment ikkummerċjalizzat il-prodotti inkwistjoni, bl-użu tal-ismijiet ikkonċernati b’mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell.

L-Istat Membru għandu jiżgura li l-verżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata, u għandu jipprovdi aċċess elettroniku għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

B’referenza għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, l-Istat Membru għandu jiżgura wkoll il-pubblikazzjoni adegwata tal-verżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li dwarha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 50(2).

5.      Fejn l-applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II tkun relattiva għal żona ġeografika f’pajjiż terz, jew fejn applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III tkun imħejjija minn grupp stabbilit f’pajjiż terz, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat.

[…]”.

9.        L-Artikolu 50 (“Skrutinju mill-Kummissjoni u pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”) jistipula:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tiskrutinja b’mezzi adatti kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi taħt l-Artikolu 49, sabiex tivverifika li din tkun iġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva. Dan l-iskrutinju ma għandux jieħu iktar minn sitt xhur. Fejn jinqabeż dan il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tindika bil-miktub lill-applikant ir-raġunijiet għad-dewmien.

Il-Kummissjoni għandha, għall-inqas kull xahar, tagħmel pubblika l-lista ta’ ismijiet li għalihom ġew ippreżentati lilha applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, kif ukoll id-data tal-preżentazzjoni tagħhom.

[…]”.

10.      L-Artikolu 52 (“Deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni”) jiddetermina:

“1.      Fejn, abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni mill-iskrutinju li jsir taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1), il-Kummissjoni tqis bħala mhux sodisfatti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

2.      Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda avviż ta’ oppożizzjoni jew l-ebda dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli taħt l-Artikolu 51, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 57(2), li jirreġistraw l-isem.

3.      Jekk il-Kummissjoni tirċievi dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli, hija għandha, wara li jsiru l-konsultazzjonijiet adegwati msemmija fl-Artikolu 51(3), u b’kont meħud tar-riżultati tagħhom, jew:

a)      jekk ikun intlaħaq qbil, tirreġistra l-isem permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 57(2), u, jekk ikun meħtieġ, temenda l-informazzjoni ppubblikata taħt l-Artikolu 50(2) sakemm dawn l-emendi ma jkunux sostanzjali; jew

b)      jekk ma jintlaħaqx qbil, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedu dwar ir-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

4.      L-atti ta’ reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”.

II.    Ilfatti

11.      Il-fatti li wasslu għall-kawża huwa msemmijin fil-punti 4 sa 9 tas-sentenza appellata, f’termini li ser insemmi fil-qosor hawn taħt.

12.      L-ismijiet “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu”, “Lonzo de Corse”/“Lonzo de Corse — Lonzu” u “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” ġew irreġistrati fit‑28 ta’ Mejju 2014 bħala DOP permezz ta’ tliet regolamenti ta’ implimentazzjoni (7).

13.      F’Diċembru 2015, il-Consortium des Charcutiers Corses ippreżenta lill-awtoritajiet nazzjonali Franċiżi seba’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala IĠP skont ir-Regolament Nru 1151/2012. Is-seba’ applikazzjonijiet kienu jikkonċernaw l-ismijiet li ġejjin: “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Coppa de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté”, “Saucisson sec de l’Île de Beauté”, “Pancetta de l’Île de Beauté”, “Figatelli de l’Île de Beauté” u “Bulagna de l’Île de Beauté”.

14.      Fl‑20 ta’ April 2018, il-minister de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, Franza) u l-minister de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, Franza) approvaw seba’ digrieti li permezz tagħhom intlaħaq qbil dwar l-approvazzjoni tas-seba’ speċifikazzjonijiet korrispondenti, bil-ħsieb li jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

15.      Fis‑27 ta’ Ġunju 2018, permezz ta’ kawżi mressqa quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, li jaġixxi bħala l-Qorti Suprema Amministrattiva, Franza), is-sindakat detentur (8) tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Jambon sec de Corse — Prisuttu”, “Coppa de Corse — Coppa di Corsica” u “Lonzo de Corse — Lonzu” talab l-annullament tad-digrieti tal‑20 ta’ April 2018 dwar l-approvazzjoni tal-ispeċfikazzjonijiet tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Coppa de l’Île de Beauté” u “Lonzo de l’Île de Beauté”. Skont dak is-sindakat, b’mod partikolari, it-terminu “Île de Beauté” kien jimita jew jevoka t-terminu “Corse” u għaldaqstant kien jagħti lok għal konfużjoni mal-ismijiet diġà rreġistrati bħala DOP.

16.      Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni s-seba’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala IĠP tal-ismijiet taz-zalzett Korsiku.

17.      Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala IĠP tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté”, il-Kummissjoni bagħtet żewġ ittri, fit‑12 ta’ Frar 2019 u fl‑24 ta’ Novembru 2020, lill-awtoritajiet Franċiżi fejn talbet kjarifiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-ineliġibbiltà possibbli tagħhom.

18.      L-awtoritajiet nazzjonali wieġbu li, fl-opinjoni tagħhom, iż-żewġ gruppi ta’ prodotti (jiġifieri d-DOP irreġistrati u l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni bħala IĠP) kienu evidentement differenti fir-rigward tal-prodotti u li l-ismijiet dehru li kienu distinti biżżejjed għalihom.

19.      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (dwar l-isem “Jambon sec de l’Île de Beauté” (IĠP)) u żewġ sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2020 (dwar rispettivamentl-ismijiet “Coppa de l’Île de Beauté” (IĠP) u “Lonzo de l’Île de Beauté” (IĠP)), il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad it-tliet rikorsi ppreżentati mis-sindakat li jmexxi d-DOP.

20.      B’mod partikolari, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li “[…] ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li d-digriet ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet […] tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament [Nru 1151/2012]” (punt 5 tat-tliet sentenzi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat)).

21.      Wara li analizzat l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tas-seba’ IĠP għaz-zalzett Korsiku, il-Kummissjoni ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta’ tlieta minnhom fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/1879. Min-naħa l-oħra, hija approvat l-erba’ applikazzjonijiet l-oħra mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi (9).

III. Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali

22.      Fl‑20 ta’ Jannar 2022, il-Consortium des Charcutiers Corses u diversi produtturi assoċjati ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi annullata d-Deċiżjoni kontenzjuża.

23.      Fit‑12 ta’ Lulju 2023, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament u kkundannat lill-appellanti jħallsu l-ispejjeż.

24.      L-appellanti invokaw żewġ motivi għal annullament: a) li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha; u b) li l-awtoritajiet nazzjonali u l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ipproduċew prova suffiċjenti tal-konformità tat-tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni mal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012.

25.      Ir-raġunijiet li, skont il-Qorti Ġenerali, iddeterminaw iċ-ċaħda tar-rikors kienu, fil-qosor, dawn li ġejjin:

–        Il-Kummissjoni, li skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni jekk hija tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni ma humiex issodisfatti, ma tistax tkun obbligata tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ isem jekk hija tqis bħala illegali l-użu tiegħu fil-kummerċ.

–        Il-kwistjoni tal-evokazzjoni ma hijix relatata mal-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tal-istess regolament tikkostitwixxi bażi legali valida għar-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ isem (10).

–        Anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali jqisu, ladarba jkunu ttrażmettewha lill-Kummissjoni, li applikazzjoni għal reġistrazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet.

–        Il-Kummissjoni, meta tirreġistra isem bħala DOP jew IĠP, għandha marġni ta’ evalwazzjoni awtonomu, peress li hija obbligata tivverifika, konformement mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1151/2012, li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma ssodisfatti.

–        Fil-każ tal-IĠP Korsiċi, il-Kummissjoni kienet wettqet eżami eżawrjenti tal-applikazzjonijiet tal-appellanti.

–        Il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mill-kompetenzi tagħha billi ċaħdet l-applikazzjonijiet tal-IĠP ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi (11). Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni differenti skont jekk tkunx l-ewwel fażi tal-proċedura (li fiha jinġabru d-dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali possibbilment jibagħtu lill-Kummissjoni), jew it-tieni fażi ta’ dik il-proċedura (li tikkorrispondi għall-eżami tagħha stess ta’ dik l-applikazzjoni).

–        Filwaqt li, fl-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ fażijiet, il-Kummissjoni għandha biss marġni ta’ evalwazzjoni “limitat jew ineżistenti”, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li tirreġistra isem bħala DOP jew IĠP, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tiegħu. Fil-każ tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni awtonomu.

–        Il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-tliet IĠP miċħuda jevokaw l-ismijiet protetti mid-DOP preċedenti, ladarba jiġi aċċettat li t-termini “Corse” u “Île de Beauté” huma sinonimi u jindikaw l-istess żona ġeografika. Il-prossimità kunċettwali taż-żewġ termini hija murija b’mod effettiv.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26.      Fid‑19 ta’ Settembru 2023, il-Consortium des Charcutiers Corses u l-produtturi assoċjati ppreżentaw dan l-appell.

27.      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        Tannulla s-sentenza appellata.

–        Tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża.

–        Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

28.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        Tiċħad l-appell.

–        Tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

29.      Bħala bażi għall-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji:

–        Il-ksur tal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012.

–        Il-ksur tal-Artikoli 49, 50 u 52 tar-Regolament Nru 1151/2012.

–        Il-ksur tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1151/2012 kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.

–        Il-ksur tal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

30.      Minn dawn l-erba’ aggravji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien meħtieġ li jiġu ppreżentati konklużjonijiet fir-rigward tal-ewwel tnejn. Jiena ser neżaminahom billi nibda mit-tieni wieħed li, mil-lat loġiku, jidhirli li għandu jingħata prijorità, peress li jaffettwa l-kompetenzi tal-Kummissjoni, iktar milli s-sustanza tad-deċiżjoni tagħha.

V.      Ittieni aggravju

A.      Largumenti talpartijiet

31.      L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, previst mill-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 1151/2012 għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP (12).

32.      Fl-opinjoni tagħhom, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni limitat fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni u għandha biss il-possibbiltà li tivverifika l-korrettezza formali tal-applikazzjoni għal IĠP trażmessa mill-awtoritajiet nazzjonali u li tanalizza jekk wettqux żball manifest fil-fażi nazzjonali tal-proċedura.

33.      Il-Kummissjoni topponi dan ir-raġunament u tikkonferma r-rilevanza tar-raġunament u tas-soluzzjoni adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

B.      Evalwazzjoni

34.      Ir-reġistrazzjoni ta’ IĠP tiġi pproċessata permezz ta’ proċedura amministrattiva komposta, li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru u l-Kummissjoni. Dan huwa enfasizzat fil-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012 (13).

35.      Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP(14) tikkonsisti fl-ewwel fażi nazzjonali, irregolata mill-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1151/2012. Tibda bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP, li l-grupp ta’ produtturi kkonċernati jippreżentaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinsab ġeografikament iż-żona ta’ produzzjoni.

36.      L-awtorità nazzjonali għandha tiskrutinja bir-reqqa l-applikazzjoni b’mezzi adatti sabiex tivverifika li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 1151/2012 (15). L-Istat Membru jiggarantixxi l-pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni, flimkien ma’ perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq l-oppożizzjoni tagħha (16).

37.      L-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni li jkunu rċevew u jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012. Jekk l-evalwazzjoni tagħhom tkun pożittiva, huma jadottaw deċiżjoni favorevoli. Għandhom jiżguraw ukoll il-pubblikazzjoni u l-aċċess b’mezzi elettroniċi għall-ispeċifikazzjonijiet li fuqhom ikunu bbażaw id-deċiżjoni favorevoli tagħhom (17). Barra minn hekk, l-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tippreżenta appell (18).

38.      Jekk id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tkun favorevoli, il-fażi nazzjonali tilħaq il-qofol tagħha bit-trażmissjoni lill-Kummissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP, akkumpanjat mill-oppożizzjonijiet ammissibbli rċevuti (19).

39.      Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP minn Stati terzi, loġikament, ma teżisti l-ebda fażi nazzjonali. Il-proċedura ssir quddiem il-Kummissjoni, li għandha l-kompetenzi kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet (20).

40.      Il-fażi Ewropea tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-IĠP, irregolata mill-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1151/2012, tibda bl-eżami li għandu jsir mill-Kummissjoni, ladarba tirċievi d-deċiżjoni nazzjonali, sabiex tivverifika li l-applikazzjoni hija ġġustifikata u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-IĠP.

41.      Jekk, b’riżultat ta’ dan l-eżami (li ma għandux idum iktar minn sitt xhur), il-Kummissjoni tqis li “mhux sodisfatti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni”, hija tirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP (21). Min-naħa l-oħra, jekk taċċettaha, tippubblika fil-ĠU d-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott (22).

42.      Wara l-pubblikazzjoni fil-ĠU, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita f’pajjiż terz, jistgħu jikkomunikaw l-oppożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tittrażmetti dan l-avviż lill-awtorità tal-Istat Membru li jkun ippreżenta l-applikazzjoni (23) u tinfetaħ proċedura jekk din l-oppożizzjoni tiġi kkonfermata (24).

43.      Jekk ma jiġi rċevut l-ebda avviż ta’ oppożizzjoni (jew ebda dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli), il-Kummissjoni ser tieħu d-deċiżjoni li tirreġistra l-IĠP. Il-Kummissjoni taġixxi bl-istess mod jekk, wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li tkun ammissibbli, ikun intlaħaq ftehim wara l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 1151/2012. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-Kummissjoni ser tadotta, fejn xieraq, l-atti ta’ implimentazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP (25).

44.      Fi kwalunkwe każ, l-atti ta’ reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni tal-IĠP ser jiġu ppubblikati fil-ĠU (26).

45.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ din il-proċedura amministrattiva komposta. B’differenza minn dak li jseħħ fil-proċeduri komposti li jeżistu fil-qafas tal-unjoni bankarja (27) (fejn il-fażi nazzjonali hija sempliċement preparatorja għall-fażi Ewropea, li fiha l-istituzzjoni jew l-organu tal-Unjoni jkollhom il-kompetenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet), il-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP hija indipendenti, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw deċiżjonijiet b’effetti fuq partijiet terzi (u mhux sempliċement preparatorji), suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali.

46.      Fis-sentenza GAEC Jeanningros (28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonsolidat il-ġurisprudenza tagħha dwar il-fażi nazzjonali tal-proċeduri tar-reġistrazzjoni tal-IĠP. Hija enfasizzat, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet tal-Istat Membru korrispondenti għandhom setgħa deċiżjonali speċifika u awtonoma f’din il-fażi nazzjonali.

47.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, fis-sens li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġi rreġistrat isem bħala indikazzjoni ġeografika protetta tista’ tittieħed mill-Kummissjoni biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ressqilha applikazzjoni għal dan il-għan u li tali applikazzjoni tista’ ssir biss jekk dan l-Istat Membru jkun ivverifika li din kienet iġġustifikata. Din is-sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li r-reġistrazzjoni tippreżupponi l-verifika li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, u dan jirrikjedi, b’mod sinjifikattiv, għarfien iddettaljat ta’ elementi partikolari marbuta mal-Istat Membru kkonċernat, elementi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat huma fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw” (29).

48.      Skont din il-ġurisprudenza, l-awtorità nazzjonali għandha kontroll tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-IĠP, li huwa ġġustifikat, fost l-oħrajn (30), għar-raġunijiet li ġejjin:

–        Il-gruppi ta’ produtturi għandhom b’mod obbligatorju jibdew din il-proċedura quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li l-IĠP tinsab fit-territorju tiegħu. Dawn il-gruppi ma jistgħux jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom direttament lill-Kummissjoni.

–        L-awtorità nazzjonali tivverifika l-kompatibbiltà tal-proposta mar-rekwiżiti sostantivi tar-Regolament Nru 1151/2012, peress li hija dik li għandha l-iktar għarfien sod sabiex tivverifika l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti li jixtiequ l-protezzjoni ta’ IĠP.

–        L-awtorità tal-Istat Membru hija kompetenti sabiex tapprova jew tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP fil-fażi nazzjonali. Għalhekk għandha ċ-ċavetta sabiex tiftaħ l-istadju sussegwenti tal-proċedura, billi tittrażmetti l-applikazzjoni lill-Kummissjoni. Mingħajr deċiżjoni favorevoli mill-awtorità nazzjonali, il-Kummissjoni ma tistax tirreġistra IĠP.

–        L-awtorità nazzjonali tista’ tirtira l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP ippreżentata lill-Kummissjoni, qabel ma din tal-aħħar tirreġistraha.

49.      Peress li l-kontroll tal-fażi nazzjonali ta’ din il-proċedura komposta huwa f’idejn l-awtorità nazzjonali, id-deċiżjonijiet tagħha ma humiex sempliċement atti preparatorji għad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni, iżda pjuttost huma indipendenti u jipproduċu effetti legali għall-applikanti tal-IĠP. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti kontroll mill-qrati nazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta’ IĠP (31).

50.      Skont l-appellanti, in-natura sostantiva tal-fażi nazzjonali tal-proċedura ddgħajjef il-fażi Ewropea tagħha sal-punt li l-Kummissjoni jkollha tillimita lilha nnifisha sabiex tivverifika li l-fajl mibgħut mill-awtorità nazzjonali jkun komplet u tivverifika li din l-awtorità nazzjonali ma tkunx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

51.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, peress li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-fażi Ewropea tal-proċedura toffri lill-Kummissjoni tali marġni ta’ deċiżjoni mnaqqas, l-appellanti jsostnu li hija wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 1151/2012.

52.      Għall-kuntrarju, jien nemmen li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi.

53.      Il-Kummissjoni teżamina l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali “biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti u li jkun ittieħed kont tal-liġi tal-Unjoni u tal-interessi tal-partijiet interessati barra l-Istat Membru tal-applikazzjoni” (32).

54.      L-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jikkonferma li l-Kummissjoni “għandha tiskrutinja b’mezzi adatti kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi taħt l-Artikolu 49, sabiex tivverifika li din tkun iġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva”. Bħala riżultat ta’ dan l-iskrutinju, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-applikazzjoni meta “tqis bħala mhux sodisfatti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni” (Artikolu 52(1) tar-Regolament).

55.      Għalkemm ir-Regolament Nru 1151/2012 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “skrutinju”, il-qari tad-dispożizzjonijiet imsemmija sa issa ta’ dan ir-regolament jenfasizza li, fit-twettiq tiegħu, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u li għandha marġni awtonoma ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet dan fis-sentenza appellata (punt 44).

56.      Fil-fażi Ewropea tal-proċedura, il-Kummissjoni għandha tivverifika tliet elementi, li kull wieħed minnhom għandu loġika tiegħu:

–        L-assenza ta’ żbalji manifesti fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP mill-awtoritajiet tal-Istat Membru.

–        L-osservanza tal-interessi tal-partijiet involuti u kkonċernati li ma jappartjenux għall-Istat Membru tal-applikazzjoni (33).

–        Il-konformità, fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP mibgħuta mill-awtoritajiet nazzjonali, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli.

57.      Għalhekk, il-Kummissjoni, l-ewwel, għandha setgħa ta’ kontroll tal-iżbalji manifesti li l-awtoritajiet nazzjonali setgħu wettqu fil-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP. Huwa loġiku li dan għandu jkun il-każ, peress li tali awtoritajiet għandhom setgħa sostantiva ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’din il-fażi, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali.

58.      Ir-riferment tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza GAEC Jeanningros, punt 25) għall-“marġni ta’ diskrezzjoni limitata jew ineżistenti” tal-Kummissjoni fil-proċeduri ta’ emendi għall-ispeċifikazzjonijiet u ta’ reġistrazzjoni tal-IĠP jirreferi, kif indikat sew il-Qorti Ġenerali, għall-fażi nazzjonali tal-proċedura (34). Ir-raġunament li jinsab f’sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja (35) għandu jinftiehem fl-istess sens.

59.      Madankollu, fil-fażi Ewropea ta’ dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni għandha, kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali (36), marġni ta’ evalwazzjoni awtonomu u ma hijiex marbuta mill-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Hija tista’ taċċetta jew tiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ IĠP meta tevalwa jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa humiex issodisfatti jew le.

60.      Is-setgħa deċiżjonali awtonoma tal-Kummissjoni fil-fażi Ewropea ta’ din il-proċedura tmur lil hinn mis-sempliċi verifika ta’ żbalji formali u manifesti fl-ipproċessar nazzjonali tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi sħiħa tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni approvata mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tivverifika li hija tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012.

61.      Din l-analiżi kompleta tista’ twassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni differenti minn dik meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan ġara, parzjalment, f’din il-kawża (37).

62.      Is-setgħa tal-Kummissjoni sabiex tipproċessa u tiddeċiedi dwar oppożizzjonijiet transnazzjonali, ippreżentati minn partijiet interessati minn Stati Membri oħra fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ IĠP (Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012), tikkorrobora l-kompetenza awtonoma tagħha li tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni (38).

63.      Bl-istess mod, l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP, stabbiliti bir-Regolament Nru 1151/2012, teħtieġ li, fil-fażi Ewropea tal-proċedura, il-Kummissjoni tgawdi setgħa awtonoma li biha tistabbilixxi l-prattika uniformi li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Kieku ma jkollhiex din is-setgħa awtonoma ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ikun hemm riskju sinjifikattiv ta’ applikazzjoni ddifferenzjata tal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP fl-Istati Membri.

64.      Il-fażi Ewropea tal-proċedura tkun nieqsa mill-aspett sostantiv tagħha jekk il-Kummissjoni tkun obbligata ssegwi l-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali u ma tkunx tista’ tiċħad l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni li dawn l-awtoritajiet kienu approvaw. Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP stabbilita bir-Regolament Nru 1151/2012 ma tibqax proċedura komposta reali jekk il-fażi Ewropea tagħha tiġi żnaturata billi jitnaqqsu drastikament is-setgħat tal-Kummissjoni.

65.      Għaldaqstant, nikkunsidra, bħall-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tivverifika li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-IĠP ippreżentata mill-awtoritajiet nazzjonali tkun konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

VI.    Lewwel aggravju

A.      Largumenti talpartijiet

66.      L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali żiedet illegalment mal-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ IĠP, iddefiniti fl-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 1151/2012, ir-rekwiżit li l-isem li r-reġistrazzjoni tiegħu hija mitluba bħala IĠP ma jkunx jikser il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni, stabbilita permezz tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

67.      Fil-fehma tagħhom, is-sentenza appellata tindika b’mod korrett (punti 29 u 30) li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 ma jirreferix għar-reġistrazzjoni, iżda għall-portata tal-protezzjoni tal-ismijiet irreġistrati, u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni “ma tistax, waħedha, tikkostitwixxi l-bażi legali taċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni”.

68.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddevjat minn din il-konstatazzjoni u wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 32 sa 40 tas-sentenza appellata:

–        L-ewwel, hija taċċetta li l-Kummissjoni għandha kompetenza sabiex tapplika l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, meta l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jirriżerva din is-setgħa għall-Istati Membri.

–        It-tieni, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1151/2012 jirrikjedi biss li l-isem jintuża fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni, li jirrappreżenta element fattwali oġġettiv li l-legalità tiegħu ma hijiex suġġetta għall-evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni. L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament ma huwiex relatat mal-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

–        It-tielet, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali taċċetta (punti 38 u 39 tas-sentenza appellata), il-Kummissjoni ma għandhiex il-mezzi u l-għarfien fil-fond tat-tradizzjonijiet lokali, id-drawwiet tal-konsumatur, l-istorja u l-kultura u l-fatti miġbura fil-fajl, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom. Dawn tal-aħħar, preċiżament, eskludew ir-riskju ta’ evokazzjoni f’din il-kawża.

69.      Il-Kummissjoni topponi dawn l-argumenti u tiddefendi l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 7(1)(a) u 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, li l-Qorti Ġenerali approvat. Din l-applikazzjoni ssir għall-ewwel darba minħabba l-partikolarità tas-sitwazzjoni li nqalgħet fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni.

B.      Evalwazzjoni

70.      Il-partikolarità tas-sitwazzjoni li tirreferi għaliha l-Kummissjoni ġejja minn sensiela ta’ avvenimenti li għandhom jitfakkru:

–        Mit‑28 ta’ Mejju 2014, l-ismijiet “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu”, “Lonzo de Corse”/“Lonzo de Corse — Lonzu”, “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” ġew irreġistrati bħala DOP permezz tar-Regolamenti kkorrelatati.

–        F’dawn ir-regolamenti, ingħata perijodu tranżitorju, li skada fis‑27 ta’ April 2017, lil ċerti impriżi stabbiliti f’Korsika li użaw dawk l-ismijiet, sabiex ikomplu jipproduċu prodotti b’karatteristiċi differenti minn dawk previsti fl-ispeċifikazzjonijiet.

–        Dan ippermetta lill-produtturi kkonċernati jadattaw għar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet approvati fil-livell tal-Unjoni jew, jekk le, jimmodifikaw l-isem tal-bejgħ użat.

–        Matul il-perijodu tranżitorju, dawn l-impriżi ħolqu prodotti fl‑2014 u kkummerċjalizzawhom mill‑2015 bl-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté”.

–        L-awtoritajiet Franċiżi ttolleraw il-koeżistenza, bejn l‑2015 u April 2017, tat-tliet DOP irreġistrati fl‑2014 bit-tliet ismijiet jirreferu għall-istess tip ta’ zalzett Korsiku.

–        Il-kumpanniji li bbenefikaw mill-perijodu tranżitorju ppreżentaw applikazzjonijiet quddiem l-awtoritajiet Franċiżi għar-reġistrazzjoni bħala IĠP tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté”, li ntbagħtu lill-Kummissjoni fis‑17 ta’ Awwissu 2018, jiġifieri, f’data li fiha ismijiet bħal dawn ma setgħux jibqgħu jintużaw legalment, ladarba l-perijodu tranżitorju ntemm.

–        L-awtoritajiet Franċiżi approvaw dawn it-tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bil-fehma li ma kinux jikkostitwixxu evokazzjoni tad-DOP irreġistrati (39). Huma sostnew, f’dan is-sens, li: i) iż-żewġ gruppi ta’ prodotti (jiġifieri d-DOP irreġistrati u l-kandidati tal-IĠP) ikunu differenti b’mod ċar fir-rigward tal-materji primi (razez, piż tal-karkassi), deskrizzjonijiet, speċifikazzjonijiet, volumi ta’ produzzjoni u prezzijiet tal-bejgħ; ii) l-ismijiet huma differenti biżżejjed, kif ukoll il-pronunzji korrispondenti tagħhom, mingħajr ma hemm omonomija, fil-każ ta’ sinjali differenti (DOP u IĠP) (40); iii) meta jitqiesu d-differenzi bejn il-prodotti u l-ismijiet, u skont dawk preċedenti, il-konsumaturi huma kompletament konxji tad-differenza fil-kwalità bejn il-prodott irreġistrat bħala DOP u dak imqiegħed fis-suq bl-isem “Île de Beauté”; (iv) hemm “distinzjoni suffiċjenti” bejn it-tliet ismijiet li fihom it-termini “Île de Beauté” u t-tliet ismijiet irreġistrati korrispondenti li fihom it-terminu “Corse”, li jkopru l-istess żona ġeografika.

–        Madankollu, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ċaħdet l-argumenti tal-awtoritajiet Franċiżi u ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-tliet IĠP, billi kkunsidrat li kienu ismijiet li potenzjalment jevokaw denominazzjonijiet diġà rreġistrati għal prodott simili, li jfisser li l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 ma jistgħux jiġu ssodisfatti.

–        Fuq din il-linja, il-Kummissjoni tqis li l-ismijiet tat-tliet applikazzjonijiet għal IĠP intużaw fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni bi ksur tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. L-applikazzjonijiet għalhekk ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament.

71.      Ir-raġunament tal-Kummissjoni, approvat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, jidhirli li huwa korrett u ma naqbilx mal-argumenti tal-appellanti insostenn tal-ewwel aggravju tagħhom.

72.      L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi li l-IĠP għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ speċifikazzjoni li għandu jkun fiha mill-inqas, inter alia, “l-isem li għandu jiġi protett bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, kif jintuża, kemm jekk fil-kummerċ kif ukoll jekk fil-lingwaġġ komuni, u bil-lingwi biss li huma jew li kienu storikament użati biex jiddeskrivu l-prodott speċifiku fiż-żona ġeografika ddefinita”.

73.      Kif diġà tennejt, fil-fażi Ewropea tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP, hija l-Kummissjoni li għandha tiċħad l-applikazzjoni jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa ma jiġux issodisfatti. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-ispeċifikazzjoni tinkludi isem tal-prodott li l-użu tiegħu fil-kummerċ ikun legali.

74.      L-użu ta’ isem ikun illegali meta jikser il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012. Skont dan il-paragrafu, “[l]-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra […] kwalunkwe użu skorrett, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi hija indikata […]”.

75.      Kif tindika b’mod ċar is-sentenza appellata (punti 36 u 37), l-ammissjoni tar-reġistrazzjoni ta’ IĠP li tevoka isem diġà rreġistrat bħala DOP iċċaħħad il-protezzjoni prevista mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 minn kull effett utli. Ladarba dan l-isem jiġi rreġistrat bħala IĠP, l-isem irreġistrat preċedentement bħala DOP ma jkunx jista’ jibbenefika iktar mill-protezzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ din l-IĠP. Għalhekk, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ IĠP ma jistgħux jinkludu isem li jevoka l-isem ta’ DOP irreġistrata preċedentement.

76.      L-appellanti jsostnu li huma l-awtoritajiet nazzjonali, u mhux il-Kummissjoni, li għandhom jivverifikaw il-ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012. Jien ma naqbilx ma’ din l-idea, għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi:

–        L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 sempliċement jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ DOP jew IĠP, li jinkludi l-projbizzjoni ta’ ismijiet li jevokawhom (41).

–        Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tgħid xejn li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli trażżan l-użu ta’ denominazzjonijiet li jevokaw l-ismijiet irreġistrati preċedentement.

–        Il-Kummissjoni għandha taġixxi kontra l-evokazzjoni sabiex timpedixxi l-użu skorrett tad-DOP u tal-IĠP, mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll tal-produtturi li jkunu investew sforzi sabiex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti li jkollhom legalment dawn l-indikazzjonijiet (42).

–        Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 1151/2012: hija prijorità li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbutin ma’ ismijiet li huma protetti jiġu rrispettati b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

77.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP hija intiża essenzjalment li tiżgura lill-konsumaturi li l-prodotti agrikoli li għandhom denominazzjoni rreġistrata jkollhom, minħabba l-provenjenza tagħhom minn żona ġeografika speċifika, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforz kwalitattiv reali li jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi japprofittaw ruħhom abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti” (43).

78.      Il-projbizzjoni ta’ evokazzjoni, li tinsab fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandha l-għan li timpedixxi lil produtturi terzi milli japprofittaw ruħhom b’mod inġust mir-reputazzjoni ta’ DOP u IĠP diġà rreġistrati.

79.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-kunċett ta’ ‘evokazzjoni’ jkopri ipoteżi li fiha s-sinjal użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn indikazzjoni ġeografika protetta, b’tali mod li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-prodott inkwistjoni, jitwassal sabiex ikollu f’moħħu, bħala xbieha ta’ riferiment, il-merkanzija li tibbenefika minn din l-indikazzjoni jew minn din id-denominazzjoni” (44). Dak li huwa essenzjali hu li l-konsumatur jistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta u inekwivokabbli bejn it-terminu użat sabiex jindika l-prodott inkwistjoni u l-IĠP.

80.      Il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “evokazzjoni” (45) ġiet ikkonsolidata, preferibbilment, permezz tal-għoti ta’ risposta għal talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar trademarks jew ismijiet protetti minn DOP u IĠP. Huma inqas frekwenti r-riżoluzzjonijiet li jsolvu appelli kontra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali li, min-naħa tagħhom, jinterpretaw (u japplikaw) dan il-kunċett.

81.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li fihom huwa aċċettat, jew miċħud, li sinjal distintiv ġdid (fejn ikun il-każ, applikazzjoni għal DOP jew IĠP) jevoka isem diġà protett huma “ta’ natura fattwali” u ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu kkontestati f’appell (46).

82.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, ma huwiex xieraq li tiġi aċċettata l-kritika li l-appellanti jagħmlu fil-konfront tal-Qorti Ġenerali talli kkorroborat l-argument tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ evokazzjoni f’din il-kawża. Din hija kwistjoni fattwali li dwarha l-Qorti Ġenerali għandha l-aħħar kelma u li ma tistax tiġi rriveduta f’appell.

83.      Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta li r-raġunament ta’ dan id-dettall jista’ jiġi rrivedut fl-appell, naqbel mal-Qorti Ġenerali li tikkonstata li l-evokazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża kienet issodisfatta.

84.      L-ismijiet ikkontestati użati fil-kummerċ sa mill-2015 jirreferu għall-istess żona ġeografika (il-gżira ta’ Korsika) bħad-DOP. Il-frażi “Île de Beauté” hija espressjoni komuni li, għal konsumatur Franċiż, tirreferi għall-gżira ta’ Korsika (47). Għalkemm dawn ma humiex denominazzjonijiet totalment jew parzjalment omonimi (48), hemm sinonimija u ma tistax tiġi eskluża l-evokazzjoni, li ma teħtieġx xebh fonetiku.

85.      Id-differenzi kwalitattivi bejn il-prodotti li isimhom huwa mitlub bħala IĠP u dawk diġà koperti mid-DOP ma jidhrux fuq it-tikketta u huma magħrufa biss minn pubbliku partikolarment infurmat. Dawn id-differenzi jindikaw kwalità iktar baxxa tal-prodotti koperti mill-IĠP u rabta inqas stretta maż-żona tal-produzzjoni (49). Il-perċezzjoni tal-konsumaturi ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi affermata l-awtonomija distintiva tal-IĠP mitluba, fir-rigward tad-DOP irreġistrati, mingħajr appoġġ minn studji u stħarriġ oġġettivi (50).

86.      Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata timpedixxi l-koeżistenza ta’ denominazzjonijiet ta’ tipi differenti għal prodotti simili mill-istess territorju.

87.      Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx b’mod espliċitu fuq dan l-argument fis-sentenza appellata, hija analizzat każijiet ta’ koeżistenza bejn DOP u IĠP (51) u ma nara l-ebda żball ta’ liġi fir-raġunament tagħha dwar din il-kwistjoni. L-eżempji ta’ koeżistenza ta’ DOP u IĠP iċċitati mill-appellanti ġew aċċettati taħt il-validità ta’ regoli li ġew imħassra (DOP “Corse/Vin de Corse” u IĠP “Île de Beauté”) jew kienu qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni (DOP “Aceto balsamico tradizionale di Modena” u IĠP “Aceto Balsamico di Modena”).

88.      Skont is-sistema tar-Regolament Nru 1151/2012, il-koeżistenza ta’ żewġ ismijiet analogi, għall-istess prodotti u fl-istess territorju, għandha titneħħa, bħala prinċipju, peress li IĠP sussegwenti ddgħajjef il-protezzjoni li dan ir-regolament joffri għal DOP preċedenti, filwaqt li tnaqqas ir-reputazzjoni tagħha.

89.      Fil-qosor, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

VII. Lispejjeż

90.      Peress li dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw biss tnejn mill-aggravji, mingħajr ma jindirizzaw l-aggravji l-oħra, ma nistax nagħti opinjoni dwar l-eventwali kundanna għall-ispejjeż tal-appellanti.

VIII. Konklużjoni

91.      Għalhekk, nipproponi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravju ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2023, Cunsorziu di i Salamaghji Corsi — Consortium des Charcutiers Corses et vs Il‑Kummissjoni (T‑34/22, EU:T:2023:386).


1      Lingwa oriġinali: l‑Ispanjol.


2      Sentenza Cunsorziu di i Salamaghji Corsi — Consortium des Charcutiers Corses et vs Il‑Kummissjoni (T‑34/22, EU:T:2023:386; iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”).


3      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2021 li tirrifjuta tliet applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Jambon sec de l’Île de Beauté” (IĠP), “Lonzo de l’Île de Beauté” (IĠP), “Coppa de l’Île de Beauté” (IĠP)) (ĠU 2021, L 383, p. 1; iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).


4      Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, fil-ĠU 2019, L 216, p. 40 u fil-ĠU 2023, L 200, p. 50).


5      Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143).


6      Ir-reġistru tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni jissejjaħ eAmbrosia u huwa disponibbli fuq https://ec.europa.eu/agriculture/eambrosia/geographical-indications-register/. eAmbrosia huwa reġistru legali ta’ ismijiet ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel, inbejjed u spirti protetti fl-Unjoni kollha. Dan jipprovdi aċċess dirett għall-informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kollha, inklużi strumenti legali ta’ protezzjoni legali u speċifikazzjonijiet.


7      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 580/2014 tat‑28 ta’ Mejju 2014 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ([Lonzo de Corse/Lonzo de Corse — Lonzu (DPO)] (ĠU 2014, L 160, p. 21); Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 581/2014 tat-28 ta’ Mejju 2014 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Jambon sec de Corse/Jambon sec de Corse — Prisuttu (DPO)] (ĠU 2014, L 160, p. 23); u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2014 tat‑28 ta’ Mejju 2014 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Coppa de Corse/Coppa de Corse — Coppa di Corsica (DPO)]. (ĠU 2014, L 160, p. 25).


8      “Salameria Corsa” huwa s-sindakat inkarigat sabiex jiddefendi l-interessi tal-produtturi tal-prodotti tal-laħam Korsiċi koperti mid-DOP irreġistrati fl‑2014. Iktar ’il quddiem is-“sindakat tal-ġestjoni tad-DOP”.


9      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1546 tas‑26 ta’ Lulju 2023 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Pancetta de l’Île de Beauté / Panzetta de l’Île de Beauté” (IĠP), “Saucisson sec de l’Île de Beauté / Salciccia de l’Île de Beauté” (IĠP), “Bulagna de l’Île de Beauté” (IĠP) u “Figatelli de l’Île de Beauté / Figatellu de l’ Île de Beauté” (IĠP) (ĠU 2023, L 188, p. 24).


10      Sentenza appellata, punt 40.


11      Sentenza appellata, punti 59 sa 61.


12      L-appellanti jiffokaw il-kritika tagħhom fuq il-punti 41 sa 61 tas-sentenza appellata.


13      Traskritta fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Din il-proċedura tapplika wkoll għall-modifiki importanti għall-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP u għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha.


15      Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1151/2012.


16      Artikolu 49(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.


17      L-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.


18      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.


19      Jiġifieri, minn dawk li ġejjin minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu kkummerċjalizzaw legalment il-prodott inkwistjoni, filwaqt li kontinwament jużaw l-ismijiet korrispondenti għal mill-inqas il-ħames snin preċedenti (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012).


20      Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 1151/2012.


21      Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.


22      Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament Nru 1151/2012.


23      Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.


24      L-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jkun akkumpanjat minn dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni, li l-ammissibbiltà tagħha tiġi analizzata mill-Kummissjoni. Jekk titqies ammissibbli, il-Kummissjoni tistieden lill-awtorità jew lill-persuna li fformulat l-oppożizzjoni u lill-awtorità nazzjonali li ppreżentat l-applikazzjoni sabiex iwettqu konsultazzjonijiet xierqa għal perijodu raġonevoli li ma jaqbiżx tliet xhur (Artikolu 51(2) u (3) tar-Regolament Nru 1151/2012).


25      Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament Nru 1151/2012.


26      Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.


27      Ara, b’mod speċjali, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023); u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, (C‑414/18, EU:C:2019:1036); kif ukoll il-konklużjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2018 (C‑219/17, EU:C:2018:502) u tad‑9 ta’ Lulju 2019 (C‑414/18, EU:C:2019:574) li ppreżentajt f’dawn il-kawżi. Ara, ukoll, Christina Eckes, C., D’Ambrosio, R., “Composite administrative procedures in the European Union”, Legal Working Paper Series, Nru 20, Novembru tal-2020, u Di Bucci, V., “Procedural and judicial implications of composite procedures in the banking union”, f’Zilioli, C., Wojcik, K.-P., Judicial Review in the European Banking Union, Edward Elgar, 2021, p. 114 sa 129.


28      Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46; iktar ’il quddiem is-“sentenza GAEC Jeanningros”), punti 23 sa 27. Ara, ukoll, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et (C‑269/99, EU:C:2001:659); u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415).


29      Sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Hengstenberg (C‑53/20, EU:C:2021:279), punt 37, b’ċitazzjoni mis-sentenza GAEC Jeanningros, punt 24.


30      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom protezzjoni nazzjonali tranżitorja tal-IĠP, limitata għat-territorju tagħhom, mit-tlestija tal-fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Din iċ-ċirkustanza tirrifletti l-kontroll tal-awtorità nazzjonali fuq il-fażi interna ta’ dawn il-proċeduri komposti.


31      Sentenza GAEC Jeanningros, punti 31 u 37. Ara l-kummentarju dwar din il-ġurisprudenza ta’ Brito Bastos, F., “Judicial Annulment of National Preparatory Acts and the Effects on Final Union Administrative Decisions: Comments on the Judgment of 29 January 2020, Case C-785/18  Jeanningros EU:C:2020:46”, Review of European Administrative Law, 2021, Nru 2, p. 109 sa 117.


32      Premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012.


33      Li jirriżulta fl-ipproċessar, mill-Kummissjoni, tal-oppożizzjonijiet transnazzjonali permezz tal-proċedura tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012.


34      Sentenza appellata, punt 59.


35      Sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et (C‑269/99, EU:C:2001:659), punti 57 u 58; u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415), punti 70 u 71.


36      Sentenza appellata, punt 44.


37      Kif diġà spjegajt, il-Kummissjoni ċaħdet biss tlieta mis-seba’ applikazzjonijiet ta’ IĠP ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi.


38      Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha s-setgħa kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet tal-IĠP minn pajjiżi terzi, li għalihom ma hemm l-ebda fażi nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 1151/2012).


39      Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/1879, il-premessi 13 sa 16. Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, dwar l-isem “Jambon sec de l’Île de Beauté” (IGP), u f’żewġ sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2020, dwar, rispettivament, l-ismijiet “Coppa de l’Île de Beauté” (IĠP) u “Lonzo de l’Île de Beauté” (IĠP), il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad it-tliet talbiet imressqa mis-sindakat tal-ġestjoni tad-DOP u aċċetta l-argumenti tal-awtoritajiet Franċiżi sabiex dawn l-ismijiet jiġu rreġistrati bħala IĠP.


40      L-awtoritajiet Franċiżi semmew l-eżistenza ta’ każijiet paragunabbli ta’ ismijiet simili li jirreferu għall-istess żona ġeografika: l-ismijiet tal-inbejjed irreġistrati “Île de Beauté” (DOP) u “Corse” (IĠP), li huma sinonimi u jirreferu għall-istess żona ġeografika, u l-ismijiet tal-prodotti agrikoli rreġistrati, “Aceto balsamico tradizionale di Modena” (DOP) u “Aceto Balsamico di Modena” (IĠP), li huma prattikament omonimi.


41      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (DOP Feta) (C‑159/20, EU:C:2022:561), li ddikjarat li r-Renju tad-Danimarka kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf l-użu mill-produtturi Daniżi tal-ħalib tad-DOP “Feta” sabiex jindikaw ġobon li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ dik id-DOP.


42      Sentenzi tal‑15 ta’ April 2021, Hengstenberg (C‑53/20, EU:2021:279, punt 43); u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 38).


43      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 35); tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 49); u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (DOP Feta) (C‑159/20, EU:C:2022:561, punt 56).


44      Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 55); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 26); u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 44).


45      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 45, 51 u 53); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 26); u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑783/19, EU:C:2021:713, punti 58 sa 60).


46      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 126).


47      Id-deċiżjoni kontenzjuża, fil-premessa 9, tippreċiża li l-użu ta’ “Île de Beauté” sabiex tiġi indikata Korsika huwa mifrux ħafna, speċjalment fiż-żoni turistiċi, inklużi dawk li ma humiex Franċiżi, u biblijografija estensiva tikkonferma li l-konsumaturi jqisu ż-żewġ termini bħala sinonimi, b’tali mod li “Île de Beauté” hija “evokattiva” ta’ Korsika u viċe versa. Ara wkoll is-sentenza appellata, punti 87, 88 u 94.


48      Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ ismijiet omonimi ma’ ismijiet diġà rreġistrati fir-reġistru eAmbrosia.


49      Sentenza appellata, punti 80 u 81 u l-premessa 19 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


50      L-awtoritajiet Franċiżi u s-sentenzi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jirreferu għal studju tal-Consortium des Charcutiers Corses, ippreżentat mal-applikazzjonijiet tal-IĠP, dwar id-differenzi bejn il-prodotti suġġetti għal dawn l-IĠP u dawk protetti mid-DOP. Is-sentenza appellata (punt 82) tirreferi għal studju ieħor, ipprovdut mill-istess konsorzju u li sar, fuq talba tiegħu, f’Mejju 2021, dwar il-perċezzjoni mill-konsumaturi tad-differenzi bejn id-DOP u l-IĠP taz-zalzett Korsiku, li l-awtoritajiet Franċiżi ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi tal-kontenut ta’ dan l-istudju mill-Qorti Ġenerali (li, bħala evalwazzjoni tal-provi, ma jistax, fil-prinċipju, jiġi eżaminati fl-appell) teskludi li jista’ jiġi dedott li ċertu perċentwali ta’ konsumaturi huwa konxju ta’ tali differenzi.


51      Sentenza appellata, punti 100 sa 108.

OSZAR »
OSZAR »