Language of document : ECLI:EU:C:2024:558

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u fis-saħħa fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu – Direttiva 92/85/KEE – Projbizzjoni ta’ tkeċċija – Ħaddiema li saret taf bit-tqala tagħha wara l-iskadenza tat-terminu sabiex tippreżenta rikors kontra t-tkeċċija tagħha – Possibbiltà li jiġi ppreżentat tali rikors suġġett għat-tressiq ta’ talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv f’terminu ta’ ġimagħtejn – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑284/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Mainz (il-Qorti Industrijali ta’ Mainz, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

TC

vs

Firma Haus Jacobus Alten- und Altenpflegeheim gGmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Firma Haus Jacobus Alten- und Altenpflegeheim gGmbH, minn I. Michalis, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, kif ukoll minn D. Recchia u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TC u Firma Haus Jacobus Alten- und Altenpflegeheim gGmbH (iktar ’il quddiem “Haus Jacobus”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li tamministra istituzzjoni għall-kura tal-anzjani, dwar it-tkeċċija ta’ TC, li kienet tqila fid-data ta’ din it-tkeċċija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85 jiddefinixxi “ħaddiema tqila” bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

4        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija”, jipprevedi li:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1.      l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita' kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2.      jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.”

5        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Ħarsien tad-Drittijiet”, jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.”

 Iddritt Ġermaniż

6        L-Artikolu 17 tal-Gesetz zum Schutz von Müttern bei der Arbeit, in der Ausbildung und im Studium (Mutterschutzgesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ommijiet li Jeżerċitaw Attività Professjonali, li Jsegwu Taħriġ jew li Jsegwu Studji (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Maternità)), tat‑23 ta’ Mejju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 1228, iktar ’il quddiem il-“MuSchG”), intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija”, jaqra kif ġej:

“(1)      It-tkeċċija ta’ mara hija illegali

1.      matul it-tqala tagħha,

2.      sal-iskadenza ta’ perijodu ta’ erba’ xhur wara korriment li jkun seħħ wara t-tnax‑il ġimgħa ta’ tqala u

3.      sat-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni tagħha wara t-twelid, u tal-inqas sal-iskadenza ta’ perijodu ta’ erba’ xhur wara t-twelid,

meta l-persuna li timpjega tiġi informata, fid-data tat-tkeċċija, bl-istat ta’ tqala, bil-korriment li jkun seħħ wara t-tnax‑il ġimgħa ta’ tqala jew bit-twelid jew meta tiġi informata b’dan fi żmien ġimagħtejn mill-komunikazzjoni tat-tkeċċija lill-persuna kkonċernata. L-iskadenza ta’ dan it-terminu ma tippreġudikax lill-persuna kkonċernata meta din tkun dovuta għal raġuni li ma hijiex imputabbli lilha u meta din l-informazzjoni tiġi kkomunikata mingħajr dewmien lill-persuna li timpjega. L-ewwel żewġ sentenzi japplikaw mutatis mutandis għall-miżuri preparatorji implimentati mill-persuna li timpjega sabiex il-persuna kkonċernata titkeċċa.

(2)      B’mod eċċezzjonali, l-ogħla awtorità tal-Land kompetenti fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew l-organu maħtur minnha jistgħu, f’każijiet partikolari mhux marbuta mal-kundizzjoni tal-mara matul it-tqala, wara korriment li jkun seħħ wara t-tnax‑il ġimgħa ta’ tqala jew wara t-twelid, jiddikjaraw li t-tkeċċija hija legali. It-tkeċċija għandha ssir bil-miktub u r-raġuni tagħha għandha tiġi indikata.

[…]”

7        Il-Kündigungsschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni kontra t-Tkeċċijiet), tal‑25 ta’ Awwissu 1969 (BGBl 1969 I, p. 1317), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KSchG”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Kawża mressqa quddiem [l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja)]”:

“Meta ħaddiem ikun jixtieq jikkontesta tkeċċija minħabba li hija soċjalment inġusta jew, għal raġunijiet oħra, legalment ineffettiva, huwa obbligat, fi żmien tliet ġimgħat mill-komunikazzjoni bil-miktub tat-tkeċċija, jippreżenta rikors quddiem [l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali)], intiż sabiex jiġi kkonstatat li t-tkeċċija ma temmitx ir-relazzjoni ta’ xogħol. Fil-kuntest tal-Artikolu 2, ir-rikors għandu jkun intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol hija soċjalment inġusta jew, għal raġunijiet oħra, legalment ineffettiva. Meta l-ħaddiem ikun qajjem oġġezzjoni quddiem ir-rappreżentanti tal-persunal (Artikolu 3), huwa għandu jehmeż mar-rikors l-osservazzjonijiet tal-imsemmija rappreżentanti. Sakemm it-tkeċċija tkun suġġetta għall-approvazzjoni ta’ awtorità, it-terminu sabiex tiġi adita [l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali)] għandu jibda jiddekorri biss mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità lill-ħaddiem.”

8        L-Artikolu 5 tal-KSchG, intitolat “Ammissjoni ta’ rikorsi tardivi”, jgħid li:

“(1)      Meta, wara li jkun tkeċċa, ħaddiem, minkejja li jkun wera d-diliġenza kollha li seta’ jkun meħtieġ minnu fiċ-ċirkustanzi tal-każ, sab ruħu fl-impossibbiltà li jippreżenta r-rikors fi żmien tliet ġimgħat mill-komunikazzjoni bil-miktub tat-tkeċċija, hemm lok, jekk huwa jitlob dan, li r-rikors jiġi ammess a posteriori. L-istess japplika meta mara, għal raġuni li ma tistax tiġi attribwita lilha, tkun saret taf bit-tqala tagħha biss wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4.

(2)      It-talba għandha tiġi mehmuża mar-rikors; meta r-rikors ikun diġà ġie ppreżentat, għandu jsir riferiment għalih fit-talba. Barra minn hekk, it-talba għandha ssemmi l-fatti li jiġġustifikaw l-ammissjoni a posteriori tar-rikors kif ukoll l-elementi li jippermettu li jiġu ssostanzjati b’mod kredibbli.

(3)      It-talba hija ammissibbli biss f’terminu ta’ ġimagħtejn wara t-tneħħija tal-impediment li jiġi ppreżentat ir-rikors. Wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur, li jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu li ma jkunx ġie osservat, ma jkunx iktar possibbli li t-talba tiġi ppreżentata.

[…]”

9        L-Artikolu 7 tal-KSchG, intitolat “Dħul fis-seħħ tat-tkeċċija”, jipprevedi li:

“Jekk in-nullità legali ta’ tkeċċija ma tiġix invokata fi żmien xieraq (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4, Artikoli 5 u 6), it-tkeċċija għandha titqies li hija valida b’mod awtomatiku […]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

10      TC kienet impjegata, mill‑1 ta’ Awwissu 2022 u abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ sena, bħala infermiera awżiljarja minn Haus Jacobus.

11      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Haus Jacobus keċċiet lil TC b’effett mill‑21 ta’ Ottubru 2022.

12      Fid‑9 ta’ Novembru 2022, ġie kkonstatat medikament li TC kienet seba’ ġimgħat tqila. Hija informat lil Haus Jacobus fl‑10 ta’ Novembru 2022.

13      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Diċembru 2022, TC ippreżentat rikors quddiem l-Arbeitsgericht Mainz (il-Qorti Industrijali ta’ Mainz, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra t-tkeċċija tagħha, għar-raġuni li, fid-data ta’ din it-tkeċċija, hija kienet tqila.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4 tal-KSchG, li tipprevedi li, fil-każ fejn it-tkeċċija tkun suġġetta għall-approvazzjoni ta’ awtorità, it-terminu sabiex titressaq kawża quddiem l-Arbeitsgericht (it-Tribunal Industrijali) jibda jiddekorri biss mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità lill-ħaddiem, ma hijiex applikabbli meta l-persuna li timpjega tkun ġiet informata bit-tqala wara t-tkeċċija, b’tali mod li, skont l-Artikolu 7 tal-KSchG, it-tkeċċija titqies valida wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet ġimgħat previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, u dan minkejja l-protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 17 tal-MuSchG, ħlief jekk titressaq talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv skont l-Artikolu 5 tal-KSchG.

15      Għalhekk, peress li TC ma ppreżentatx tali talba, hemm lok, skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-KSchG, li r-rikors tagħha jiġi miċħud. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pontin”, EU:C:2009:666), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rimedji ġudizzjarji disponibbli għal mara tqila għandhom ikunu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni li tosserva l-prinċipju ta’ effettività.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li, skont parti mid-duttrina Ġermaniża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel il-protezzjoni ġudizzjarja tan-nisa tqal eċċessivament diffiċli, minħabba l-koeżistenza ta’ termini differenti partikolarment qosra, li kull wieħed minnhom jista’ jwassal għall-esklużjoni mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija, u li huma iqsar meta l-persuna kkonċernata ssir taf bit-tqala tagħha biss wara t-tkeċċija tagħha, jew inkella minħabba l-obbligi li għandhom jiġu eżegwiti kultant fil-konfront tal-persuna li timpjega, u kultant fil-konfront tal-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali).

17      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tafferma li l-Artikolu 17 tal-MuSchG jippermetti, skont id-dritt tal-Unjoni, lil ħaddiema tqila tinvoka l-protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija billi tikkomunika t-tqala tagħha lill-persuna li timpjegaha wara t-tkeċċija tagħha, inkluż wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet ġimgħat sabiex tikkontesta din it-tkeċċija, previst fl-Artikolu 4 tal-KSchG, u tat-terminu ta’ ġimagħtejn previst fl-Artikolu 17 tal-MuSchG. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li xejn ma jidher jiġġustifika, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li ħaddiema tqila hija obbligata tosserva l-proċedura prevista fl-Artikolu 5 tal-KSchG sabiex ir-rimedju ġudizzjarju tagħha jiġi aċċettat. Fil-fatt, meta ħaddiema tinforma lill-persuna li kienet timpjegaha, wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu ta’ ġimagħtejn, li hija kienet tqila fil-mument meta tkeċċiet, il-persuna li timpjega ma tistax tifhimha b’mod ieħor ħlief bħala mod kif tiġi affermata n-nullità tat-tkeċċija tagħha.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Mainz (il-Qorti Industrijali ta’ Mainz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[…] [I]d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi nazzjonali tal-Artikoli 4 u 5 [tal-KSchG] li jipprovdu li anki mara li, inkwantu tqila, tibbenefika minn protezzjoni speċifika kontra t-tkeċċija mix-xogħol hija neċessarjament obbligata, sabiex iżżomm din il-protezzjoni, tippreżenta rikors fit-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, [huma] kompatibbli mad-[Direttiva 92/85?]”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

19      Haus Jacobus issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissbbli sa fejn ir-risposta għad-domanda magħmula ma hijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

20      Din il-kumpannija ssostni, l-ewwel nett, li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ħaddiema tqila hijiex marbuta li tagħmel użu minn rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, f’dan il-każ dak previst fl-Artikolu 5 tal-KSchG, sabiex tinvoka d-drittijiet mogħtija lilha mid-Direttiva 92/85. Issa, ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta direttament mill-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li kull ħaddiema li tħossha leża min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva għandha tinvoka d-drittijiet tagħha billi tuża r-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt nazzjonali.

21      It-tieni nett, peress li l-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ressqitx talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KSchG, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata, għall-finijiet tal-eżitu tal-kawża prinċipali, id-domanda magħmula, li tirrigwarda l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju previst f’dan l-artikolu.

22      It-tielet nett, il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jippermettu lil kull ħaddiema tqila tinvoka n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 92/85 mingħajr ma jkollha għalfejn tagħmel użu minn rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, bħal dak previst fl-Artikolu 5 tal-KSchG, tmur lil hinn mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

23      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Vapo Atlantic, C‑604/21, EU:C:2023:175, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li l-argumenti ta’ Haus Jacobus imsemmija fil-punti 20 u 22 ta’ din is-sentenza jirrigwardaw il-mertu tad-domanda magħmula u mhux l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, in-natura allegatament evidenti tar-risposta għal din id-domanda ma tistax tiġġustifika konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà. Fil-fatt, anki jekk jitqies li din hija domanda li r-risposta għaliha, skont l-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, talba għal deċiżjoni preliminari li tinkludi tali domanda ma ssirx għalhekk inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Vapo Atlantic, C‑604/21, EU:C:2023:175, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula ma tirrigwardax l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 5 tal-KSchG, iżda l-kwistjoni dwar jekk l-obbligu li jsir użu minn tali rimedju ġudizzjarju sabiex jiġu invokati d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 92/85 huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività.

26      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ħaddiema tqila li saret taf bit-tqala tagħha biss wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors kontra t-tkeċċija tagħha hija obbligata, sabiex tkun tista’ tippreżenta tali rikors, li tressaq talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv f’terminu ta’ ġimagħtejn.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxu t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħhom sat-tmiem tal-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1) tagħha, ħlief fil-każijiet ta’ eċċezzjoni li ma jkunux marbuta mal-kundizzjoni tagħhom, li huma permessi mil-liġijiet u/jew mill-prattiki nazzjonali u, jekk ikun il-każ, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha.

29      Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri huma wkoll marbuta li jinkludu fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom il-miżuri neċessarji li jippermettu lil kull ħaddiema li tħoss li tkun ġiet ippreġudikata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tagħha, li tinvoka d-drittijiet tagħha ġudizzjarjament. Il-punt 3 ta’ dan l-Artikolu 10 jipprevedi speċifikament li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu lill-ħaddiema tqal mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija illegali skont il-punt 1 tal-imsemmi artikolu.

30      Dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, jikkostitwixxu espressjoni speċifika, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni (sentenza Pontin, punt 41).

31      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għalkemm l-Istati Membri ma humiex marbuta, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, li jadottaw miżura partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżura magħżula għandha tkun ta’ natura li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi, għandu jkollha effett dissważiv reali fir-rigward tal-persuna li timpjega u fi kwalunkwe każ għandha tkun adegwata għad-dannu subit (sentenza Pontin, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili tad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Pontin, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi ma’ dan il-prinċipju.

34      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha kif ukoll l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari ta’ din tal-aħħar quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. Minn din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 304 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għalhekk il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, peress li tali termini ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tat-termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pontin, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Land Sachsen-Anhalt (Remunerazzjoni tal-uffiċjali u mħallfin), C‑773/18 sa C‑775/18, EU:C:2020:125, punt 69).

36      Għalhekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludux, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ azzjoni intiża sabiex tinkiseb l-integrazzjoni mill-ġdid fi ħdan l-impriża kkonċernata ta’ impjegata mkeċċija illegalment, l-iffissar ta’ terminu ta’ dekadenza relattivament qasir. Fil-fatt, jista’ jkun hemm interess ibbażat fuq iċ-ċertezza legali, kemm għall-ħaddiema tqal imkeċċija kif ukoll għall-persuni li timpjegaw, li l-possibbiltà li qorti tiġi adita b’tali azzjoni tkun limitata fiż-żmien, fid-dawl b’mod partikolari tal-konsegwenzi, għall-atturi kollha kkonċernati, tal-imsemmija integrazzjoni mill-ġdid, meta din isseħħ wara tul ta’ żmien sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pontin, punti 60 u 61).

37      Madankollu, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax‑il jum applikabbli għall-azzjoni għal nullità ta’ tkeċċija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li tali terminu għandu jitqies li huwa partikolarment qasir, fid-dawl b’mod partikolari tas-sitwazzjoni li fiha tinsab mara fil-bidu tat-tqala u, min-naħa l-oħra, li jkun diffiċli ħafna, filwaqt li jiġi osservat dan it-terminu, għal ħaddiema mkeċċija matul it-tqala tagħha li tieħu parir utli kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tfassal u tippreżenta rikors (sentenza Pontin, punti 62 u 65).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pontin, li ħaddiema tqila li, għal kwalunkwe raġuni, tħalli dan it-terminu ta’ ħmistax‑il jum jgħaddi ma jkollhiex iktar azzjoni ġudizzjarja sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha wara t-tkeċċija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pontin, punt 66).

39      Fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li modalitajiet proċedurali bħal dawk li jikkaratterizzaw l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, li jwasslu għal inkonvenjenzi proċedurali ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-drittijiet li n-nisa tqal jisiltu mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ma josservawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pontin, punti 67 u 69).

40      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tal-KSchG, rikors intiż sabiex jikkontesta tkeċċija għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet ġimgħat mill-komunikazzjoni bil-miktub tat-tkeċċija. Madankollu, skont l-Artikolu 5 tal-KSchG, rikors imressaq wara dan it-terminu minn ħaddiema tqila jista’ madankollu jiġi milqugħ jekk din tal-aħħar, wara li saret taf bit-tqala tagħha biss wara li jiskadi l-imsemmi terminu ta’ tliet ġimgħat, tagħmel talba għal dan l-għan. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ ġimagħtejn wara t-tneħħija tal-impediment li jiġi ppreżentat ir-rikors.

41      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma ppreżentatx rikors kontra t-tkeċċija tagħha f’terminu ta’ tliet ġimgħat li bdew jiddekorru mill-komunikazzjoni bil-miktub tagħha, lanqas ma ressqet tali talba, b’tali mod li r-rikors tagħha għandu jiġi miċħud ħlief jekk, kif hija tqis, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

42      Din il-qorti tosserva li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet ġimgħat previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tal-KSchG huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza taċ-ċertezza legali u li l-istess jidher li japplika fir-rigward tat-terminu ta’ ġimagħtejn sabiex titressaq talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv previst fl-Artikolu 5(3) tal-KSchG.

43      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-termini ta’ dekadenza, l-Istati Membri ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni biss iċ-ċertezza legali. Parametri oħra, bħall-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu jew inkella interessi oħra pubbliċi jew privati, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

44      F’dan ir-rigward, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija tal-ħaddiema tqal, kif iggarantita mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, tikkostitwixxi parametru importanti li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni.

45      Fil-fatt, huwa fid-dawl tar-riskju li tkeċċija eventwali tkun ta’ piż fuq is-sitwazzjoni fiżika u psikoloġika ta’ ħaddiema tqila li l-leġiżlatur tal-Unjoni, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ippreveda protezzjoni partikolari għall-mara billi stabbilixxa din il-projbizzjoni ta’ tkeċċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Porras Guisado, C‑103/16, EU:C:2018:99, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Huwa minnu li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 5 tal-KSchG jippermetti, permezz ta’ talba għal ammissjoni, li jiġi ppreżentat rikors tardiv meta t-terminu ordinarju ta’ tliet ġimgħat sabiex jitressaq rikors kontra t-tkeċċija jkun skada meta l-mara, għal raġuni li ma hijiex attribwibbli lilha, ma kinitx għadha taf bit-tqala tagħha.

47      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li din it-talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv għandha titressaq f’terminu ta’ ġimagħtejn wara t-tneħħija tal-impediment li jiġi ppreżentat ir-rikors, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi terminu partikolarment qasir, fid-dawl b’mod partikolari tas-sitwazzjoni li fiha tinsab mara fil-bidu tat-tqala (sentenza Pontin, punt 62).

48      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li dan it-terminu ta’ ġimagħtejn huwa iqsar mit-terminu ordinarju ta’ tliet ġimgħat, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tal-KSchG, sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra tkeċċija.

49      Għalhekk, ħaddiema tqila li kienet taf, fil-mument tat-tkeċċija tagħha, bit-tqala tagħha, għandha terminu ta’ tliet ġimgħat sabiex tippreżenta tali rikors. Min-naħa l-oħra, ħaddiema li ma tkunx taf bit-tqala tagħha qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, u dan għal raġuni li ma tistax tiġi attribwita lilha, għandha biss ġimagħtejn sabiex titlob li titħalla tippreżenta tali rikors, li jimplika tnaqqis kunsiderevoli tat-terminu sabiex tingħata parir utli u, jekk ikun il-każ, sabiex tirrediġi u tippreżenta mhux biss din it-talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv, iżda wkoll ir-rikors innifsu. Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 5(2) tal-KSchG jipprevedi li dan ir-rikors huwa, bħala prinċipju, ippreżentat fl-istess żmien tal-imsemmija talba.

50      F’dan ir-rigward, Haus Jacobus tafferma, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li t-talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet formali partikolari u li din saħansitra tista’ titressaq bil-fomm quddiem ir-Reġistru ta’ kwalunkwe qorti, inkluża qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li, anki jekk is-sempliċi fatt li jiġi ppreżentat rikors kontra t-tkeċċija ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li tali talba tkun ġiet ippreżentata, din tista’ madankollu tiġi fformulata impliċitament.

51      Madankollu, anki jekk jirriżulta li dawn il-preċiżazzjonijiet huma korretti, wara l-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li, meta ħaddiema ssir taf, bħal f’dan il-każ, li hija tqila wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet ġimgħat wara t-tkeċċija tagħha, hija obbligata, taħt piena ta’ dekadenza, mhux biss li tippreżenta rikors, iżda wkoll li tressaq talba għall-ammissjoni ta’ dan ir-rikors tardiv f’terminu ta’ ġimagħtejn, jiġifieri terminu inqas minn dak li din il-ħaddiema kien ikollha li kieku kienet taf bit-tqala tagħha fil-mument tat-tkeċċija tagħha. B’hekk, dan it-terminu ta’ ġimagħtejn jista’ jkollu bħala effett li jkun diffiċli ħafna, għall-imsemmija ħaddiema, li tingħata parir utli kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tirrediġi u tressaq it-talba għall-ammissjoni u r-rikors innifsu.

52      Fit-tielet lok, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn imsemmi fl-Artikolu 5(3) tal-KSchG, jiġifieri l-mument tat-“tneħħija tal-impediment li jiġi ppreżentat ir-rikors”, ma jidhirx li huwa nieqes minn kull ambigwità, u dan jista’ jikkontribwixxi sabiex l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 92/85 isir iktar diffiċli.

53      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-MuSchG, il-ħaddiema mkeċċija għandha tinforma mingħajr dewmien lill-persuna li timpjegaha bit-tqala tagħha. Fid-dawl ta’ dan l-obbligu, dik il-qorti tistaqsi jekk ir-rekwiżit addizzjonali li din il-ħaddiema għandha tressaq, quddiem qorti, talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv għandux jitqies li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-fatt li l-ħaddiema hija obbligata mhux biss tinforma mingħajr dewmien lill-persuna li timpjegaha bit-tqala tagħha iżda wkoll li tressaq, f’terminu ta’ ġimagħtejn, talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv quddiem qorti kif ukoll, bħala prinċipju, ir-rikors innifsu, jikkontribwixxi sabiex tintwera l-kumplessità tas-sistema implimentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi diversi obbligi konkorrenti, li għandhom jiġu eżegwiti b’osservanza ta’ termini distinti li huma sovrapposti, kultant fil-konfront ta’ persuna li timpjega, u kultant fil-konfront ta’ qorti.

55      Madankollu, sempliċi informazzjoni mogħtija lill-persuna li timpjega ma tistax, bħala prinċipju, titqies li hija ekwivalenti għall-preżentata, quddiem qorti, ta’ att meħtieġ mil-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali sabiex tiġi kkontestata tkeċċija jew, a minima, sabiex jiġi sospiż it-terminu ta’ dekadenza sabiex tiġi kkontestata din it-tkeċċija.

56      Minn dan isegwi li r-rekwiżit li titressaq, quddiem qorti, talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv ma jistax, bħala tali, jitqies li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u dan anki meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, barra minn hekk, l-obbligu, għall-ħaddiema kkonċernata, li tinforma mingħajr dewmien lill-persuna li timpjegaha dwar it-tqala tagħha.

57      Min-naħa l-oħra, il-modalitajiet proċedurali li jirregolaw tali talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

58      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu ta’ ġimagħtejn previst fl-Artikolu 5 tal-KSchG jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li joħloq inkonvenjenzi proċedurali ta’ natura li jiksru l-prinċipju ta’ effettività u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-Direttiva 92/85. Fil-fatt, dan it-terminu, li huwa ferm iqsar mit-terminu ordinarju previst fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, jidher, fid-dawl tas-sitwazzjoni li fiha tinsab mara fil-bidu tat-tqala, partikolarment qasir u ta’ natura li jirrendi diffiċli ħafna, għall-ħaddiema tqila, li tingħata parir utli u, jekk ikun il-każ, li tirrediġi u tressaq talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv kif ukoll ir-rikors innifsu, u dan peress li inċertezzi ma għandhomx jiġu esklużi fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu ta’ ġimagħtejn u tal-kumulu ta’ obbligi, li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal termini differenti, li għandhom jitwettqu kultant fil-konfront tal-persuna li timpjega, u kultant fil-konfront ta’ qorti.

59      Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ħaddiema tqila li saret taf bit-tqala tagħha biss wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors kontra t-tkeċċija tagħha hija obbligata, sabiex tkun tista’ tippreżenta tali rikors, li tressaq talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv f’terminu ta’ ġimagħtejn, sakemm il-modalitajiet proċedurali li jirregolaw din it-talba għal ammissjoni, sa fejn dawn iwasslu għal inkonvenjenzi ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-drittijiet li l-ħaddiema tqal jisiltu mill-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, ma josservawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

 Fuq lispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ħaddiema tqila li saret taf bit-tqala tagħha biss wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors kontra t-tkeċċija tagħha hija obbligata, sabiex tkun tista’ tippreżenta tali rikors, li tressaq talba għall-ammissjoni tar-rikors tardiv f’terminu ta’ ġimagħtejn, sakemm il-modalitajiet proċedurali li jirregolaw din it-talba għal ammissjoni, sa fejn dawn iwasslu għal inkonvenjenzi ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-drittijiet li l-ħaddiema tqal jisiltu mill-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, ma josservawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

OSZAR »
OSZAR »